Għeżież ħbieb, nies ta’ responsabbiltà u persuni ta’ twemmin Musulman,

Hu pjaċir kbir tiegħi li qed niltaqa’ magħkom biex nesprimi l-gratitudni tiegħi għal-laqgħa kbira li tajtuni.  Nirringrazzja b’mod partikolari lill-Imam Tidiani Moussa Naibi, għall-kliem ġentili li bihom tanti merħba.  Iż-żjara pastorali tiegħi fir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika ma kinitx tkun kompluta kieku ma nkludietx ukoll din il-laqgħa mal-komunità Musulmana.

Aħna l-Insara u l-Musulmani aħwa.  Għalhekk irridu naraw lilna nfusna hekk, inġibu ruħna t’hekk.  Nafu tajjeb li l-aħħar avvenimenti u l-vjolenza li heżżew ‘il-pajjiżkom ma seħħewx minħabba raġunijiet eżattament reliġjużi.  Min jgħid li jemmen f’Alla għandu jkun ukoll bniedem ta’ paċi.  Insara, Musulmani u membri tar-reliġjonijiet tradizzjonali għexu flimkien fil-paċi għal bosta snin.  Għalhekk jeħtieġ li nibqgħu magħqudin biex jieqfu l-azzjonijjiet kollha li, minn naħa u minn oħra, jisfiguraw il-wiċċ ta’ Alla u li fil-fatt, l-għan tagħħhom hu li jiddefendu b’kull mezz l-interessi partikolari, b’detriment għall-ġid komuni.  Flimkien ngħidu le għall-mibgħeda, le għall-vendetta, le għall-vjolenza, partikolarment dik li ssir f’isem xi reliġjon jew f’isem Alla.  Alla hu paċi, Alla salam.

F’dawn iż-żminijiet drammatiċi, dawk li għandhom ir-responsabbiltà reliġjuża, Insara u Musulmani, riedu juru li jafu jilqgħu l-isfidi tal-mument.  Huma kellhom rwol importanti biex jitreġġgħu lura l-armonija u l-fraternità bejn kulħadd.  Irrid niżgurahom li jien grat ħafna u għandi stima lejhom.  U rridu nfakkru wkoll tant ġesti ta’ solidarjetà li l-Insara u l-Musulmani għamlu rigward sħabhom kompatrijotti ta’ twemmin reliġjuż differenti, billi laqgħuhom u ddefendewhom tul din l-aħħar kriżi li kien hawn f’pajjiżkom, imma wkoll fi nħawi oħra tad-dinja.

Ma nistgħux ħlief nawguraw li l-konsultazzjonijiet nazzjonali li se jibdew dalwaqt jagħtu lill-pajjiż nies responsabbli li jagħrfu jgħaqqdu liċ-Ċentrafrikani, u jkunu simboli tal-għaqda tan-nazzjon pjuttost mill-rappreżentanti ta’ xi fergħa.  Inħeġġiġkom b’qalbi kollha biex lill-pajjiżkom tagħmluh dar li tilqa’ lil uliedha kollha, mingħajr distinzjoni ta’ etnija, ħsieb politiku jew twemmin reliġjuż.  Allura, bil-kollaborazzjoni ta’ uliedha kollha, ir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika, li tinsab fil-qalba tal-Afrika, f’das-sens tkun tista’ tagħti impuls lill-kontinent kollu.Hi tista’ tkun influwenza pożittiva u tgħin biex jintfew il-fuklari ta’ tensjoni li hawn u li ma’ jħallux lill-Afrikani jgawdu mill-iżvilupp li jixirqilhom u li għandhom dritt għalih.

Għeżież ħbieb, għeżież ħuti, nistedinkom titolbu u taħdmu għar-rikonċiljazzjoni, għall-fraternità u s-solidarjetà bejn kulħadd, mingħajr ma tinsew lill-persuni li l-aktar batew minħabba dawn l-avvenimenti.

Alla jberikkom u jħariskom!  Salam alaikum!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber