IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 7 ta' Lulju, 2019
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum (cfr Lc 10,1-12.17-20), tippreżentalna lil Ġesù jibgħat tnejn u sebgħin dixxiplu, flimkien mat-tnax l-appostlu, f'missjoni. Probabbilment, in-numru tnejn u sebgħin jindika n-nazzjonijiet kollha. Infatti fil-Ktieb tal-Ġenesi jissemmew tnejn u sebgħin nazzjon differenti (cfr 10, 1-32). B'hekk dil-missjoni tantiċipa l-missjoni tal-Knisja li tħabbar l-Evanġelju lill-bnedmin kollha. Lil dawk id-dixxipli Ġesù jgħidilhom: "Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit! Itolbu għalhekk lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għal-ħsad tiegħu" (v. 2).
Din l-istedina ta' Ġesù tgħodd dejjem. Dejjem għandna nitolbu lil "sid il-ħsad", jiġifieri Alla l-Missier, biex jibgħat ħaddiema jaħdmu fl-għalqa tiegħu, li hija d-dinja. U kull wieħed u waħda minna għandu jagħmel dan b'qalb miftuħa, b'atteġġjemnt missjunarju; it-talb tagħna m'għandux jillimita ruħu biss għall-ħtiġijiet tagħna, għan-neċessitajiet tagħna: it-talba tkun verament nisranija jekk għandha wkoll dimensjoni universali.
Hu u jibgħat lit-tnejn u sebgħin dixxiplu, Ġesù jtihom struzzjonijiet preċiżi, li jesprimu l-karattru tal-missjoni. L-ewwel waħda - kif diġà rajna - itolbu; it-tieni: morru; u mbagħad: tieħdu xejn magħkom la ħorġa u lanqas qrieq.....; għidu: "Paċi lil did-dar".. ibqgħu fiha..... Toqgħodux idduru minn familja għal oħra; fejjqu l-morda u għidulhom: "is-saltna t'Alla waslet"; u jekk ma jilqgħukomx, oħroġu fil-pjazez tagħhom u tbiegħdu minnhom (cfr vv. 2-10). Dawn il-kmandi juru li l-missjoni tistrieħ fuq it-talb; li hi itineranti: mhix wieqfa, timxi; li titlob distakk u l-faqar; li magħha ġġorr il-paċi u l-fejqan, sinjali tal-qrubija tas-Saltna t'Alla; dan mhux prożelitiżmu iżda tħabbir u xhieda; u jitlob ukoll l-onestà u l-libertà evanġelika li titlaq u timxi biex turi r-responsabbiltà li ġġorr magħha ċ-ċaħda tal-messaġġ tas-salvazzjoni, imma mingħajr kundanna u saħta.
Jekk il-missjoni tal-Knisja tingħex b'dawn l-għanijiet tkun ikkaratteriżżata mill-ferħ. U kif tintemm din is-silta? "It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana" (v. 17). Mhux ferħ vojt, imnissel mis-suċċess tal-missjoni; bil-maqlub, hu ferħ imħawwel fil-wegħda illi - jgħidĠesù - "isimkom hu miktub fis-smewwiet" (v. 20). B'din l-istqarrija Hu jrid ifisser il-ferħ ġewwieni, l-hena li ma tinqeridx, li tinbet mill-għarfien li aħna msejħin minn Alla sabiex nimxu wara Ibnu. Jiġifieri l-ferħ li aħna dixxipli tiegħu. Ilum, per eżempju, kull wieħed u waħda minna li ninsabu fil-pjazza, nistgħu naħsbu dwar l-isem li ngħatajna fil-Magħmudija: dak l-isem "hu miktub fis-smewwiet, fil-qalb ta' Alla l-Missier. Huwa l-ferħ ta' dar-rigal li lil kull dixxiplu jagħmlu missjunarju, bniedem li jimxi fil-kumpanija tal-Mulej Ġesù, li minnu jitgħallem jingħata bla serħan għall-oħrajn, meħlus minnu nnifsu u mill-ġid li għandu.
Flimkien ejjew nitolbu l-protezzjoni materna ta' Marija Santissma sabiex f'kull imkien issostni l-missjoni tad-dixxipli ta' Kristu; il-missjoni li jħabbru lil kulħadd li Alla jħobbna, irid isalvana u qed isejħilna biex nieħdu sehem mis-Saltna tiegħu.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Minkejja li għaddew xi ġranet, nistedinkom xorta waħda biex titolbu għal dawk l-imsejkna nies bla difiża li nqatlu jew sfaw feruti wara l-attakk mill-ajru li laqat iċ-ċentru tad-detenzjoni tal-migranti fil-Libja. Il-komunità internazzjonali ma tista' qatt tittollera fatti daqstant serji. Jien qed nitlob għall-vittmi: Alla tal-paċi jilqa' lill-mejtin fi ħdanu u jsostni lill-miġrugħin. Nawgura li jkunu organiżżati b'mod estIż u maqbul, kuriduri umanitarji għall-migranti u għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Infakkar ukoll fil-ħafna vittmi ta' straġijiet li twettqu dan l-aħħar fil-Afganistan, fil-Mali, fil-Burkina Faso u fin-Niġer. Nitolbu flimkien (waqt ta' skiet).
Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini! Insellem lill-istudenti tal-iskola "San Injazju" minn Clevelenad (L-Istati Uniti), liż-żgħażagħ minn Basiasco u Mairago, u lis-saċerdoti li qed jieħdu sehem fil-kors għal-formaturi, imniedi mill-istitut "Sacerdos" ta' Ruma. Insellem lill-komunità Eritrea ta' Ruma: għeżież ħuti, nitlob għall-poplu tagħkom! U nsellem lill-bosta Pollakki li qiegħdin hawn quddiem!
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber