IL-PAPA FRANĠISKU

ANĠELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd, 2 ta’ Settembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan il-Ħadd nerġgħu lura għall-qari mill-Evanġelju skont San Mark.  Fis-silta tal-lum (cfrMk 7,1-8, 14-15, 21-23), Ġesù jaffronta suġġett importanti ħafna għalina l-insara lkoll: l-awtentiċità tal-ubbidjenza tagħna lejn il-Kelma t’Alla, kontra kull tniġġiż mondan jew formaliżmu legalisitku.  Ir-rakkont jiftaħ bl-oġġezzjoni li l-iskribi u l-fariżej jagħmlu lil Ġesù meta jakkużaw lid-dixxipli tiegħu li mhux qed jimxu skont il-preċetti ritwali tat-tradizzjoni.  B’dan il-mod, dawn kienu qed jippruvaw iwaqqgħu il-kredibbiltà u l-awtorevolezza ta’ Ġesù bħala Mgħallem għax bdew jgħidu: “imma dan l-imgħallem jippermetti lid-dixxipli tiegħu ma josservawx ir-regoli tat-tradizzjoni”.

Iżda Ġesù jwieġeb iebes u jgħid: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu, bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin” (vv. 6-7).  Hekk jgħid Ġesù.  Kliem ċar u qawwi!  L-ipokrità hu, biex ngħidu hekk, wieħed mill-aġġettivi l-aktar qawwija li juża Ġesù fl-Evanġelju u jindirizzah lill-imgħallmin tar-reliġjon: dutturi tal-liġi, skribi....  “Ipokrita”, jgħid Ġesù.

Infatti Ġesù jrid joħroġ lill-iskribi u l-fariżej mill-iżball li kienu waqgħu fih, u liema hu dan l-iżball?  Dak li taqleb ta’ taħt fuq ir-rieda t’Alla, billi tinjora l-kmandamenti tiegħu biex tosserva t-tradizzjojijiet umani.  Ir-reazzjoni ta’ Ġesù hi iebsa għax fin-nofs kien hemm xi ħaġa kbira: il-verità tar-relazzjoni bejn il-bniedem u Alla, l-awtentiċità tal-ħajja reliġjuża.  L-ipokrita hu giddieb, mhux awtentiku.

Illum ukoll il-Mulej jistedinna biex naħarbu l-periklu li nagħtu aktar importanza lill-forma milli s-sustanza.  Isejħilna biex nagħrfu, dejjem mill-ġdid, dak li hu l-veru ċentru tal-esperjenza tal-fidi, jiġifieri l-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu, biex isaffina mill-ipokrisija tal-legaliżmu u tar-ritwaliżmu.

Il-messaġġ tal-Evanġelju tal-lum hu msaħħaħ ukoll minn leħen l-Appostlu Ġakbu li jgħidilna fil-qosor kif għandha tkun ir-reliġjon vera u jgħid hekk: il-vera reliġjon hi li “żżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja (v. 27).

Li żżur lill-orfni u lir-romol ifisser li tagħmel il-karità mal-proxxmu u tibda’ mill-aktar nies fil-bżonn, l-aktar fraġli, l-aktar li jinsabu fit-truf.  Huma l-persuni li Alla jieħu ħsiebhom b’mod speċjali, u jitlob lilna biex nagħmlu l-istess.

Li nżommu ruħna bla tinġis ‘il bogħod mid-dinja ma jfissirx li ninqatgħu għalina waħedna u ningħalqu għar-realtà.  Le.  Hawn ukoll ma jridx ikollna atteġġjament tad-dieher imma interjuri, ta’ sustanza: ifisser illi nishru sabiex il-mod kif naħsbu u naġixxu ma jkunx imniġġes mill-mentalità mondana, jew aħjar, mill-vanità, mir-rgħiba, mis-suppervja u fl-istess ħin nemmnu u nuru ruħna bħala reliġjużi u naslu saħansitra nikkundannaw lill-oħrajn, għax b’hekk inkunu ipokriti.

Nagħmlu eżami tal-kuxjenza biex naraw kif qed nilqgħu l-Kelma t’Alla.  Nhar ta’ Ħadd nisimgħuha fil-quddiesa.  Jekk nisimgħuha bid-distrazzjoni jew b’mod superfiċjali, ma tantx tiswielna.  Minflok, għandna nilqgħu l-Kelma t’Alla b’moħħ u qalb miftuħa, bħal art tajba, biex b’hekk nagħmluha tagħna u tagħti l-frott fil-ħajja konkreta.  Ġesù jgħid li l-Kelma t’Alla hi bħall-qamħ, hi żerriegħa li trid tikber bl-opri konkreti.  B’hekk l-istess Kelma ssafilna qalbna u l-azzjonijiet tagħna ħalli r-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mal-oħrajn tinħeles mill-ipokrisija.

L-eżempju u l-interċessjoni tal-Verġni Marija jgħinuna sabiex dejjem nagħtu ġieħ lill-Mulej minn qalbna, bix-xhieda ta’ mħabbitna lejh bl-għażliet konkreti għall-ġid ta’ ħutna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Košice (Slovakkja), ġiet dikjarata Beata Anna Kolesárová, verġni u martri, maqtula għax irreżistiet lil min ried itebbgħalha d-dinjità u l-kastità tagħha.  Tixbaħ lit-Taljana tagħna Marija Goretti.  Dit-tfajla kuraġġuża jalla tgħin li-żgħażagħ insara  biex jibqgħu sħaħ fil-fedeltà lejn l-Evanġelju, anki meta dan jitlob minnhom li jmorru kontra l-kurrent u jħallsu personalment.  Applaws lill-Beata Anna Kolesárová!

Din ta’ niket kbir: qed jonfħu rjieħ tal-gwerra u qed jaslu aħbarijiet ta’ nkwiet dwar ir-riskju possibbli ta’ katastrofi umanitarja fil-maħbuba Sirja, fil-provinċja ta’ Idlib.  Inġedded l-appell minn qiegħ qalbi biex il-komunità internazzjonali u kull min għandu x’jaqsam jużaw l-istrumenti tad-diplomazija, tad-djalogu u tan-negozjati, bir-rispett lejn id-Dritt umanitarju internazzjonali u biex jitħarsu l-ħajjiet tan-nies ċivili.

Insellemlilkom ilkoll, għeżież pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn pajjiżi diversi.  Partikolarment, insellem lil-katekisti minn Caerano San Marco, lill-adoloxxenti minn Montirone, liż-żgħażagħ minn Rovato u dawk li ġew minn diversi bliet ta’ Spanja wara mixja twila, u lill-parteċipanti tal-ġemgħa tal-muturi Vespa.  Qed nara l-poster hemmhekk, merħba!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber