Għażiż ħija,

Għeżież ħuti fi Kristu,

Jiena hieni b’mod partikulari li nilqagħkom b’merħba tassew minn qalbi fil-Knisja ta’ Ruma li qegħeda tagħmel il-festa tal-qaddisin patruni tagħha Pietru u Pawlu.  Il-preżenza tagħkom f’din iċ-ċirkustanza hija s-sinjal tar-rabta profonda li tgħaqqad, fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba, il-Knijsa ta’ Kostantinopli u dik ta’ Ruma.  L-użanza sabiħa ta’ bdil ta’ delegazzjonijiet bejn il-Knejjes tagħna għall-festi rispettivi tal-patruni tagħna, mibdija fl-1969, hija għalija motiv ta’ ferħ kbir:  il-laqgħa fraterna hija parti essenzjali mill-mixja lejn l-unita’.  Nixtieq nesprimi il-gratitudni tiegħi minn qalbi lill-Qdusija Tiegħu Bartolomeo I u lis-Sinodu Qaddis tal-Patrijarkat ekumeniku li riedu dis-sena wkoll jibgħatu Rappreżentanti għolja.  Tal-Qdusija Tiegħu Bartolomeo I niftakar bi mħabba fraterna il-ġest ukoll ta’ attenzjoni fina fil-konfront tiegħi, meta ried jonorani bil-preżenza tiegħu fiċ-Ċelebrazzjoni ta’ meta bdejt il-ministeru tiegħi ta’ Isqof ta’ Ruma.  Jien inħossni ħafna grat ukoll lill-Eminenza Tiegħek, għas-sehem Tiegħek f’dik iċ-ċirkustanza u nifraħ li qed nerġa narak f’din iċ-ċirkustanza.

It-tfittix tal-unita’ bejn l-insara hija urġenti – Inti għidt “it is not a luxury, but an imperative”  [mhix xi ħaġa ta’ lussu imma hija kmand] – hija urġenza li llum aktar minn qatt qabel ma nistgħux naħarbu minnha.  Fid-dinja tagħna, bil-ġuħ u bil-għatx tas-sewwa, ta’ imħabba, tat-tama, ta’ paċi u ta’ unita’, huwa importanti għall-istess xhieda tagħna, li fl-aħħar nistgħu inħabbru b’leħen wieħed l-aħbar ta’ ferħ tal-Evanġelju u niċċelebraw flimkien il-Misteri Divini tal-ħajja ġdida fi Kristu! Aħna nafu tajjeb li l-unita’ hija fl-ewwel post don ta’ Alla li għalih irridu nitolbu bla ma naqtgħu; imma aħna lkoll għandna d-dmir li nħejju l-kundizzjonijiet, li nikkultivaw l-art ta’ qlubna sabiex din il-grazzja straordinarja tiġi milqugħa.

Sehem fundamentali fit-tfittxija tal-komunjoni sħiħa bejn kattoliċi u ortodossi hija mogħtija mill-Kummissjoni internazzjonali  ta’ flimkien għad-djalogu teoloġiku, li għandha bħala ż-żewġ presidenti l-Eminenza Tiegħek, Metropolita Ioannis u l-Venerabbli Ħuna l-Kardinal Kurt Koch.  Inroddilkom ħajr minn qalbi tal-impenn li jiswa ħafna li twettqu bla ma tgħejjew.  Din il-Kummissjoni ġa pproduċiet ħafna testi komuni u issa qed tistudja t-tema delikat tar-relazzjoni teoloġika u ekklesjoloġika bejn primat u sinodalita’ fil-ħajja tal-Knisja.  Huwa ta’ tifsira li llum nistgħu nirriflettu flimkien, fil-verita u fil-karita, fuq dawn it-tematiċi fil-waqt li nibdew minn dak li jgħaqqadna, mingħajr iżda ma naħbu dak li għadu jifridna.  Dan mhux sempliċement xi eżerċizzju teoriku, imma ta’ għarfien profond tat-tradizzjonijiet ta’ xulxin biex nifhmuhom u, imbagħad, biex nitgħallmu minnhom.  Qed nirreferi, per eżempju, għar-riflessjoni tal-Knisja kattolika fuq is-sens tal-kolleġġjalita’ episkopali, u għat-tradizzjoni tas-sinodalita’, li hija daqshekk tipika tal-Knejjes ortodossi.  Jien għandi fiduċja li l-isforz tar-riflessjoni komuni, daqshekk komplessa u titlob xogħol, tagħti frott fi żmienha.  Huwa ta’ faraġ inkun naf li kattoliċi u ortodossi jaqsmu flimkien l-istess idea ta’ djalogu li ma jfittixx dak li huwa teoloġikament l-inqas li fuqu nistgħu naslu għal kompromess, imma huwa mibni aktar fuq li nsiru nafu ħafna aktar fil-font il-verita’ waħdanija li Kristu rregala lill-Knisja tiegħu u li ma nieqfu qatt nifhmuha aħjar imqanqlin lill-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk, ma għandux ikollna biżgħa tal-laqgħa tal-veru djalogu.  Huwa ma jbegħedniex mill-verita’; imma aktar, permezz ta’ bdil tad-doni, imexxina, taħt il-gwida tal-Ispirtu tas-sewwa, lejn is-sewwa kollu (ara Ġw 16,13).

Venerabbli Ħuti, inroddilkom ħajr għal darb’oħra għax tinsabu hawn għall-okkażżjoni tal-festa tal-qaddisin Pietru u Pawlu.  Insejħu bil-fiduċja l-interċessjoni tagħhom u dik tal-qaddis appostlu Andrija, ħu Pietru, għall-fidili tagħna u għall-ħtiġijiet tad-dinja kollha, fuq kollox tal-fqar, ta’ dawk li qed isofru u dawk li inġustament huma ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom.  Nitlobkom fl-aħħarnett titolbu għalija u għidu lil oħrajn jitlobu għalija, għandi bżonn  ħafna tat-talb, sabiex il-Mulej jgħinni fil-ministeru tiegħi ta’ Isqof ta’ Ruma u Suċċessur ta’ Pietru.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap