L-Erbgħa, 13 ta’ Marzu 2013, eżattament sena ilu.  L-arloġġ tal-Bażilika ta’ San Pietru kien għadu kemm daqq is-sebgħa ta’ filgħaxija.  Il-pjazza maestuża mdawwra bil-mitejn u erbgħa u tmenin kolonna tal-Bernini kienet ilha li bdiet tintela ftit ftit sa minn kmieni wara nofsinhar. Imma aktar ma beda joqrob il-ħin tal-fumata, dik id-daħna tradizzjoni li sa minn sekli qabel kienet tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni ta’ papa ġdid, il-postijiet vojta li kien għad hemm fil-pjazza, issa imtlew f’salt wieħed.

Id-dalma wkoll kienet diġà waqgħet fuq il-Belt Eterna, iżda d-dawl tal-fanali elettrici fit-toroq u fil-pjazza kienu bħal ippruvaw ipattu xi ftit għad-dawl nieqes tal-qamar li f’dik il-lejla kien baqa’ mistur wara firxa sħab li bħal riedet taħbi mill-quddisin tas-sema dik it-tensjoni qawwija li ħuthom fuq l-art kienu għaddejjin minnha.

Għaddew sitt minuti oħra minn wara l-aħħar tokk tal-arloġġ.  F’mument minnhom, minn taħt l-umbrellel li kien qed jgħattu l-folla, bdew jitqawwew l-ilħna ta’ dawk miġbura.  Fi ftit sekondi qosra, l-għagħa tal-folla inbidel f’għajjat u mbagħad f’ċapċip ta’ ferħ. “Bianca…  Certamente bianca …  Si,  abiamo la fumata bianca”

Għajnejn l-eluf fil-pjazza u dawk ta’ miljuni oħra li f’dak il-mument segwew kollox minn fuq it-televiżjoni, kienu ffisati fuq dik id-daqsxejn ċumnija mtella ftit jiem qabel fuq il-Kappella Sistina.  Iva bla dubju ta’ xejn, id-daħna kienet waħda bajda.  Wara biss erbgħa u għoxrin siegħa, fil-ħames votazzjoni tagħhom, il-Kardinali kienu għażlu Papa ġdid.  Fi pjazza San Pietru kien hemm eċitament enormi, dillirju kbir ta’ ferħ.  U minuta wari  il-Kardinal Dekan tfaċċa fil-gallarija prinċipali ta’ San Pietru biex wassal  l-aħbar.

Audio Clip 1: L-għajjat fil-pjazza u thabbira ta’ Habemus Papam.

Min hu l-Kardinal Bergoglio?  Ftit kienu dawk mill-folla li fit-13 ta’ Marzu ta’ sena ilu kienu qatt semgħu bil-Kardinal Bergoglio, li issa kien għażel għalih l-isem ta’ Franġisku?   Xi ħadd fil-pjazza instema jgħajjat,  “Ġiżwita.  Għandna l-ewwel Papa Ġiżwita”.   Ġiżwita li għażel għalih innifsu l-isem ta’ Franġisku!  “Forsi għall-Qaddis Franġisku Saverju?” staqsa xi ħadd.  “Anke dak kien Ġiżwita”, kompla ieħor.  Il-kummentatur fuq stazzjon tat-televiżjoni Taljan, li bħal donnu kien jaf sewwa min kien Bergoglio,  qal, “Bergoglio ġej huwa mill-Arġentina. Ġej minn fost il-fqar tal-Arġentina.  Ħajtu għixha mal-fqar u biex jaqdi lill-fqar.  Żgur li f’moħħu għandu lill-Qaddis fqajjar ta’ Assisi”. 

Fl-elfejn sena ta’ storja tagħha, din kienet l-ewwel darba li l-Knisja qed ikollha Papa bl-isem ta’ Franġisku.  Din kienet l-ewwel darba li l-Knisja qed ikollha Papa mill-Amerika Latina.  L-ewwel Papa mill-parti t’isfel tad-dinja.   

Franġisku mess il-qlub ta’ dawk kollha li rawh sa mill-ewwel ftit mumenti ta’ dehra tiegħu dakinhar stess.  Kien huwa stess li bil-kliem, bl-imġieba sempliċi u umli tiegħu beda jwieġeb għad-domandi li sa dakinhar kien għad kellhom dwaru dawk li rawh.

Audio Clip 2: L-Ewwel diskors mill-gallarija ta’ San Pietru.

Qabel ta l-ewwel barka tiegħu, Urbi et Orbi, lill-belt ta’ Ruma u lill-popli kollha fuq wiċċ il-globu, kien huwa stess li talab lin-nies titlob għalih u tbierku.   F’mument impressjonanti ta’ ħemda taqtagħha b’sikkina, b’rasu inklinata lejn il-folla, waqaf ħiemed waqt li dawk preżenti talbu fuqu l-barka tas-sema.

Minn dakinhar sallum is-sorpriżi minnu ma waqfux.  Ried jgħix f’appartament ċkejken f’Santa Marta, dar li fiha jalloġġaw il-viżitaturi.  Għall-quddiesa li jqaddes kull filgħodu fil-kappella stess ta’ din id-dar, huwa jsieħeb miegħu kuljum madwar sebgħin persuna, li spiss jiġu apposta minn bosta partijiet tad-dinja.  Fir-riflessjonijiet li jagħmel kuljum dwar il-qari liturġiku, huwa juża kliem sempliċi iżda qawwi.  Kliemu huwa ċar u mimli ħniena.  Ma jwassalx il-ħniena tiegħu imma dik infinita ta’ Alla, ħniena għal kull bniedem, hu min hu, għamel x’għamel.  Spiss jgħid,  "Alla ma jgħijja qatt jaħfrilna.  Huwa aħna li ngħejjew nitolbuh il-maħfra”

Imma daqskemm kelmtu hija sempliċi u kollha mogħdrija, daqstant ieħor hija qawwija u bla kantunieri.  Kliemu ma joqgħodx jogħmodu….

Audio Clip 3: Mill-Omelija tas-16 ta’ April 2013.

Kien minn Santa Marta li fis-16 ta’ April tas-sena  l-oħra  kien għamel dan id-diskors.  

“Ngħid ċar u tond, l-Ispirtu s-Santu lilna jagħtina fastidju.  Għaliex iħarrikna, imexxina, jimbutta l-Knisja biex tmur ‘il quddiem.  U aħna qisna bħal Pietru fit-Trasfigurazzjoni: Kemm hu tajjeb li nibqgħu hekk, lkoll flimkien. Li ma jagħtiniex fastidju!  Nixtiequ li kieku l-Ispirtu s-Santu jieħu nagħsa. Irridu nimmansawh lill-Ispirtu s-Santu.  U dan mhux tajjeb.  Huwa l-qawwa ta’ Alla. Huwa dak li jagħtina l-faraġ, li jagħtina l-qawwa biex nimxu ‘l quddiem.  Imma aħna rridu nimxu ‘l quddiem?   Dan lilna jagħtina fastidju.”

Imma l-messaġġi tal-Papa Franġisku  lill-Knisja u lid-dinja ma jwassalhomx biss waqt il-quddiesa ta’ filgħodu minn Dar Santa Marta.  Minbarra dawn ir-riflessjonijiet li sallum iqarrbu l-mitejn waħda, huwa jagħmel b’mod regolari ta’ kull ġimgħa omeliji waqt quddies tal-Ħdud u Festi, Messaġġi waqt l-Angelus jew ir-Regina Coeli fl-istess okkażjonijiet, Udjenzi Ġenerali kull nhar ta’ Erbgħa, u bosta diskorsi oħra, kitbiet saħansitra fil-gazzetti, intervisti minn ġurnalisti, u bosta messaġġi f’okkażjoniet partikolari.

Matul din is-sena ta’ pontifikat huwa ppublika l-Enċiklika Lumen Fidei dwar il-Fidi. Kiteb l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, b’aktar minn mitejn paġna. Kiteb bosta Ittri Appostolici u tant u tant aktar.  Huwa għamel ukoll tliet vjaġġi ġewwa l-Italja; wieħed f’Lampedusa,  ieħor Cagliari u t-tielet f’Assisi. Għamel il-famuż vjaġġ ta’ ġimgħa sħiħa gewwa l-Brażil fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħazagħ.  F’dan tal-aħħar waħdu huwa ta tnejn u għoxrin diskors.  Imbagħad, fi triqtu lura minn hemm ta wkoll konferenza stampa fuq l-ajruplan stess.  Sa wasal lil sab ħin biex flimkien ma’ ħabib tiegħu, wieħed Isqof Protestant, huwa rrekordja fuq sempliċi iphone, messaġġ-vidjo li ried jibgħat lil dawk li ħadu sehem f’konferenza kbira tal-Evanġeliċi Pentekostali.

Dan huwa l-Papa li f’għajnejn id-dinja jidher li m’għandux waqfien.  Jidher m’għandux mistrieħ.  Donnu m’għandux ħin lanqas għalih innifsu.  Imma minkejja dan kollu, huwa xorta waħda jsib ħin biex jikteb ittri personali lil min kitiblu, iċempell ħbieb jew persuni li jkunu għaddejjin minn xi diffikultà. Ikun kontinwament qalb in-nies fil-folla.  Imma fuq kollox, il-Papa Franġisku jsib ħin regolari kuljum biex jitlob, biex jimmedita, u biex jieqaf fil-ħemda fil-preżenza tal-Mulej fl-Ewkaristija, anke jekk dan ifisser, kif stqarr huwa stess aktar minn darba, li kultant tmur għajnu bih fil-kappella.  L-importanti għalih li jkun fil-preżenza tal-Mulej. 

Dan huwa biss ftit minn dak li nafu bih aħna.  Dwaru jingħaddu wkoll bosta ħwejjeġ oħra  li qatt ma kienu konfermati,  bħal meta kien rappurtat li ġieli ħareġ billejl mal-persuna inkarigata li tqassam il-karità, biex huwa wkoll personalment imiss b’idu l-idejn tal-foqra mitluqa fit-toroq, iħares fiss fl-għajnejn miksura tagħhom, u jgħannaqhom.

Sintendi din tal-aħħar ma nafuhiex fiċ-ċert.  Imma ftit jiem ilu, f’ittra li l-Kardinal Malti Prospero Grech kiteb lis-sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi, il-Laikos, huwa kitbilhom hekk dwar il-Papa Franġisku.

“Dan l-aħħar, iltqajt mal-kap tas-security, u biex niċċajta staqsejtu jekk hux qiegħed jgħassu sewwa lill-Papa. Weġibni: ‘Ħallini, ma nistgħux nilħqu miegħu, jaħirbilna minn kullimkien!’”

Illum, stess il-Papa Franġisku jagħlaq sena mill-ħatra tiegħu bħala suċċessur tal-Appostlu Pietru.  Jum bħal dan, mexxejja oħra tad-dinja aktarx ifakkruh b’laqgħat mal-poplu, festeġġamenti u ċelebrazzjonijiet oħra, iżda għall-Papa Franġisku mhux hekk.  Minkejja li kif stqarr fil-bidu tal-pontifikat tiegħu,   postu hu qalb il-poplu u mhux kapaċi jgħix jekk maqtugħ mill-poplu, madankollu l-popolariżmu ma jfittxux. 

Il-Ħadd li għadda filgħaxija, huwa, flimkien mal-kollaboraturi tiegħu tal-Kurja Rumana, bdew ġimgħa ta’ eżerċizzi spiritwali f’Ariccia.  Hemmhekk ‘il bogħod mill-għajjat u ċ-ċapċip tal-folla, maqtugħ mit-tentazzjoni tat-tkomplija bir-rutina ta’ kuljum li bla ma jrid joffrilu l-ambjent tiegħu tas-soltu, huwa  jkun jista’ jiddedika aktar ħin għas-smiegħ tal-kelma ta’ Alla, għat-talb, għall-qari spiritwali u għar-riflessjoni.  

Huwa minn din l-għaqda profonda tiegħu mal-Mulej, li anke l-Papa Franġisku jista’ jibqa’ jkun għalina Ragħaj li jindokra sewwa lill-merħla fdata lilu.

Huwa b’hekk biss li huwa jista’ jibqa jkun Saċerdot li f’isem is-Saċerdot il-Kbir tagħna, Kristu Ġesù jkompli jwasslilna dawk l-għejjun ta’ grazzja mogħtija lill-Knisja mill-Imgħallem tagħha. 

Huwa b’hekk biss li huwa jista’ jibqa’ jkun Profeta, b’dik il-kelma sempliċi imma qawwija ħalli jħeġġilna qalbna għall-konverżjoni vera u għal laqgħa aktar intima li aħna wkoll imsejjħin biex jkollna mal-Mulej li nġibu Ismu.

Bħala nsara u kattoliċi, aħna lkoll obligati nitolbu għal dan il-bniedem, li waqt il-konklavi ta’ sena ilu kien mogħti b’rigal lilna mhux mill-kardinali li eleġġewh, imma mill-Ispirtu s-Santu nnifsu, li ma jieqaf qatt jagħti lill-Knisja tiegħu Rgħajja għal qalbu.

Stampa t-test kollu