Kristu miet għal kull bniedem

Is-Sibt, 23 ta’ Marzu 2013

 

Anke dalgħodu, is-Sibt 23 ta’ Marzu, il-Papa Francesco stieden għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ta’ filgħodu fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae diversi tipi ta’ ħaddiema tal-Belt tal-Vatikan. Hekk kienu preżenti grupp ieħor ta’ ġardinara u dawk li jieħdu ħsieb it-tindif tal-Governat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan li ma setgħux jattendu flimkien ma’ sħabhom tax-xogħol għall-quddiesa tal-Papa fil-għodwa tal-Ġimgħa li dwarha għidnielkom fil-ħarġa tal-bieraħ. Flimkien magħhom kien hemm ukoll diversi dipendenti tas-serra u madwar ħmistax-il soru tas-sorijiet Pie Discepoli del Divin Maestro li wettqu servizz fiċ-ċentrali telefonika tal-Belt tal-Vatikan.

Fl-omelija il-Qdusija Tiegħu ippropona riflessjoni qasira dwar il-qari liturġiku tal-jum u, b’mod partikulari fuq is-silta tal-vanġelu ta’ Ġwanni (11, 45-56) fejn jinqraw il-kliem tal-qassis il-kbir Kajfa lill-mexxejja tas-saċerdoti u lill-fariżej miġburin fis Sanhedrin u l-kumment tal-evanġelista: “Ġesù kellu jmut għan-nazzjon, u mhux għan-nazzjon biss, imma biex jerġà jgħaqqad flimkien lill-ulied Alla li kienu mferrxin.” Ġesù miet għall-poplu tiegħu u miet għal kulħadd. Imma dan - innota l-Papa - m’għandux jiftiehem fis-sens tal-globalità: jiġifieri li Ġesù miet għal kull bniedem singolarment. Kull nisrani mela għandu jgħid: “Kristu miet għalija.”

Din hija l-espressjoni massima tal-imħabba ta’ Ġesù għal kull bniedem. U minn dan l-għarfien ta’ din l-imħabba - saħaq il-Papa Francesco - għandha titwieled grazzja. Grazzja hekk profonda u appassjonata li tistà anke tasal biex anke tinbdel fi dmugħ ta’ ferħ fuq il-wiċċ ta’ kull fidil.

 

Miġjub għall-Malti mt-Taljan minn Emanuel Zarb.