Sinjuri
Hieni li ninsab hawn fostkom u nixtieq qabel kollox nuri l-apprezzament kbir tiegħi għal-laqgħa mimlija entużjażmu li rċevejtwaqt li nirringrazzja lis-Sinjura Kap tal-Istat tat-tranżizzjoni, għat-tislima mimlija kortesija li biha tagħtni meħba.  Inħossni mqanqal, Sinjura, minn dak li inti għadek kif għidtli.  Grazzi minn qalbi ta’ din ix-xhieda tant umana u tant Kristjana.  Minn dal-post, li f’ċertu sens hu d-dar tal-popolazzjoni kollha tar-Repubblika Ċentrali tal-Afrika, hu pjaċir tiegħi nesprimi permezz tagħkom, permezz tiegħek u permezz tal-awtoritajiet l-oħra preżenti hawnhekk, l-imħabba tiegħi u l-qrubija spiritwali lejn iċ-ċittadini sħabkom kollha.  Nixtieq insellem ukoll lill-membri tal-Korp Diplomatiku u r-Rappreżentanti tal-Organiżżazzjonijiet Internazzjonali, li l-ħidma tagħhom tfakkarna fl-ideal ta’ solidarjetà u koperazzjoni li hemm bżonn ikun ikkultivat bejn il-popli u n-nazzjonijiet.

Filwaqt li minkejja d-diffikultajiet, ir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika miexja tarġa tarġa lejn in-normaliżżazzjoni tal-ħajja soċjo-politika tagħha, jien qed nirfes għall-ewwel darba din l-art, wara l-predeċessur tiegħi San Ġwanni Pawlu II.  Ninsab hawn bħala pellegrin tal-paċi u qed nippreżenta ruħi bħala appostlu tat-tama.  Din hi r-raġuni għala jien kuntent li infaħħar l-isforzi li qed jagħmlu l-awtoritajiet differenti nazzjonali u internazzjonali, ibda mis-Sinjura Kap tal-Istat tat-tranżizzjoni, li qed tmexxi l-pajjiż f’din il-fażi.  L-awgurju ħerqan tiegħi hu li l-konsultazzjonijiet nazzjonali diversi li se jibdew ftit ġimgħat oħra jgħinu lill-pajjiż jibda fażi ġdida ta’ serenità fl-istorja tiegħu.

Biex idawwal ix-xefaq hemm il-motto tar-Repubblika Ċentrali tal-Afrika li jirrifletti t-tama tal-pijunieri u l-ħolma tal-missirijiet fundaturi: «Għaqda-Dinjità-Xogħol».   Illum aktar mill-bieraħ, din it-triloġija tesprimi l-aspirazzjonijiet ta’ kull Ċentrafrikan, u bħala konsegwenza, hija boxxla żgura għall-awtoritajiet li għandhom ix-xogħol li jmexxu d-destini tal-pajjiż.  Unità, dinjità, xogħol!  Tliet kelmiet mimlijin tifsir, li kull waħda minnhom tirrappreżenta kemm tarzna kif ukoll programm li ma jintem qatt, impenn li għandu jibqa’ dejjem għaddej bla ma jieqaf.

L-ewwelnett, l-għaqda.  Kif inhu magħruf, din hija valur – pern għall-armonija bejn il-popli.  Tfisser għejxien u bini, ibda mid-diversità meraviljuża tad-dinja ta’ madwarna, billi nevitaw it-tentazzjoni li nibżgħu minn ta’ madwarna, minn dak li mhux familjari, minn dak li mhux tal-grupp etniku tiegħi, u spiċċa fl-għażliet politiċi jew it-twemmin reliġjuż tagħna.  Bil-maqlub, l-għaqda titlob  li tinħoloq u titmexxa ‘l quddiem sintensi tal-għana li kull wieħed u waħda minna jġorr fih.  L-għaqda fid-diversità hija sfida li ma tninx, li titlob kreattività, ġenerożità, ċaħda tagħna nfusna u rispett lejn l-oħrajn.

Imbagħad id-dinjità.  Hu propju dan il-valur morali, sinonimu tal-onestà, lealtà, grazzja u unur, li hu karatteristika tal-irġiel u n-nisa li huma konxji mid-drittijiet tagħhom daqskemm tad-dmirijithom u li twassalhom biex jirrispettaw lil xulxin.  Kull persuna għandha d-dinijità.  Sirt naf bi pjaċir li r-Repubblika Ċentrali tal-Afrika hu l-pajjiż ta’ “Zo kwe zo”, il-pajjiż li fih kull persuna hija persuna.  Allura għandu jsir minn kollox biex titħares il-kundizzjoni u d-dinjità tal-persuna umana.  U min għandu l-mezzi biex jgħix ħajja dinjituża, minflok iħabbel rasu dwar il-privileġġi li jgawdi, għandu jfittex li jgħin lill-aktar foqra biex huma wkoll ikollhom kundizzjonijiet ta’ ħajja li tirrispetta d-dinjità umana, partikolarment bl-iżvilupp tap-potenzjal uman, kulturali, ekonomiku u soċjali tagħha.  Għaldaqstant l-aċċess għall-edukazzjoni u għall-għajnuna tas-saħħa, il-ġlieda kontra l-ġuħ u l-ġlieda biex kulħadd ikollu l-garanzija ta’ dar diċenti, għandha tieħu l-ewwel post fl-iżvilupp li hu attent għad-dinjità umana.  Fl-aħħar mill-aħħar, id-dinjità tal-bniedem tfisser li wieħed ikun impenjat li jħares id-dinjità ta’ min hu bħalu.

Fl-aħħar, ix-xogħol.  Hu permezz tax-xogħol li intom tkunu tistgħu verament ittejbu l-ħajja tal-familji tagħkom. San Pawl qal: «Mhux sewwa li l-ulied ifaddlu gaħll-ġenituri tagħhom, iżda l-ġenituri jfaddlu uliedhom» (2 Kor 12,14).  L-isforz li jagħmlu l-ġenituri jesprimi l-imħabba li huma għandhom lejn uliedhom.  U intom ukoll, Ċentrafrikani, tistgħu ttejbu din l-art meraviljuża billi tisfruttaw bil-għaqal ir-riżorsi abbundanti li għandha.  Pajjiżkom jinsab f’żona meqjusa bħala wieħed miż-żewġ pulmuni tal-umanità minħabba l-għana eċċezzjonali tal-biodiversità.  Rigward dan, infakkar fl-Enċiklika Laudato si’ u nixtieq b’mod partikolari niġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd, ċittadini, min hu responsabbli tal-pajjiż, “partner” internazzjonali u soċjetajiet multinazzjonali, dwar ir-responsabbiltà gravi li għandhom fl-użu tar-riżorsi ambjentali, fl-għażliet u l-proġetti ta’ żvilupp, li b’mod jew ieħor jinfluwenzaw il-pjaneta kollha.  Ix-xogħol tal-bini ta’ soċjetà li tiffjorixxi għandu jkun opra ta’ solidarjetà.  L-għaqal tal-poplu tagħkom ilu li fehem din il-verità u wassalha sal-lum b’dan il-proverbju: «In-nemel hu żgħir, imma għax huma ħafna jwasslu dak li jaħsdu fil-bejta tagħhom».

Ċertament hu superfluwu nisħqu dwar l-importanza kruċjali tal-imġieba u tal-amministrazzjoni  tal-awtoritajiet pubbliċi.  Dawn għandhom ikunu tal-ewwel li jinkulkaw f’ħajjithom u bil-koerenza l-valuri tal-għaqda, tad-dinjità u tax-xogħol, biex ikunu mudelli għall-konnazzjonali tagħhom.

L-istorja tal-evanġeliżżazzjoni ta’ din l-art u l-istorja soċjo-politika tal-pajjiż huma xhieda tal-impenn tal-Knisja rigward dawn il-valuri tal-għaqda, dinjità u xogħol.  Jien u nfakkar il-pijunieri tal-evanġeliżżazzjoni tar-Repubbilka Ċentrali tal-Afrika, irrid insellem lil ħuti Isqfijiet  li bħalissa għandhom fuq spallejhom din ir-responsabbiltà.  Flimkien magħhom inġedded id-disponibbiltà ta’ din il-Knisja partikolari li tikkontribwixxi dejjem aktar lejn il-promozzjoni tal-ġid komuni, speċjalment billi tifittex il-paċi u r-rikonċiljazzjoni.  It-tfittxija tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni.  Għaldaqstant m’għandix dubju li l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentrali tal-Afrika ta’ issa u tal-futur se jimpenjaw ruħhom bla heda biex lill-Knisja jiggarantula kundizzjonijiet li jiffavorixxu t-twettiq tal-ħidma missjunarja spiritwali tagħha.  Hi tista’ b’hekk tagħti sehemha dejjem aktar «biex tmexxi ‘l quddiem kull bniedem u ‘l bniedem sħiħ» (Enċ Populorum Progressio, 14), biex nuża l-espressjoni feliċi tal-predeċessur tiegħi, il-Beatu Pawlu VI, li kważi ħamsin sena ilu kien l-ewwel Papa taż-żminijiet moderni li ġie fl-Afrika biex jinkoraġġixxi u jikkonferma fit-tajjeb iż-żerniq ta’ għodwa ġdida.

Min-naħa tiegħi, f’dan il-waqt nixtieq infaħħar l-isforzi li saru mill-komunità internazzjonali, li hawnhekk hi rappreċentata mill-Korp Diplomatiku u mill-membri tal-Missjonijiet varji tal-organiżżazzjonijiet internazzjonali. Ninkoraġġihom bil-qawwa biex ikomplu jimxu dejjem fit-triq tas-solidarjetà, u nawguralhom li l-ħidma tagħhom, flimkien ma’ dik tal-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentrafrikana, tgħin lill-pajjiż biex jagħmel progress l-aktar fir-rikonċiljazzjoni, fid-diżarm, fit-tisħiħ tal-paċi, fl-għanjuna tas-saħħa u fil-kultura ta’ amministrazzjoni onesta f’kull livell.

Fl-aħħar irrid intenni l-ferħ tiegħi li qed inżur dan il-ġmiel ta’ pajjiż li jinsab fil-qalba tal-Afrika, patrija ta’ poplu li hu profondament reliġjuż, sid ta’ patrimonju naturali u kulturali għani.  Jien nara fih pajjiż imfawwar bid-doni ta’ Alla!  Jalla l-poplu Ċentrafrikan kif ukoll il-mexxejja tiegħu u l-partners” kollha, japprezzaw il-veru valur ta’ dawn ir-rigali billi jaħdmu bla heda għall-għaqda, għad-dinjità umana u għall-paċi mibnija fuq il-ġustizzja!  Alla jberikkom ilkoll.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber