Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!  Qednara li intom kuraġġużi ħafna li ġejtu fil-pjazza f’din is-sħana kollha. Complimenti!

L-Evanġelju tal-lum jgħidilna li l-Appostli, wara l-esperjenza tal-missjoni, reġgħu lura kuntenti imma għajjenin.  U Ġesù, li fehemhom, irid jagħtihom ftit tas-serħan; għalhekk jitwarrab magħhom, f’post għal kwiet biex ikunu jistgħu jistrieħu ftit (cfr Mark 6,31).  «Iżda ħafna rawhom telqin u fehmu.... u waslu qabilhom» (vers 32).  F’dal-punt l-Evanġelista joffrilna immaġni ta’ Ġesù li hi ta’ intensità partikolari, għax hi “ritratt” biex ngħidu hekk, ta’ għajnejh u tislet is-sentimenti li kellu f’qalbu, u l-Evanġelista jgħid: «Wara li niżel mid-dgħajsa, Hu ra folla kbira, ġietu ħniena minnhom għax kienu qieshom nagħaġ mingħajr ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ» (vers 34).

Ejjew nerġgħu naqbdu t-tliet verbi ta’ dan ir-ritratt: ra, ġietu ħniena, għallem.  Nistgħu nsejħulhom il-verbi tar-ragħaj.  Ra, ġietu ħniena, għallem.  L-ewwel u tieni, ra u ġietu ħniena insibuhom marbutin mal-atteġġjament ta’ Ġesù: infatti, ħarstu mhix dik ta’ soċjologu jew ta’ fotografu għax Hu dejjem iħares “bl-għajnejn tal-qalb”.  Dawn iż-żewġ verbi ra  u ġietu ħniena jinkwadraw lil Ġesù bħala r-Ragħaj it-Tajjeb.  Anki l-kumpassjoni tiegħu mhix biss sentiment uman, imma hi kommozzjoni tal-Messija li fiH saret laħam it-tenerezza ta’ Alla.  Din il-kumpassjoni titnissel mix-xewqa ta’ Ġesù li jitma’ ‘l-folla bil-ħobż tal-Kelma tiegħu, jiġfieri li jgħallem il-Kelma t’Alla lin-nies.  Ġesù jara, Ġesù tiġih ħniena, Ġesù jgħallimna.  Sabiħ dan!

U jiena tlabt lill-Mulej biex l-Ispirtu ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, dan l-Ispirtu, jmexxini tul il-Vjaġġ Appsotolikuli għamilt dawn l-aħħar jiem fl-Amerika Latina u li ppermettili nżur l-Ekwador, il-Bolivja u l-Paragwaj.  Niżżi ħajr lill-Mulej minn qiegħ qalbi għal dan ir-rigal.  Irrodd ħajr lill-popli ta’ dawn it-tliet pajjiżi għal-laqgħa li tawni u għall-kollaborazzjoni.  B’imħabba kbira nirringrazzja lil ħuti l-Isqfijiet, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati u lill-popolazzjonijiet kollha għall-ħerqa li biha huma ħadu sehem.  Flimkien ma’ dawn ħuti faħħart il-Mulej għall-għeġubijiet li wettaq fil-Poplu t’Alla li miexi f’dawk l-artijiet, għall-fidi li ħeġġet u għada tħeġġeġ il-ħajja u l-kultura tagħhom.  U raddejnilu ħajr ukoll għas-sbuħija naturali li biha huma mogħnijin dawn il-pajjiżi.  Il-kontinent Latino-amerikan għandu potenzjalitajiet umani u spiritwali kbar, iħares il-valuri Nsara li għandhom għeruq fondi, imma għaddej ukoll minn ħafna problemi soċjali u ekonomiċi gravi.  Biex tagħti sehemha għas-soluzzjoni tagħhom, il-Knisja hija impenjata biex timmobilta l-forzi spiritwali u morali tal-komunitajiet tagħha, billi tikkollabora mal-kull settur tas-soċjetà.  Quddiem l-isfidi kbar li t-tħabbira tal-Evanġelju trid tħabbat wiċċha magħhom, jien stedinthom biex jixorbu minn Kristu l-Mulej il-grazzja li ssalva u li tagħti l-qawwa fl-impenn tax-xhieda Nisranija, biex jiżviluppaw it-tixrid tal-Kelma t’Alla, sabiex ir-reliġjożità qawwija ta’ dawk il-popolazzjonijiet tkun  dejjem xhieda fidila tal-Evanġelju.

Lill-interċessjoni materna tal-Verġni Marija, li l-Amerika Latina kollha tqim bħala patruna taħt it-titlu tas-Sinjura Tagħna ta’ Guadalupe, nerħi l-frott ta’ dan il-vjaġġ appostoliku li ma jintesiex.


 

Wara l-Angelus:

 

Għeżież ħuti,

Insellmilkom minn qabli Rumani u pellegrini!

Insellem partikolarment liż-żgħażagħ tad-djoċesi ta’ Pamplona y Tuleda fi Spanja.

Insellem lis-sorijiet tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret miġburin f’Ruma għall-kapitlu Ġenerali; l-orkestra ta’ Offanengo-Casalbuttano; il-kori ta’ Vigo Cavedine (Trento); liż-żagħażagħ volontarji li jaħdmu fil-kunvent ta’ Arco di Trento, liż-żagħażagħ minn Meana Sardo u lil dawk li qed jieħdu sehem fil-btala organiżżataa mill-INPS ta’ Pomezia; liż-żagħażagħ tal-Azzjoni Kattolika minn Mellaredo u Rivale (Padova).

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Nitlobkom biex jekk jogħġobkom titolbu għalija, tinsewx.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!



 

 Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber