Il-Knisja mhix baby-sitter

L-Erbgħa, 17 ta’ April 2013

 

Il-Knisja m’għandhiex tkun bħal “babysitter li tieħu ħsieb it-tarbija biex traqqadha.” Li kieku kien hekk kienet tkun “Knisja li ttaffi.” Min sar jaf lil Ġesù għandu l-qawwa u l-kuraġġ li jxandru. Bl-istess mod, min irċieva l-Magħmudija gl-qawwa li jimxi, li javanza, li jevanġelizza. U “meta nagħmlu dan il-Knisja ssir omm li tiġġenera wlied” kapaċi li jġibu lil Kristu fid-dinja. Din hija fil-qosor ir-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku dagħodu, l-Erbgħa 17 ta’ April, waqt iċ-celebrazzjoni tal-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, li għaliha assistew bosta dipendenti tal-Istitut għall-Opri tar-Reliġjon. Fost il-konċelebranti il-monsinjuri Vincenzo Pisanello, isqof ta’ Oria, u Giacinto Boulos Marcuzzo, vigarju tal-Patriarka ta’ Ġerusalem tal-Latini għall-Iżrael.

Waqt l-omelija l-Papa - waqt li kkummenta l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli (8, 1-8) —fakkar li wara l-martirju ta’ Stiefnu, faqqgħet persekuzzjoni vjolenta kontra l-Knisja ta’ Ġerusalem. Qrajna fil-ktieb tal-Atti kienet kollha trankwilla, kollha fil-paċi, il-karità bejniethom, ir-romol ikkurati. Imma mbagħad faqqgħet il-persekuzzjoni. Dan huwa ftit jew wisq l-istil tal-ħajja tal-Knisja: bejn il-paċi tal-karità u l-persekuzzjoni.” U dan iseħħ għaliex din, spjega, kienet il-ħajja ta’ Ġesù. Wara l-persekuzzjoni, kompla l-Papa, ilkoll ħarbu minbarra l-appostli. L-insara għall-kuntrarju “Telqu. Weħedhom. Mingħajr saċerdoti. Mingħajr isqfijiet: weħedhom. L-isqfijiet, l-appostli, kienu Ġerusalem biex joffru ftit ta’ reżistenza lil din il-persekuzzjoni.” Madankollu dawk li kienu ħarbu, marru minn post għal ieħor ixandru l-Kelma.” Propju fuq dawn il-Papa ried jiffoka l-attenzjoni tal-parteċipanti. Huma “ħallew djarhom, ħadu magħhom ftit li xejn; ma kellhomx sikurezza, imma marru minn post għal ieħor ixandru l-Kelma. Ġarrew magħhom l-unika rikkezza li kellhom; il-fidi. Dik ir-rikkezza li l-Mulej kien tahom. Kienu fidili sempliċi, għadhom kemm mgħammda xi sena jew ftit iktar, forsi. Imma kellhom il-kuraġġ li jmorru jxandru. U twemmnu! U wkoll għamlu l-mirakli! ‘Bosta ndemonjati keċċew spirti mpuri, li wrżqu bil-kbir u bosta paralitiċi u zopop ġew imfejqa’.” U fl-aħħar “’kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt!’ Kien mar ukoll Filippu. Dawn l-insara - insara ilhom ftit - kellhom il-qawwa, il-kuraġġ li jxandru lil Ġesù. Xandruh bil-kliem, imma wkoll b’ħajjithom. Qanqlu kurżità: ‘imma... min huma dawn?’ U huma qalulhom: ‘Sirna nafu lil Ġesù, sibna lil Ġesù, u issa nġorruh.’ Kellhom biss il-qawwa tal-Magħmudija. U l-Magħmudija tathom dan il-kuraġġ apostoliku, il-qawwa tal-Ispirtu.”

Ir-riflessjoni tal-Papa mbagħad spustat ruħha fuq il-bniedem tal-lum: “Jien naħseb fina, mgħammdin, jekk għandniex din il-qawwa. U naħseb:’Imma aħna nemmnu f’dan? Li l-Magħmudija hija biżżejjed biex nevanġelizzaw Jew nittamaw li s-saċerdot jgħid, li l-isqof jgħid.... U aħna?’” Bosta drabi, innota l-Papa, il-grazzja tal-Magħmudija titħalla ftit fil-ġemb u aħna ningħalqu fi ħsibijietna, fi ħwejjiġna. “Kultant naħsbu: ‘Le, aħna nsara: irċivejna l-Magħmudija, għamilna l-Griżma, l-ewwel tqarbina... u hekk il-karta tal-identità hija f’postha. U issa, norqdu trankwilli: aħna nsara.’ Imma fejn hi din il-qawwa tal-Ispirtu li timbuttak ‘l quddiem?” staqsa l-Papa. Aħna fidili gl-Ispirtu biex inxandru lil Ġesù b’ħajjitna, bix-xhieda tagħna u bi kliemna? Meta nagħmlu dan, il-Knisja ssir Knisja Omm li tiġgenera wlied” ulied il-Knisja li jixhdu lil Ġesù u l-qawwa tal-Ispirtu. “Imma - kienet it-twissija tal-Papa - meta dan ma nagħmluhx, il-Knisja ssir mhux omma, imma Knisja baby sitter, li tieħu ħsieb it-tarbija biex traqqadha. Hija Knisja li ttaffi. Naħsbu dwar il-Magħmudija tagħna, għar-responsabbiltà tal-Magħmudija tagħna.”

U bies isaħħaħ il-konċett espress il-Papa Franġisku fakkar episodju li seħħ fil-Ġappun tul l-ewwel deċenni tal-elf u sitt mija, meta l-missjunarji kattoliċi kienu mkeċcija mill-Pajjiż u l-komunitajiet baqgħu għal kważi żewġ sekli mingħajr saċerdoti. Mingħajr. Imbagħad meta reġgħu lura l-missjunarji sabu komunità ħajja li fiha kollha kienu mgħammda, mgħallma, miżzewġa fil-knisja! U saħansitra dawk li kienu mietu kienu rċivew difna nisranija. “Imma - kompla l-Papa - ma kienx hemm saċerdot! Min kien għamel dan? L-Imgħammdin!” Hemm hi l-kbira responsabbiltà tal-imgħammdin. “Inxandru lill-Knisja, inmexxu l-Knisja ‘l quddiem, din il-maternit! Fekonda tal-Knisja, Li tkun nisrani mhux li tagħmel karriera fi studju biex issir avukat jew tabib nisrani; le. Li tkun nisrani huwa don li jmexxina ‘l quddiem bil-qawwa tal-Ispirtu fix-xandir ta’ Ġesù Kristu.” Fl-aħhar il-Papa dawwar ħsiebu fuq il-Madonna li dejjem akkumpanjat lill-insara permezz tat-talb meta kienu ppersegwitati jew imferrxa. “Kienet titlob tant. Imma kienet ukoll tħeġġiġhom: ‘Morru, agħmlu....!’”

“Nitolbu lill-Mulej - temm - il-grazzja li nsiru mgħammdin kuraġġużi u sikuri li l-Ispirtu li għandna fina, irċevut fil-Magħmudija, jimbuttana dejjem biex inxandru lil Ġesù Kristu b’ħajjitna, bix-xhieda tagħna u wkoll bi kliemna.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.