IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 24 ta’ Frar, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Vanġelu ta’ dal-Ħadd (cfr Lq 6, 27-38) hu dwar punt ċentrali u li jikkaratteriżża l-ħajja nisranija: l-mħabba lejn l-għedewwa.  Kliem Ġesù, ċar daqs il-kristall: “Lilkom li qegħdin tisimgħu, ngħidilkom: ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, itolbu għal min iżeblaħkom (vv. 27-28).  Din mhix xi ħaġa ta’ għażla, hija kmand.  Mhux għal kulħadd, imma għad-dixxipli li Ġesù jgħidilhom “intom li qiegħdin tisimgħu”.  Hu jaf tajjeb li l-imħabba lejn l-għedewwa teħodna ‘l hinn mill-possibbiltajiet tagħna, imma Hu għalhekk sar bniedem: mhux biex iħallina kif aħna, imma biex jittrasformana fi bnedmin bil-ħila ta’ mħabba akbar, dik ta’ Missieru u (Missier) tagħna.  Din hi l-imħabba li Ġesù jirregala lil min jisimgħu.  B’hekk issir ħaġa possibbli!  Miegħu, grazzi għal imħabbtu, għall-Ispirtu tiegħu, aħna nkunu nistgħu nħobbu anki lil min ma jħobbniex, anki lil min jagħmlilna d-deni.

B’dan il-mod Ġesù jrid li f’kull qalb l-imħabba t’Alla tittrijonfa fuq il-mibegħda, fuq il-korla.  Il-loġika tal-imħabba li tasal fil-quċċata tagħha fuq is-Salib ta’ Kristu hi l-karatteristika tan-nisrani li ġġagħalna nersqu lejn kulħadd bil-qalb ta’ aħwa.  Imma kif inhu possibbi negħlbu l-isint uman u l-liġi tad-dinja, tat-tpattija?  It-tweġiba jtihielna Ġesù fl-istess paġna tal-Evanġelju: “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (v. 36).  Min jisma’ lil Ġesù, min jitħabat biex jimxi warajh jiswielu x’jiswielu, isir iben Alla u jibda jsir jixbaħ lill-Missier li qiegħed fis-smewwiet, bis-serjetà.  B’hekk niksbu l-ħila li nwettqu affarijiet li qatt ma ħlomna li ngħiduhom jew naslu għalihom, jew li kienu jġagħaluna nistħu, iżda li issa jtuna l-ferħ u l-paċi.  M’hemmx għalfejn inkunu vjolenti aktar la bil-kliem u l-anqas bil-ġesti; nindunaw li ksibna l-ħila tat-tenerezza u tat-tjubija u nġarrbu l-fatt li dawn l-affarijiet ma ksibnihomx b’ħilitna imma ġejjin minnu!, għaldaqstant ma noqgħodux niftaħru bihom, imma nkunu grati għalihom.

Xejn mhu akbar u aktar għammiel mill-imħabba: lill-persuna din ittiha d-dinjità kollha tagħha, filwaqt li, għall-kuntrarju, il-mibegħda u l-vendetta jnaqqsuha, jisfiguraw is-sbuħija tal-kreatura magħmula xbieha t’Alla.

Dal-kmand biex għall-insult, għat-tort li rċevejna nwieġbu bl-imħabba, daħħal fid-dinja kultura ġdida: “il-kultura tal-ħniena – irridu nitgħallmuha tajjeb din!, u dil-kultura tal-ħniena nqegħduha fis-seħħ – li tagħti bidu għal rovoluzzjoni vera” (Ittra App. Misericordia et Misera, 20).  Hija r-rivoluzzjoni tal-imħabba, li l-protagonisti tagħha huma l-martri ta’ kull żmien.  U Ġesù jiżgurana li l-imġieba tagħna, ffurmata fuq l-imħabba lejn min jagħmlilna d-deni, ma tkunx bla siwi.  Hu jgħid: “Aħfru u tkunu maħfura.  Agħtu u jingħatalkom (…..) għax bil-kejl li bih tkejlu intom jitkejjel lilkom” (vv. 37-38)  Sabiħ dan.  Tkun ħaġa sabiħa li Alla jagħtihielna jekk aħna nkunu ġenerużi, inħennu.  Għandna naħfru għaliex Alla ħafrilna u jaħfrilna dejjem.  Jekk ma naħfrux għal kollox, ma nistgħux nippretendu li nkunu maħfurin għal kollox.  Iżda jekk qlubna jinfetħu għall-ħniena, jekk il-maħfra nissiġillawha b’tgħannieqa fraterna u jissaħħu r-rabtiet tal-komunjoni, inkunu qed niddikjaraw quddiem id-dinja li huwa possibbli li l-ħażen jintrebaħ bit-tajjeb.  Xi drabi hu aktar faċli għalina niftakru l-offiżi li weġġgħuna u d-deni li għamlulna minflok it-tajjeb li rċevejna; sal-punt li għal ċerti nies din issir drawwa u wkoll marda.  Dawn huma “kollezzjonisti tal-inġustizzji”: jiftakru biss l-affarijiet koroħ li wettqu.  U din mhix it-triq.  Għandna naġixxu bil-maqlub, jgħidilna Ġesù.  Niftakru fl-affarijiet it-tajbin, u meta xi ħadd jiġi b’xi ħlieqa, u jibda’ jisparla dwar xi ħadd, ngħidulu: “Iva.., forsi… imma dan għandu dat-tajjeb ukoll...”  Naqilbu d-diskors ta’ taħt fuq.  Din hi r-rivoluzzjoni tal-ħniena.

Il-Verġni Marija tgħinna nħallu qalbna tintmiss minn dil-klema qaddisa ta’ Ġesù, li taħraq bħan-nar, li tibdilna u ttina l-ħila li nagħmlu l-ġid mingħajr ma nistennew xejn lura, nagħmlu l-ġid bla ma nistennew xejn lura, u nagħtu xhieda ma’ kullimkien tar-rebħa tal-imħabba.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

dalgħodu fil-Vatikan ġiet fi tmiemha laqgħa importanti ħafna dwar it-tema tal-Ħarsien tal-Minuri.  Kienu msejħin għaliha l-Patrijarki, il-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali kollha, il-Kapijiet tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi, ir-Rappreżentanti tas-Superjuri rġiel u nisa tal-Kongregazzjonijiet reliġjużi u diversi kollaboraturi tiegħi tal-Kurja ta’ Ruma.

Kif tafu, il-problema tal-abbużi sesswali fuq il-minuri minn membri tal-kleru ilu żmien illi qanqal skandlu kbir fil-Knisja u fl-opinjoni pubblika, kemm minħabba t-tbatija drammatika tal-vittmi, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ attenzjoni mhix ġustifikata lejn dal-vittmi, kif ukoll minħabba l-ħabi tal-ħatja min-naħa ta’ persuni responsabbli fil-Knisja.

Minħabba li din hi problema mxerrda mal-kontinenti kollha, ridt li naffrontawha flimkien, b’responsabbiltà kondiviża u kolleġġjali, aħna r-Rgħajja tal-Komunitajiet Kattoliċi tad-dinja kollha.  Smajna leħen il-vittmi, tlabna flimkien u tlabna maħfra lil Alla u lill-persuni offiżi, għarafna x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħna, x’inhu d-dmir li nagħmlu l-ġustizzja fil-verità, li nirrifjutaw radikalment kull għamla ta’ abbuż ta’ poter, tal-kuxjenza u sesswali.

Irridu li kull attività u kull post tal-Knisja jkunu dejjem żguri għal kollox għall-minuri; li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex krimini bħal dawn ma jerġgħux isiru; sabiex il-Knisja terġa’ ssir kredibbli għal kollox u ta’ min jafdaha fil-missjoni tagħha ta’ servizz u edukazzjoni taż-żgħar skont it-tagħlim ta’ Ġesù.

B’hekk aħna nagħfru nibdew nikkollaboraw b’qalbna kollha u b’mod effettiv, flimkien mal-persuni l-oħrajn ta’ rieda tajba kollha u mal-oqsma u l-forzi pożittivi tas-soċjetà, fil-pajjiżi kollha u fuq livell internazzjonali, sabiex niġġieldu bla heda, f’kull għamla tagħha, il-pjaga ta’ gravità bla qjies tal-vjolenza fuq il-mijiet ta’ miljuni ta’ minuri, subjien u bniet, adoloxxenti u żgħażagħ, fid-dinja kollha.

Insellem minnn qiegħ qalbi lilkom pellegrini minn Ruma, mill-Italja u minn diversi pajjiżi.

Insellem lill-fidili mid-djoċesi ta’ Sevilla; minn Trieste, Agropoli u Venegono Inferiore.

Insellem lill-grupp li jinsab hawn fl-okkażjoni tal-”Jum tal-mard rari” u nawgura li l-pazjenti u l-familji tagħhom ikollhom is-sapport addattat fil-mixja tqila li għandhom, kemm fuq livell mediku kif ukoll leġislattiv.

U lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber