IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 3 ta’ Marzu, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-paġna evanġelika tal-lum ittina parabboli qosra li bihom Ġesù jrid juri lid-dixxipli tiegħu it-triq li  għandhom jimxu fiha biex jgħixu bil-għaqal.  Bil-mistoqsija: “Jista forsi għama jmexxi għama ieħor?” (Lq 6, 39), Hu jrid jisħaq li gwida ma tistax tkun għamja, imma jrid ikollha vista tajba, jiġifieri għandu jkollha d-dehen li tmexxi bil-għaqal, inkella tirriskja li tagħmel id-deni lil dawk lil jafdaw fiha.  B’hekk Ġesù jiġbed l-attenzjoni ta’ kull min għandu responsabbiltajiet edukattivi jew ta’ tmexxija: ir-rgħajja tal-erwieħ, l-awtoritajiet pubbliċi, il-leġiżlaturi, l-għalliema, il-ġenituri, u jħeġġiġhom biex jagħrfu x’inhu l-irwol delikat tagħhom u jiddixxernu dejjem it-triq it-tajba li fiha għandhom imexxu lin-nies.

U Ġesù jissellef espressjoni sapjenzjali biex iqiegħed lilu nnifsu bħala mudell ta’ mgħallem u gwida wara min għandna nimxu: “Id-dixxiplu mhuwiex akbar mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu” (v. 40).  Hi stedina biex nimxu fuq l-eżempju tiegħu, fuq it-tagħlim tiegħu ħalli nkunu gwidi żguri u dehnin.  Tagħlim bħal dan hu miġbur, fuq kollox, fid-diskors tal-muntanja, li l-liturġija ilha ttina dawn l-aħħar tlett iĦdud  biex turina x’inhu l-atteġġjament tal-manswetudni u tal-ħniena ħalli nkunu bnedmin sinċieri, umli u ġusti.  Fis-silta tal-lum insibu sentenza oħra ta’ tifsir importanti, dik li tirrikmandalna biex ma nkunux prużuntużi u ipokriti.  Tgħid hekk: “Għax tara t-tibna f’għajn ħuk u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek?” (v. 41).  Bosta drabi, nafuha lkoll, hu aktar faċli u komdu naraw u nikkundannaw id-difetti u d-dnubiet ta’ ħaddieħor, bla ma nħarsu bl-istess ċarezza lejn id-difetti tagħna.  Aħna dejjem naħbu d-difetti tagħna, naħbuhom ukoll minna nfusna: minflok, hu faċli naraw id-difetti tal-oħrajn.  Hemm it-tentazzjoni li nkunu sodisfatti bina nfusna – bil-komma wiesa’ magħna nfusna – u iebsin mal-oħrajn.  Dejjem huwa utli li ngħinu lill-proxxmu b’pariri għaqlin, iżda filwaqt li nosservaw u nikkoreġu d-difetti tal-proxxmu tagħna, irridu nagħrfu li aħna wkoll għandna d-difetti.  Jekk nemmen li m’għandix, ma nistax nikkundanna jew nikkoreġi lil ħaddieħor, irridu nħarsu fina nfusna.  B’hekk inkunu nistgħu naġixxu b’mod kredibbli, bl-umiltà, bix-xhieda tal-karità.

Kif nistgħu nifhmu jekk għajnna hix ħielsa jew jekk hix mgħottija bi travu?  Mill-ġdid Ġesù jgħidilna: “M’hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, u lanqas siġra ħażina ma tista’ tagħmel frott tajjeb.  Is-siġra tingħaraf mill-frott tagħha” (vv. 43-44).  Il-frott huma l-azzjonijiet imma anki kliemna.  Mill-kliem ukoll tista’ tingħaraf il-kwalità tas-siġra.  Infatti, min hu tajjeb, minn qalbu u minn fommu joħroġ it-tajjeb u min hu ħażin minnu joħroġ il-ħażin għax ikun qed jagħmel l-aktar ħaġa ta’ ħsara li jista’ jkun hemm bejnietna, it-tqassis, it-tpaċpiċ, it-tkeskis fuq l-oħrajn.  Dan ikisser; ikisser il-familja, ikisser l-iskola, ikisser il-post tax-xogħol, ikisser il-kwartier.  Mill-ilsien jibdew il-gwerer.  Naħsbu ftit aħna, dwar it-tagħlim ta’ Ġesù u nistaqsu lilna nfusna: jien inseksek fuq l-oħrajn?  Jien dejjem nipprova nħammeġ lil ħaddieħor?  Hu aktar faċli għalija nara d-difetti ta’ ħaddieħor milli tiegħi?  U nippruvaw nikkoreġu ruħna tal-anqas xi ftit: jagħmlilna tajjeb lilna lkoll.

Ninvokaw l-għajnuna u l-interċessjoni ta’ Marija biex nimxu wara l-Mulej f’dit-triq.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll li ġejjin minn Ruma, mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-pellegrini minn Varsavja, Madrid, Ibiza u Formentera.

Insellem lill-komunità tas-Seminarju minuri mid-djoċesi ta’ Otranto li jinsabu Ruma f’pellegrinaġġ flimkien mal-ġenituri tagħhom.

Illum hawn preżenti ħafna parroċċi Taljani, tant żgħażagħ li se jagħmlu l-Griżma u bosta studenti tal-iskejjel.  Mhux possibbi nsemmi lil kull grupp, imma rrodilkom ħajr ilkoll għall-preżenza tagħkom u nħeġġiġkom biex timxu ‘l quddiem bil-ferħ, bil-ġenerożità u tkunu xhieda kullimkien tat-tjubija u l-ħniena t’Alla.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber