IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħames Ħadd  tar-Randan, 7 ta’ April, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dal-ħames Ħadd tar-Randan il-liturġija tippreżentalna l-episodju tal-mara adultera (cfr Ġw 8, 1-11).  Fih aħna naraw żewġ atteġġjamenti kontra xulxin: dak tal-iskribi u l-fariżej min-naħa, u min-naħa l-oħra dak ta’ Ġesù.  Dawk tal-ewwel iridu jikkundannaw lill-mara għax jidhrilhom li huma l-ħarriesa tal-Liġi sabiex tkun applikata fedelment.  Iżda Ġesù jrid isalvaha għaliex Hu jippersonifika l-ħniena ta’ Alla li bil-maħfra jirhan u bir-rikonċiljazzjoni jġedded.

Naraw għalhekk x’ġara.  Waqt li Ġesù qiegħed jgħallem fit-tempju, l-iskribi u l-fariżej iġibulu quddiemu mara li nqabdet f’adulterju; iqegħeduha fin-nofs u jistaqsu lil Ġesù jekk għandhomx iħaġġruha, kif tgħid il-Liġi ta’ Mosè.  L-Evanġelista jagħmilha ċara li huma għamlulu dil-mistoqsija” biex iġarrbuh u biex ikollhom fuqiex jakkużawh” (v. 6).  Nistgħu nissoponu li l-għan tagħhom kien dan – araw il-ħżunija ta’ dawn in-nies: Jekk jgħid “le” għat-tħaġġir kien ikollhom skuża biex jakkużaw lil Ġesù li mhux qed jobdi l-Liġi; imma, “l-iva” kienet tkun raġuni biex jirrappurtawh lill-awtoritajiet Rumani, li żammew għalihom infusho id-dritt li s-sentenzi kellhom jaqtgħuhom huma u ma kienux jaċċettaw li l-poplu jieħu l-liġi f’idejh.   U Ġesù kellu jwieġeb.

Dawk li qed jindirizzaw lil Ġesù huma magħluqin fid-djuq tal-legaliżmi u jridu “jgħalqu” lil Iben Alla fil-perspettiva tal-ġudizzju u l-kundanna tagħhom.  Imma Hu ma ġiex fid-dinja biex jiġġudika u jikkundanna imma biex isalva u lill-bnedmin joffrilhom ħajja ġdida.  U kif jirreaġixxi Ġesù quddiem din il-prova?  Qabel xejn jibqa’ ftit fis-skiet u jinżel jikteb fit-trab mal-art, kważi biex ifakkar li l-uniku Leġiżlatur u Mħallef huwa Alla li kien kiteb il-Liġi fuq il-ġebel.  U mbagħad jgħid: “Min minnkom hu bla eda ħtija, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla: (v. 7). B’dal-mod Ġesù qed jagħmel appell lill-kuxjenza ta’ dawk in-nies: huma, li kienu jqisu ruħhom “paladini tal-ġustizzja”, iżda Hu jiġbdihom l-attenzjoni biex ikunu konxji tal-kundizzjoni tagħhom ta’ bnedmin midinba, u li minħabba f’hekk ma setgħux jippretendu li għandhom dritt fuq il-ħajja u l-mewt ta’ xi ħadd bħalhom.  F’dak il-punt, wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ – jiġifieri l-aktar esperti tal-miżerji personali – telqu lkoll, u ċċaħħdu milli jħaġġru lill-mara.  Dix-xena tistieden lil kull wieħed u waħda minna sabiex nagħrfu li aħna midinbin, u sabiex narmu minn idejna l-ġebel tat-tmaqdir u tal-kundanna, tat-tqassis, li xi drabi aħna nkunu rridu nitfgħu lejn l-oħrajn.  Meta nisparlaw dwar l-oħrajn, meta nitfgħu l-ġebel, aħna nkunu nixbħu lil dawk.

Fl-aħħar jibqgħu biss Ġesù u l-mara, hemmhekk fin-nofs: “il-miżerja u l-ħniena”, jgħid Santu Wistin (fi Ġwanni 33,5).  Ġesù huwa l-waħdieni mingħajr ħtija, il-waħdieni li jista’ jitfgħalha l-ġebla, imma dan ma jagħmlux, għaliex Alla “ma jridx il-mewt tal-midneb iżda li jikkonverti u jgħejx” (cfr 33,11).  U Ġesù jibgħat lil-mara b’dal-kliem stupend: “Mur u mil-lum ‘il quddiem tidnibx aktar” (v. 11).  U b’hekk Ġesù jiftħilha quddiema triq ġdida, maħluqa mill-ħniena, triq li titlob minnha mpenn biex ma tidnibx aktar.  Hija stedina li tgħodd għalina lkoll: meta jaħfrilna, Ġesù dejjem jiftħilna triq ġdida biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem.  F’daż-żmien tar-Randan aħna msejħin biex nagħrfu li aħna midinbin u sabiex nitolbu maħfra lil Alla.  U, min-naħa tagħha, filwaqt li tirrkonċiljana u ttina l-paċi, il-maħfra ġġagħalna nerġgħu nibdew storja mġedda.  Kull konverżjoni vera timxi lejn ġejjieni ġdid, ħajja ġdida, ħajja sabiħa, ħajja ħielsa mid-dnub, ħajja ġeneruża.  Ma nibżgħux nitolbu maħfra lil Ġesù għaliex Hu jiftħilna l-bieb ta’ dil-ħajja ġdida.  Il-Verġni Marija tgħinna nkunu xhieda għal kulħadd tal-imħabba ħanina ta’ Alla, li f’Ġesù jaħfrilna u jġeddilna l-eżistenza tagħna hu u joffrilna dejjem possibiltajiet ġodda.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll hawn preżenti, fidili minn Ruma u minn bosta nħawi tad-dinja.  Illum hawn preżenti ħafna studenti tal-iskejjel.

Insellem lill-istudenti Spanjoli minn La Coruña u minn Albacete; lil dawk minn Telfs (l-Awstrija) u minn Colmar (Franza).

Insellem lill-istudenti minn Bologna, Nicosia u Genova kif ukoll lil dawk tal-iskejjel Lasalljani minn Torin u Vercelli li qed ifakkru t-tielet ċentinarju mill-mewt ta’ San Ġwann Battista del la Salle.

Ħsieb speċjali jdur lejn iż-żgħażagħ li se jagħmlu l-Griżma minn Settignano, Scandicci u dawk mid-djoċesi ta’ Saluzzo, akkumpanjati mill-Isqof tagħhom Mons. Cristiano Bodo.  Kunu xhieda kuraġġużi ta’ Ġesù u tal-Evanġelju!  Bil-Griżma aħna għandna nkattru dejjem aktar fina l-kuraġġ, kunu kuraġġużi dejjem!

Insellem lill-adoloxxenti ta’ erbatax-il sena mid-Dekanat “Romana Vittoria” ta’ Milan, lill-fidili minn Pescara, Napli u Temi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Grazzi

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber