Għeżież ħuti,

Kunent li għandi l-okkażjoni  niltaqa’ magħkom  hawnhekk fil-Fakulta’ tat-Teoloġija Evanġelika. Nirringrazzja lid-Dekan tal-Fakulta’ u lill-President tal-Alleanza tal-Evanġeliċi fl-Afrika Ċentrali għall-kliem ġentili  tagħhom ta’ merħba. B’sentiment profond ta’ mħabba fraterna,  insellem lil kull wieħed u waħda minnkom u permezz tagħkom anki lill-membri tal-komunitajiet tagħkom. Aħna lkoll  qegħdin  hawn biex naqdu lill-istess Kristu  Rxost, li llum qed jiġborna lkoll hawnhekk flimkien. U  għax irċevejna l-istess Magħmudija, aħna  mistiedna biex inħabbru l-ferħ tal-Evanġelju lill-irġiel u n-nisa ta’ dan il-pajjiż għażiż  tal-Afrika Ċentrali.

Il-poplu tagħkom ilu żmien twil għaddej minn tiġrib u vjolenza li jġibu magħhom ħafna tbatija.  U dan juri kemm hu meħtieġ u urġenti li nwasslu t-tħabbira tal-Evanġelju. Għax hu l-ġisem ta’ Kristu stess li qed ibati; qed ibati fil-membri l-aktar  għeżież tiegħu: il-foqra , il-morda, l-anzjani u l-imwarrbin, it-tfal bla ġenituri jew dawk li jridu jaqdfu għal rashom, bla ħadd jiggwidhom u  bla edukazzjoni.  Hemm ukoll dawk miġruħa f’ruħhom u f’ġisimhom mill-vjolenza u mill-mibegħda, dawk li l-gwerra ċaħdithom minn kollox, mix-xogħol, mid-dar, mill-għeżież tagħhom.

Alla jħares lejn dawk  kollha li qed ibatu bla ebda differenza.  Dan l-ekumeniżmu spiss sejjaħtlu ekumeniżmu tad-demm. Il-komunitajiet tagħna kollha qed ibatu minħabba l-inġustizzja u l-mibegħda għamja mqanqla mix-xitan. Nixtieq nieħu din l-opportunita’ biex nesprimi s-solidarjeta’ tiegħi u  ngħid li jien qrib ta’ Pastor Nicholas li dan l-aħħar id-dar tiegħu  ġiet mġarrfa u anki mogħtija n-nar,  kif sar ukoll liċ-ċenrtu tal-komunita’ tiegħu. F’dan il-kuntest diffiċli, il-Mulej ma jieqafx jistedinna biex nuru t-tenerezza, il-kumpassjoni u l-ħniena tiegħu ma’ kulħadd. Din it-tbatija komuni u din il-missjoni komuni huma okkażjoni providenzjali biex  inkomplu nimxu  dejjem aktar ‘l quddiem fit-triq tal-unita’, u  huma wkoll mezz spiritwali indispensabbli. Kif jista’ l-Missier jirrifjuta l-grazzja tal-unita’, ukoll jekk b’mod imperfett, lil uliedu li qed ibatu flimkien u li f’diversi ċirkustanzi jiddedikaw ruħhom flimkien għall-qadi ta’ ħuthom il-bnedmin?

Għeżież ħuti, il-firda bejn l-insara hi skandlu, l-ewwelnett għax tmur kontra r-rieda tal-Mulej. Hi skandlu wkoll  meta tikkunsidra kemm hawn mibegħda u vjolenza li qed ifarrku u jifirdu  l-umanita’,  u meta tara tant  forom ta’ oppożizzjoni kontra l-Evanġelju ta’ Kristu.  Napprezza l-ispirtu ta’ rispett  reċiproku u ta’ kollaborazzjoni li teżisti fost l-insara ta’ pajjiżkom u nħeġġiġkom  tkomplu f’din it-triq b’servizz komuni fil-karita’. Din hi xhieda ta’ Kristu, li tibni l-unita’.

Jalla  dejjem aktar u b’kuraġġ, tkattru l-perseveranza u l-imħabba, l-impenn fit-talb u r-riflessjoni komuni filwaqt li ssiru tafu dejjem aktar lil xulxin,  u tkabbru l-fiduċja  u l-ħbiberija   lejn xulxin, ħalli titwettaq il-milja tal-komunjoni li fiha nittamaw bis-sħiħ.

Niżgurakom mit-talb tiegħi f’din il-mixja fraterna ta’ servizz, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ ħniena, mixja fit-tul imma mimlija ferħ u tama.

Nitlob lill-Mulej Ġesu’ biex iberikkom ilkoll;  nitolbu jbierek il-komunitajiet tagħkom u l-Knisja tagħna wkoll. U nitlobkom titolbu għalija. Grazzi ħafna.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.