Diskors spontanju tal-Papa qabel ma’ daħal fil-Katidral

Il-lejla t-tajba!

Nirrngarazzjalilkom ilkoll li tinsabu hawn, mexxejja Kristjani, lajċi li taħdmu għall-qadi tas-Saltna t’Alla.

Qaluli li kelli nagħmel tislima sempliċi u qed tiġini f’moħħi kelma li nixtieq naqsam magħkom.  L-Appostlu Pawlu kien jgħid: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!”

Aħna rridu li l-Evanġelju jingħex bħala grazzja, bħala teżor li rċevejna b’xejn.  Għandna nitolbu lill- Mulej li nħossu fina dak li kien iħoss Pawlu.  Inħossu dak in-nar, dik il-ħerqa fi qlubna biex nevanġeliżżaw.  Ma jfissirx li nagħmlu l-prożelitiżmu, it-tkabbir isir bl-eżempju.  Ifisser li bil-kelma u bil-ħajja nuru t-teżor li ġie mogħti lilna.  Din hi l-evanġeliżżazzjoni.  Jiena ngħix hekk, ngħix dil-kelma, ħalli l-oħrajn jaraw; imma b’hekk mhux qed nagħmlu l-prożelitiżmu.

Nirringrazzjakom ta’ dak li tagħmlu, nirringrazzjakom tal-impenn tagħkom għax qed tagħtu xhieda tar-rigal li tana Alla.

U nażżarda nitlobkom favur: ħarsu t-teżor li Alla tana fl-Evanġelju.  U l-aħjar mod biex jitħares hu l-grazzja t’Alla.  Għalhekk nistedinkom biex titolbu ħafna, itolbu ħafna biex tingħatalkom dil-grazzja u sseddqilkom dat-teżor.

U nibqgħu għaddejjin fil-mixja aħna u nagħtu xhieda ta’ dat-teżor li Alla tahulna b’xejn u li aħna għandna noffruh lill-oħrajn bil-gratwità wkoll.

U issa, bħala aħwa, nitolbu dil-grazzja għal xulxin bir-reċita tat-talba li għallimna Ġesù.

(Missierna li inti fis-smewwiet)

Il-Mulej iberikkom u jħariskom.  Jalla wiċċu jdawwal lil tagħkom u jurikom il-grazzja tiegħu.  Jurikom wiċċu u jtikom dil-grazzja.

Tinsewx titolbu għalija.

 

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LILL-ISQFIJIET TAL-BANGLADESH

Eminenza,
Għeżież ħuti fl-Epsikopat,

Kemm hu sew għalina li ninsabu flimkien.  Irrodd ħajr lill-Kardinal Patrick (D’Rosario) għall-kliem ta’ introduzzjoni, li bihom ippreżentalna l-attivitajiet spiritwali u pastorali varji tal-Knisja tal-Bangladesh.  Apprezzajt b’mod partikolari dak li qal dwar il-Pjan Pastorali tal-1985 li kien iħares sew ‘il quddiem u li tefa’ dawl fuq il-prinċipji evanġeliċi u l-prijoritajiet li mexxew il-ħajja u l-missjoni tal-komunità ekkleżjali f’dan-nazzjon zgħażugħ.  L-esperjenza personali f’Aparecida, li kienet niedet il-missjoni kontinentali fl-Amerika t’Isfel, ikkonvinċienti kemm kienu ta’ fejda dawn il-pjanijiet li kienu jħaddnu fihom il-poplu t’Alla kollu kemm hu fi proċess kontinwu ta’ dixxerniment u azzjoni.

Jogħġobni anki t-tul ta’ dal-pjan pastorali, għax waħda mill-mardiet tal-pjanijiet pastorali hi li jmutu malajr.  Imma dan ilu ħaj mill-1985: kumplimenti!  Awguri!  Jidher li kien imħejji tajjeb, li jirrifletti r-realtajiet tal-pajjiż; u jirifletti wkoll il-perseveranza tal-isqfijiet.

Il-qalba tal-Pjan Pastorali kienet ir-realtà tal-komunjoni li ma hedietx tispira ż-żelu missjunarju karatteristiku tal-Knisja tall-Bangladesh.  Il-gwida episkopali tagħkom hi mmarkata tradizzjonalment mill-ispirtu ta’ kolleġġjalità u sostenn reċiproku.  Din hi ħaġa kbira!  Dan l-ispirtu ta’ għaqda kolleġġjali jinqasam ukoll flimkien mas-saċerdoti, u, peremezz tagħhom, infirex fil-parroċċi, fil-komunitajiet u fid-diversi għamliet tal-appostolat tal-Knejjes lokali tagħkom.  Isib it-tifsir tiegħu fis-serjetà li biha, fid-djoċesijiet tagħkom, intom tiddedikaw ruħkom għaż-żjajjar pastorali u f’kif tieħdu interess konkret għall-ġid tan-nies tagħkom.  Nitlobkom tipperseveraw f’dal-ministeru tal-preżenza.  Irrid nisħaq fuq it-tifsira tiegħu: mhux biss li nidhru – nistgħu nidhru anki permezz tat-televixin ; imma preżenza tixbaħ dik ta’ Alla fina, li jinsab qrib tagħna, li resaq ħdejna bl-Inkarnazzjoni tal-Verb, bid-disponibbiltà, dik id-disponibbiltà li biha l-Missier bagħat lil Ibnu biex isir wieħed bħalna.  U togħġobni l-kelma li intom għażiltu: “ministeru ta’ preżenza”.  L-isqof hu dak li jkun preżenti, li hu qrib tal-proxxmu.  Dejjem.  Intenni: ipperseveraw f’dal-ministeru tal-preżenza, li waħdu għandu ħila joħloq rabtiet ta’ komunjoni bl-għaqda mas-saċerdoti, li huma ħutkom, uliedkom, kollaboraturi tagħkom fl-għalqa tal-Mulej, u mar-reliġjużi nisa u rġiel li jagħtu kontribut tant fundamentali lill-ħajja kattolika f’dal-pajjiż.

Irrid inżid kelma oħra dwar ir-reliġjużi.  Aħna mdorrijin ngħidu: iva, hemm żewġ toroq li jmexxu lejn il-qdusija fil-Knisja: it-triq presbiterali u t-triq lajkali.  Imma s-sorijiet x’inhuma?, lajċi?  Le.  Jekk jogħġobkom jeħtieġ indaħħlu l-idea li hemm it-tielet triq lejn il-qdusija: it-triq tal-ħajja konsagrata.  (Kelma) li mhix sempliċi aġġettiv: “dan hu lajk, din hi lajka ikkonsagrati”; huwa sostantiv: “dan hu konsagrat, din hi konsagrata”.  L-istess kif ngħidu “dan hu lajk, din hi lajka” u “dan hu saċerdot”.  Importanti din.

Fl-istess ħin, nixtieq nitlobkom turu qrubija anki akbar lejn il-fidili lajċi.  Huma jeħtiġilhom jikbru.  Hemm bżonn tmexxu ‘l quddiem il-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-ħajja tal-Knejjes partikolari tagħkom, mhux l-anqas permezz tal-istrutturi kanoniċi li jippermettu li leħinhom jistama’ u l-esperjenzi tagħhom ikunu apprezzati.  Agħtu għarfien u vvaloriżżaw il-kariżmi tal-lajċi, irġiel u nisa, u inkoraġġuhom biex id-doni tagħhom iqegħduhom għas-servizz tal-Knisja u tas-soċjetà fis-sħuħija tagħha.  Hawnhekk qed niftakar fl-għadd sew ta’ katekisti żelanti ta’ dan-nazzjon – il-katekisti huma l-pilastri tal-evanġeliżżazzjoni! - li l-appostolat tagħhom huwa essenzjali għat-tkattir tal-fidi u għall-formazzjoni nisranija tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.  Dawn huma verament missjunarji u gwidi tat-talb, speċjalment fl-inħawi l-aktar imbegħda.  Kunu għajnejkom miftuħin għall-ħtiġijiet tagħhom u għall-formazzjoni bla taqta’ xejn tal-fidi tagħhom.  Il-katekisti.  Imma jgħinuna wkoll il-lajċi li huma qrib tagħna, il-kunsillieri: il-kunsillieri pastorali, il-kunsillieri fl-affarijiet ekonomiċi.  F’laqgħa li kelli sitt xhur ilu, smajt li forsi ftit aktar minn nofs id-djoċesijiet, in-nofs jew xi ftit aktar, għadnhom iż-żewġ kunsilli li jitlob li jkollna d-Drittu Kanoniku: dak pastorali u dak tal-affarijiet ekonomiċi.  U n-nofs l-ieħor?  Dan ma jistax ikun.  Mhux biss hija liġi, mhux biss hu għajnuna, huwa wkoll spajzju għal-lajċi.  F’dawn ix-xhur ta’ tħejjija għall-Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet li jmiss, aħna lkoll imħeġġin nirriflettu dwar kif intejbu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tagħna fil-ferħ, fil-verità u fis-sbuħija tal-fidi tagħna.  Il-Bangladesh kien imbierek minn għadd ta’ vokazzjonijiet għas-saċedozju – illum dan rajnih! - u għall-ħajja reliġjuża; importanti li niżguraw li l-kandidati jkun mħejjijin tajjeb biex jikkomunikaw l-għana tal-fidi lill-oħrajn, partikolarment lill-kontemporanji tagħhom.  Fi spirtu ta’ komunjoni li jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet, għinuhom jieħdu f’idejhom bil-ferħ u l-entużjażmju x-xogħol li beda ħaddieħor, bl-għarfien li għad jasal jum li fih huma jkunu msejħin biex jgħaddu dan lil ta’ warajhom.

Dan l-atteġġjament interjuri li bih nirċievu l-wirt, għandna nseddquh u ngħadduh lil ħaddieħor: dan hu l-ispirtu appostoliku tal-presbiteru.  Iż-żgħażagħ għandhom ikunu jafu li d-dinja ma bdietx minnhom, li huma għandhom ifittxu l-għeruq, għandhom ifittxu l-għeruq storiċi, reliġjużi... ħa jitkabbru dawk l-għeruq biex jgħaddi l-frott.  Għallmu liż-żgħażagħ biex ma jkunux “bla għeruq”; għallmuhom jiddjalogaw mal-anzjani.  Meta dħalt hawn (fl-arċiveskovat) kien hemm is-seminaristi tas-seminarju minuri.  Kelli nagħmlilhom żewġ mistoqsijiet, hekk, en passant, imma minflok għamiltilhom waħda biss, l-ewwel waħda u l-aktar waħda naturali: “Tilgħabu futbol?”.  Ilkoll: “Iva!”.  It-tieni waħda kienet: “tmorru żżuru lin-nanniet, lis-saċerdoti anzjani?”  Tisimgħu l-istejjer ta’ ħajjithom, tal-appostolat tagħhom?”.  Dawk li jagħtu l-formazzjoni fis-seminarju għandhom jedukaw lis-seminaristi żgħażagħ biex jisimgħu lis-saċerdoti x-xjuħ: hemm jinsabu l-għeruq, hemmhekk jinsab l-għaqal tal-Knisja.

Attività soċjali importanti ħafna fil-Bangladesh hi mmirata lejn l-assistenza lill-familji, u speċifikament, fl-impenn tal-avvanz tan-nisa.  In-nies ta’ dawn il-pajjiżi huma magħrufin għall-imħabba tagħhom lejn il-familja, għas-sens ta’ ospitalità, għar-rispett li juru lejn il-ġenituri u n-nanniet u l-kura tal-anzjani, il-morda u min m’għandux min jiddefendih.  Dawn il-valuri huma kkonfermati minn, u mislutin mill-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.  Stqarrija ta’ gratitudni speċjali mistħoqqa tmur lejn dawk kollha li fis-skiet jaħdmu biex jgħinu lill-familji nsara fil-missjoni tagħhom li jagħtu xhieda ta’ kuljum tal-imħabba li tirrikonċilja, tal-Mulej, u biex ixandru l-qawwa tiegħu tar-redenzjoni.  Kif uriet l-Eżortazzjoni Ecclesia in Asia, “il-familja mhix sempliċiment oġġett tal-kura pastorali tal-Knisja, imma hi wkoll wieħed mill-aġenti l-aktar effikaċi tal-evnaġeliżżazzjoni” (n. 46).

Għan li jfisser ħafna li jidher fil-Pjan Pastorali u li deher kemm verament kien profetiku, huwa l-għażla tal-foqra.  Il-komunità kattolika tal-Bangladesh tista’ tkun kburija bl-istorja ta’ servizz lill-foqra, speċjalment fl-inħawi l-aktar imbegħda u fost il-komunitajiet tribali; qed tkompli dan is-servizz ta’ kuljum permezz tal-appostolat edukattiv, l-isptarijiet, il-klinċi u ċ-ċentri tas-saħħa u l-varjetà tal-opri tal-karità tagħha.  Madnakollu, speċjalment fid-dawl tal-kriżi tar-rifuġjati li għaddejja bħalissa, naraw kemm huma akbar il-ħtiġijiet li jridu jintlaħqu!  L-ispirazzjoni għall-opri ta’ karità tagħkom ma’ min hu fil-bżonn għandha tkun dejjem il-karità pastorali, li hi attenta biex tinduna bil-ġrieħi umani u twieġeb għalihom bil-ġenerożità, lil kulħadd personalment.  Fil-ħidma sfiqa biex tinħoloq “kultura tal-ħniena” (Ittra App. Misericordia et Misera, 20).  F’dax-xogħol, il-Knejjes tagħkom juru l-preferenza tagħhom għall-foqra, isaħħu x-xandir tal-ħniena bla tarf tal-Missier u jagħtu kontribut mhux żgħir lejn l-iżvilupp integrali tal-patrija tagħhom.

Mument importanti taż-żjara tiegħi fil-Bangladesh hu l-laqgħa inter-reliġjuża u ekumenika li se jkolli minnufih wara dil-laqgħa.  In-nazzjon tagħkom hu wieħed fejn id-diversità etnika hi mera tad-diversità tat-tradizzjonijiet reliġjużi.  L-impenn tal-Knisja li tkompli xxerred il-ftehim bejn ir-reliġjonijiet permezz ta’ seminarji u programmi didattiċi, kif ukoll permezz ta’ kuntati u stediniet personali, hu kontribut biex jinfirxu aktar ir-rieda tajba u l-armonija.  Ibqgħu aħdmu bla heda biex tibnu pontijiet, mhux biss għax dawn l-isforzi jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn il-gruppi reliġjużi differenti, imma wkoll għax jerġgħu jqajjmu l-enerġiji spiritwali meħtieġa għall-opra ta’ bini mill-ġdid tan-nazzjon, fl-għaqda, fil-ġustizzja u l-paċi.

Meta l-kapijiet reliġjużi jitkellmu pubblikament b’vuċi waħda kontra l-vjolenza mistura taħt il-kappa tar-reliġjożità u meta huma jfittxu li jibdlu l-kultura tal-kunflitt f’kultura ta’ laqgħa, huma jkunu qed jixorbu mill-għeruq spiritwali profondi tat-tradizzjonijiet differenti tagħhom.  Huma jagħtu wkoll servizz mingħajr prezz lejn il-futur tal-pajjiżi tagħhom u tad-dinja tagħna billi jgħallmu liż-żgħażagħ it-triq tal-ġustizzja: “jeħtieġ nakkumpanjaw u ngħinu l-maturazzjoni tal-ġenerazzjonijiet illi jkollhom ħila jwieġbu għal-loġika inċendjarja tal-ħażen bit-tiftix paċenzjuz tat-tajjeb” (Diskors lill-parteċipanti tal-Konfernza Internazzjonali għall-Paċi,  Al-Ahzar, Il-Kajr, 28 ta’ April, 2017).

Għeżież Isqfijiet konfratelli, jien grat lejn il-Mulej għal dawn il-waqtiet ta’ konversazzjoni u qsim fratern.  Jien kuntent ukoll li dal-Vjaġġ Appostoliku, li wassalni fil-Bangladesh, tani l-okkażjoni nara l-vitalità u l-ħerqa missjunarja tal-Knisja ta’ dan-nazzjon.  Filwaqt li nippreżenta lill-Mulej il-ferħat u d-diffikultajiet tal-komunitajiet lokali tagħkom, nitolbu flimkien sabiex l-Ispirtu s-Santu jissawwab fuqna mġedded, biex itina “l-kuraġġ li nħabbru n-novità tal-Evanġelju mingħajr biża’ - pharresia – b’vuċi għolja u f’kull żmien u mkien, anki kontra l-kurrent” (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 259).  Jalla s-saċerdoti, ir-reliġjużi, il-persuni konsagrati rġiel u nisa u l-fidili lajċi afdati fil-pastorali tagħkom, isibu dejjem qawwa mġedda fl-isforzi tagħhom biex ikunu “evanġeliżżaturi li jxandru l-Aħbar it-Tajba mhux bil-kliem biss, imma fuq kollox, b’ħajja trasfigurata mill-preżenza ta’ Alla fihom” (ibid.).  Lilkom ilkoll, b’imħabba kbira, intikom il-barka tiegħi, u nitlobkom, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber