IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 19 ta’ Awwissu, 2018

 

Għeżież ħuti,

Is-silta tal-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (cfrGv 6,51-58) ittina l-bidu tat-tieni parti tad-diskors li  Ġesù għamel fis-sinagoga ta Kafarnahum, wara li kien tema’ folla kbira b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet: it-tkattir tal-ħobż.  Hu jippreżenta lilu nnifsu bħala “ħobż ħaj li niżel mis-sema”, il-ħobż li jagħti l-ħajja ta’ dejjem, u jżid: “il-ħobż li nagħti jiena huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (v.51).  Dan hu waqt deċisiv, infatti jqanqal reazzjoni minn min kien jisimgħu tant li jibdew jitlewwmu bejniethon: “Kif jista’ dan itina ġismu biex niekluh?” (v. 52).  Meta s-sinjal tal-ħobż maqsum jikseb il-vera tifsira tiegħu, jiġifieri, ir-rigal tiegħu nnifsu sas-sagrifiċċju, jitfaċċa n-nuqqas ta’ fehim, tidher ukoll, saħansitra, iċ-ċaħda ta’ Dak li ftit qabel kienu rieduh jittrijonfa.  Niftakru li Ġesù kellu jistaħba għax riedu jagħmluh re.

Ġesù jkompli: “Jekk ma tieklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja ta’ dejjem” (v. 53).  Hawnhekk, flimkien mal-ġisem jidher ukoll id-demm.  Ġisem u demm fil-lingwaġġ Bibliku jesprimu l-umanità konkreta.  In-nies u d-dixxipli nfushom jindunaw li Ġesù qed jistedinhom biex jidħlu f’komunjoni miegħu, u “jieklu” lilu, l-umanità tiegħu, biex miegħu jaqsmu d-don tal-ħajja għad-dinja.  Altru milli trijonfi u miraġġi tas-suċċess!  Huwa propju s-sagrifiċċju ta’ Ġesù li jagħti lilu nnifsu għalina.

Dal-ħobż tal-ħajja, sagrament tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, jingħatalna gratwitament fil-mejda tal-Ewkaristija. Madwar l-altar insibu dak li spiritwalment jaqtagħlna l-ġuħ u jaqtagħlna l-għatx illum u għall-eternità.  Kull darba li nieħdu sehem fil-Quddiesa, f’ċertu sens, inkunu qed nantiċipaw is-sema fuq l-art, għax mill-ikel ewkaristiku, il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu,  nitgħallmu x’inhi l-ħajja ta’ dejjem.  Din hija, li ngħejxu mal-Mulej: “min jiekol ġismi jgħejx għal dejjem” (v. 57), jgħid il-Mulej.  L-Ewkaristija tiffurmana għax ma ngħejxux biss għalina nfusna, imma għall-Mulej u għall-aħwa.  L-hena u l-eternità jiddependu mill-ħila tagħna li l-imħabba Evanġelika li nirċievu mill-Ewkaristija, nagħmluha għammiela.

Ġesù, l-istess bħal dak iż-żmien, illum itenni lil kull wieħed u waħda minna: “Jekk ma tieklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom” (v. 53).  Ħuti, dan mhux ikel materjali iżda ħobż ħaj għall-għejxien, li jtina l-istess ħajja ta’ Alla.  Meta nitqarbnu nirċievu l-ħajja ta’ Alla stess.  Biex ikollna dil-ħajja jeħtieġ li nitmantnu bl-Evanġelju tal-imħabba lejn ħutna.  Quddiem l-istedina ta’ Ġesù biex nitrejqu bil-Ġisem tiegħu u b’Demmu, nistgħu inħossu l-bżonn li niddiskutu u nirreżistu, kif għamlu dawk li kienu jisimgħuh li jgħidilna dwarhom l-Evanġelju tal-lum.  Dan jiġri meta aħna nsibuha bi tqila biex l-eżistenza tagħna nimmudellawha fuq dik ta’ Ġesù, naġixxu skont il-kriterji tiegħu u mhux skont il-kriterji tad-dinja.  Mitmugħin b’dan l-ikel aħna nkunu nistgħu nidħlu f’armonija ma’ Kristu, mas-sentimenti tiegħu, mal-imġieba tiegħu.  Dan hu importanti ħafna: li mmorru l-quddies u nitqarbnu, għax meta nirċievu t-tqarbina inkunu qed nirċievu lil Kristu ħaj, li jittrasformana minn ġewwa u jħejjina għas-sema.

Il-Verġni Marija twieżen dan l-għan tagħna li nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesù Kristu, billi nitmantnu bl-Ewkaristija tiegħu, biex min-naħa tagħna nsiru ħobż maqsum għall-ħutna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

dawn l-aħħar ġranet, l-abitanti ta’ Kerala (fl-Indja) intlaqtu ħażin ħafna minn xita ta’ qawwa kbira, li ġabet għaragħar u tiġrif, b’telf kbir tal-ħajja umana, bosta mitlufin jew bla dar u ħsara kbira lill-biedja u fid-djar.  Jalla s-solidarjetà tagħna lejn dawn ħutna ma tkunx nieqsa kif ukoll l-għajnuna tal-komunità internazzjonali.  Inħossni qrib il-Knisja tal-Kerala, li hi minn ta’ quddiem biex tagħti l-għajnuna lill-popolazzjoni.  Ilkoll kemm aħna wkoll qrib il-Knisja ta’ Kerala u nitolbu flimkien għal dawk li tilfu ħajjithom u għall-persuni kollha mġarrbin minħabba din it-traġedja kbira.  Nitolbu flimkien fis-skiet: Is-sliem għalik, Marija…..

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini Taljani u minn diversi pajjiżi.  Tislima partikolari liż-żgħagżagħ mill-Ukrajna u nħeġġiġhom biex ikunu operaturi tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni.  Insellem lis-seminaristi l-ġodda flimkien mas-superjuri tagħhom min-North American College ta’ Ruma; kif ukoll lill-adoloxxenti u ż-żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Verona.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber