IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Ħadd il-Palm, 14 ta’ April, 2019

 

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll li ħadtu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni u lil kull min hu magħqud magħna permezz tal-meżżi tal-komunikazzjoni.  Din it-tislima hija wkoll għaż-żgħażagħ kollha li llum, imdawwrin mal-Isqfijiet tagħhom, qed jiċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’kull djoċesi tad-dinja.  Għeżież żagħażagħ nistedinkom li tagħmlu tagħkom u li tgħejxu fil-ħajja ta’ kuljum dak li hemm indikat  fl-Eżortazzjoni Appostolika ta’ m’ilux Christus vivit, frott tas-Sinodu li fih ħadu sehem ukoll bosta żgħażagħ tamparkom.  F’dan it-test, kull wieħed u waħda minnkom tistgħu ssibu suġġerimenti għammiela għall-ħajja personali tagħkom u għall-mixja tagħkom fit-tkabbir tal-fidi u s-servizz lejn l-aħwa.

Fil-qafas ta’ dan il-Ħadd ridt noffri lilkom ilkoll miġburin fi Pjazza San Pietru, kuruna tar-Rużarju speċjali.  Dawn il-kuruni mill-injam taż-żebbuġ, inħadmu fl-Art Imqaddsa apposta għal-Laqgha taż-żgħażagħ fil-Panama, f’Jannar li għadda, u għall-Jum Dinji tal-lum.  Għalhekk inġedded l-appell tiegħi lil kulħadd biex titolbu r-Rużarju għall-paċi, b’mod partikolari fl-Art Imqaddsa u fil-Lvant Nofsani.

U issa nduru lejn il-Verġni Marija sabiex tgħinna ngħejxu tajjeb il-Ġimgħa Mqaddsa.

L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija ...

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber