IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 29 ta’ Lulju, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Kuraġġużi intom, b’dix-xemx kollha fil-pjazza!  Nifirħilkom!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Gw 6,1-15) jippreżentalna r-rakkont tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut. Hu u jara lil dik il-folla kbira li marret warajh qrib l-għadira ta’ Tiberija, Ġesù jdur fuq l-Appostlu Filippu u jistaqsih: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” (v. 5).  Il-ftit flus li għandhom Ġesù u l-appostli mhumiex biżżejjed biex jaqtgħu l-ġuħ ta’ dik il-folla kbira.  U hekkhu, Indrì, wieħed mit-Tnax, li lil Ġesù jippreżentalu tfajjel li jtih kulma għandu: ħames ħobżiet u żewġ ħutiet; imma żgur – jgħid Indrì – dawn mhuma xejn għal din il-folla (cfr v. 9).  M’hawnx għalih dat-tfajjel!  Kuraġġuż.  Hu wkoll kien qed jara l-folla, u kien jara l-ħames ħobżiet tiegħu.  Jgħid: “Jien dawn għandi, jekk hemm bżonn tistgħu tużaw lilhom”.  Dat-tfajjel itina x’naħsbu... Dak il-kuraġġ.... Iż-żgħażagħ hekk huma, kuraġġużi.  Għandna ngħinuhom biex dal-kuraġġ insaħhuhulhom.  Madankollu Ġesù jordna lid-dixxipli biex lin-nies iqegħduhom bilqiegħda, imbagħad jieħu dawk il-ħobżiet u dawk il-ħutiet, jiżżi ħajr lill-Missier u jqassamhomlhom (cfr v. 11), u kulħadd kiel sa xaba’.  Kulħadd kiel kemm kien jiflaħ.

B’dil-paġna evanġelika, il-Liturġija ġġegħelna ma naqalgħux għajnejna minn fuq dak Ġesù li l-Ħadd li għadda, fl-Evanġelju skont San Mark, “xħin ra l-folla kbira, ġietu ħniena minnha” (6, 34). Dat-tfajjel ukoll, bil-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet tiegħu fehem dil-ħniena, u jgħid: “Imsejknin!  Jien dan għandi....”.  Il-ħniena wasslitu biex joffri dak li kellu.  Infatti llum, San Ġwann jurina mill-ġdid li Ġesù huwa attent għall-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni.  L-episodju jinbet minn fatt konkret: in-nies għandhom il-ġuħ u Ġesù jinvolvi lid-dixxipli tiegħu biex dal-ġuħ itaffihulhom.  Dan hu l-fatt konkret.  Lill-folol, Ġesù ma tahomx dan biss – offrielhom Kelmtu, il-faraġ tiegħu, is-salvazzjoni tiegħu, u fl-aħħar ħajtu -, iżda ċertament għamel dan ukoll: ħa ħsieb l-ikel tal-ġisem.  U aħna, dixxipli tiegħu, ma nistgħux nilgħabuha qiesu dan mhu xejn.  Hu biss meta nagħtu widen għal dawk it-talbiet sempliċi tan-nies u nkunu qrib is-sitwazzjonijiet eżistenzjali konkreti tagħhom li nkunu kredibbli meta nitkellmu dwar il-valuri superjuri.

L-imħabba t’Alla lejn l-umanità mġewħa għall-ħobż, għal-libertà, għall-ġustizzja, għall-paċi u, fuq kollox, għall-grazzja divina tiegħu, qatt ma tiġi nieqsa.  Illum ukoll Ġesù għadu jxabba’, ikun preżenza ħajja u ta’ faraġ, u jagħmel dan permezz tagħna.  Għaldaqstant, l-Evanġelju jistedinna biex inkunu disponibbli u ħawtiela, bħal dak it-tfajjel li jinduna li għandu ħames ħobżiet u jgħid: “Jien nagħti dan, u mbagħad ara inti...”.  Quddiem l-għajta tal-ġuħ – kull xorta ta’ “ġuħ” - ta’ tant ħutna f’kull rokna tad-dinja, ma nistgħux nibqgħu spettaturi indifferenti u kalmi.  L-aħbar ta’ Kristu, ħobż tal-ħajja ta’ dejjem, titlob impenn ġeneruż ta’ solidarjetà mal-foqra, mad-dgħajfin, ma’ tal-aħħar, ma min m’għandux min jiddefendih.  Dan l-aġir ta’ qrubija u ta’ karità hu l-aħjar mod li bih inkejlu l-kwalità tal-fidi tagħna, kemm fuq livell personali, kif ukoll fuq livell komunitarju.

Imbagħad, fl-aħħar tar-rakkont, meta kulħadd kien xaba’, Ġesù qal lid-dixxipli biex jiġbru l-loqom li fadal, ħalli xejn ma jintilef.  U nixtieq nipproponielkom dis-sentenza ta’ Ġesù: “Iġbru l-loqom li fadal biex xejn ma jintrema” (v. 12).  Qed naħseb fin-nies bil-ġuħ u kemm narmu ikel...  Kull wieħed u waħda minna naħsbu ftit: l-ikel li jifdal wara l-pranzu, wara ċ-ċena, fejn jispiċċa?  Fid-dar tiegħi x’isir mill-ikel li jifdal?  Jintrema?  Le.  Jekk int għandek did-drawwa intik parir: tkellem man-nanniet tiegħek li għexu wara l-gwerra u staqsihom x’kienu jagħmlu bl-ikel li jifdal.  Qatt tarmu l-ikel li jifdal.  Isir xi ħaġa oħra jew jingħata li min jista’ jieklu, li min għandu bżonnu.  Qatt ma narmu l-ikel li jifdal.  Dan hu parir u huwa wkoll eżami tall-kuxjenza: xi jsir mill-ikel li jifdal?

 

Nitoblu lill-Verġni Marija sabiex fid-dinja jieħdu l-preċedenza l-programmi mmirati lejn l-iżvilupp, lejn l-ikel, lejn is-solidarjetà u mhux dawk immirati lejn il-mibgħeda, lejn l-armamenti u l-gwerra.

 

Wara l-barka:

U tinsewx żewġ affarijiet: immaġni, ikona, u sentenza, mistoqsija.  L-ikona taż-żgħażugħ kuraġġuż li jagħti l-ftit li għandu biex jaqta’ l-ġuħ ta’ folla kbira ħafna.  Kunu kuraġġużi, dejjem.  U s-sentenza, li hi wkoll mistoqsija, eżami tal-kuxjenza: xi jsir ġo dari mill-ikel li jifdal?  Grazzi!

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

għada jaħbat il-Jum Dinji kontra n-negozjar tal-persuni, imniedi mill-Ġnus Magħquda.  Dil-pjaga qed tagħmel skjavi lil ħafna rġiel, nisa u tfal bl-għan tal-isfruttament tax-xogħol u tas-sess, tal-kummerċ tal-organi, biex jittalbu u għad-delinkwenza.  Hawn, f’Ruma wkoll.  Ir-rotot tal-migranti wkoll ta’ spiss jintużaw mit-traffikanti u mill-isfruttaturi biex jirreklutaw vittmi ġodda għal dan-negozjar.  Hi responsabbiltà ta’ kulħadd li jiddenunzja l-inġustizzji u bil-fermezza jieqaf lil din il-kriminaltà tal-mistħija.

Issa nsellem lill-pellegrini kollha ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-fidili minn Rio de Janeiro, Nova Friburgo, Viseu, Quixadà u Fortaleza, mill-Brażil.

Insellem lill-assoċjazzjoni “Ħbieb ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret”; lill-grupp tal-iscouts minn Padova u minn Betlem; liż-żgħażagħ minn Cerese di Borgo Virgilio u lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Tombelle.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb,  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber