Omelija tas-Sibt, 25 ta’ Mejju 2013.-

Il-Papa Franġisku jeżorta biex niftħu l-bibien għall-fidi.

 

Min javviċina l-Knisja għandu jsib il-bieb miftuħ u mhux nies li jippruvaw jikkkontrollawlu l-fidi.  Dan qalu l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra nhar is-Sibt, 25 ta’ Mejju 2013, fid-Dar Santa Marta. Il-Vanġelu tal-ġurnata jirrakkonta li Ġesù jċanfar lid-dixxipli li ma ridux lit-tfal jersqu biex iberikom il-Mulej.  Imma Ġesù jgħannaqhom, ibushom, imellishom, kollha.  Ġesù għajjien u d-dixxipli jridu jwaqqfuhom.  Imma xi kultant anki Ġesù jagħdab u jgħidilhom: ħalluhom jiġu għandi, iżżommuhomx għax is-Saltna t’Alla hi għal min hu bħalhom. Il-fidi tal-Poplu t’Alla – osserva l-Papa – hija fidi sempliċi, fidi li forsi ma fihiex wisq teoloġija, imma hija mirfuda minn teoloġija interna li mhix żbaljata għax warajha hemm l-Ispirtu Qaddis.

Il-Papa semma’ l-Konċilji tal-Vatikan l-1 u t-2 fejn jingħad li “l-poplu qaddis t’Alla.. ma jistax jiżbalja fejn jidħol it-twemmin (Lumen Gentium).  U biex jispjega din l-affermazzjoni teoloġika żied jgħid: Jekk trid tkun taf min hi Marija mur għand teologu u jgħidlek eżatt min hi.  Imma jekk trid tkun taf kif tħobb lil Marija mur għand il-Poplu t’Alla li jgħallem aħjar.  Il-Poplu t’Alla, kompla l-Papa, dejjem jitlob xi ħaġa li tkun aktar qrib ta’ Ġesù u kultant ikun insistenti mhux ħażin!  Imma din xorta waħda hi l-insistenza ta’ min jemmen. Niftakar darba, meta kont ħiereġ mill-belt ta’ Salta, nhar il-festa tal-qaddis patrun, kien hemm mara umli li talbet il-barka ta’ qassis.  Il-qassis wieġeb: tajjeb imma int kont għall-quddiesa u spjegalha t-teoloġija kollha tal-barkiet fil-knisja.  Grazzi dun, iva dun, wieġbet il-mara. Meta telaq l-ewwel saċerdot, il-mara daret fuq ieħor u talbitu jberikha.  Kull ma kien qalilha l-ewwel wieħed ma ħalla ebda effett fuqha għax hi kella ħtieġa oħra: kella l-ħtieġa li tintmiss mill-Mulej.  Din hi l-fidi li għandna dejjem infittxu, din hi l-fidi li tiġi mill-Ispirtu Qaddis.  Aħna għandna niffaċilitawha, inkabbruha, ngħinuha tikber. Il-Papa semma’ wkoll l-istorja tal-għama ta’ Ġeriko li kien imċanfar mid-dixxipli għax beda jgħajjat: “Ġesù, Iben David, ikollok ħniena minni” Il-Vanġelu jgħid li ma riduhx jgħajjat.  Huma ma riduhx imma hu beda jgħajjat aktar.  Għaliex?  Għax kellu l-fidi f’Ġesù!  L-Ispirtu s-Santu kien nissillu l-fidi f’qalbu.  U huma qalu: Le, ma tistax tagħmel hekk!  Ma tgħajjatx lill-Mulej għax il-protokol ma jippermettihulekx.  Dan hu t-Tieni Persuna tat-Trinità!  Ara x’int tagħmel!  Mhux hekk kienu qieshom qed jgħidulu? U aħsbu fl-attitudni ta’ bosta Nsara:  Aħsbu fl-Insara t-tajbin, ta’ rieda tajba.  Naħsbu fis-segretarju ta’ xi parroċċa...bonġu, il-lejla t-tajba.. aħna t-tnejn - għarus u għarusa - irridu niżżewġu!  U minflok jgħidilhom kemm hi ħaġa sabiħa jisimgħu: Għandkom ċertifikat tal-Magħmudija .. mela tajjeb!  U b’hekk isibu bieb magħluq.... meta dan in-Nisrani u din in-Nisranija għandhom il-ħila jiftħu bieb u jirringrazzjaw lil Alla għal żwieġ ġdid.

Ħafna drabi aħna nikkontrollaw il-fidi minflok niffaċilitawha fin-nies.  U dejjem tibqa’ t-tentazzjoni, kompla l-Papa, li nippruvaw nieħdu pusses ta’ Alla li nidħlu minfloku!

U żied storja oħra: Aħsbu dwar mara mhux miżżewġa li tmur il-knisja, fil-parroċċa, u tgħid: Nixtieq ngħammed lit-tarbija tiegħi.  U dan-Nisrani....dan-Nisrani jwieġeb: Le, għax mintix miżżewġa!

Araw ftit: din it-tfajla li kellha l-kuraġġ iżżomm it-tqala u ma tibgħatx lil binha għand il-Ħallieq!  Xinhu dan?  Bieb magħluq.  Dn mhux żelu, hu mbiegħed minn Alla!  Ma jiftaħx bibien.

Allura meta nkunu f’dit-triq, meta jkollna din l-attitudni, ma nkunux qed nagħmlu ġid lill-poplu, lill-Poplu t’Alla.  Ġesù waqqaf seba’ sagramenti u bl-attitudni tagħna aħna nkunu qed noħolqu t-tmien wieħed: is-sagrament tad-dwana pastorali!

Ġesù jagħdab meta jara dawn l-affarijiet – qal il-Papa – għax dawk li jbatu huma l-poplu fidil tiegħu, il-poplu li hu l-aktar li jħobb.
Illum naħsbu f’Ġesù li dejjem iridna aktar qrib tiegħu, naħsbu dwar il-Poplu Qaddis t’Alla, poplu sempliċi, li jrid joqrob lejn Ġesù u naħsbu dwar tant Insara li jiżbaljaw u minflok jiftħu l-bieb tar-rieda tajba, jagħlquh.

Għalhekk nitolbu lill-Mulej biex dawk kollha li jersqu lejn il-Knisja jsibu l-bibien miftuħin, isibu l-bibien miftuħin biex jiltaqgħu ma’ din l-imħabba ta’ Ġesù.  Nitolbu din il-grazzja.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.