Kant tal-Exultet bil-Latin ...

L-Exultet: Il-ġawhra liturġika tas-Sahra tal-Għid. Kitba ta' Patri Mario Attard ...

 

 

 

 

 

L-EXULTET: IT-TĦABBIRA SOLENNI TAL-GĦID

Jifirħu l-qtajja tal-Anġli fis-sema!

Jifirħu l-qaddejja ta’ Alla!

Ħa ddoqq it-tromba fis-salvazzjoni tagħna

u tħabbar ir-rebħa ta’ Sultan hekk kbir!

 

Tifraħ ukoll l-art mimlija b’dawn id-dwal tal-għaġeb,

u, fid-dija tas-Sultan ta’ dejjem,

ħa jagħraf il-ħolqien kollu

li hu ħeles mid-dlamijiet li ħakmuh!

 

Tifraħ ukoll Ommna l-Knisja mqaddsa,

kollha mżejna bid-dija ta’ dawl

hekk sabiħ; u ħa jidwu l-ħitan ta’ dan it-tempju

bl-agħjat ta’ ferħ tal-poplu miġbur fih!

 

Jekk ikun qed ikanta Djaknu.

(U intom ħuti għeżież,

li nġbartu hawn fid-dija tal-għaġeb

ta’ din il-mixgħela qaddisa,

nitlobkom biex b’leħen wieħed

insejħu fuqna l-ħniena ta’ Alla li jista’ kollox.

 

U bħalma hu, lili, bla ma jistħoqqli,

għoġbu jilqani fl-ordni tad-Djakni,

hekk ukoll issa jimlieni bid-dawl tiegħu,

ħa ntemm sal-aħħar it-tifħir ta’ dan il-blandun.)

 

Il-Mulej magħkom.

U miegħek ukoll.

Nerfgħu qlubna ’l fuq.

Nerfgħuhom lejn il-Mulej.

Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna.

Hekk sewwa u xieraq.

 

Sewwa u xieraq tassew li,

b’qalbna u b’ruħna kollha, nerfgħu leħinna

biex infaħħru ’l Alla li ma jidhirx,

il-Missier li jista’ kollox,

u lil Sidna Ġesù Kristu, Ibnu l-waħdieni.

 

Hu ħallas għalina lill-Missier Etern

id-dejn li kien għamel Adam,

u bid-demm għażiż tiegħu,

li xerred għalina ħassar il-kitba

tal-kundanna li ħadna fil-bidu.

 

Araw, qegħdin nagħmlu l-festa tal-Għid,

meta nqatel dak il-Ħaruf veru li demmu

jikkonsagra l-bibien tal-fidili.

 

Dan huwa l-lejl li fih;

żmien ilu, Int ħriġt lil missirijietna, ulied Iżrael,

mill-Eġittu u għaddejthom fl-inxief mill-Baħar tal-Qasab.

 

Dan, mela, huwa l-lejl

li fih tkeċċew id-dlamijiet ta’ dnubietna

permezz tal-kolonna tan-nar.

 

Dan huwa l-lejl li fih, fid-dinja kollha,

min jemmen fi Kristu jqaċċat kull rabta ħażina,

jeħles mid-dalma ta’ dnubietu,

jikseb il-grazzja u jissieħeb mal-qaddisin.

 

Dan huwa l-lejl li fih Kristu

qered il-jasar tal-mewt

u qam rebbieħ fuq is-setgħat tal-ħażen.

Xi ħniena tal-għaġeb għoġbok turi magħna!

Xi mħabba u għożża liema bħalha,

biex tajt lil Ibnek stess għall-mewt

ħalli tifdi lil min kien ilsir!

 

Kemm tassew ma setax jinħarab id-dnub ta’ Adam,

biex tħassar bil-mewt ta’ Kristu!

Xi ħtija hienja kienet,

ladarba stħaqqilha Feddej kbir bħal dan!

 

Jalla mela, bil-misteru ta’ dan il-lejl qaddis,

jinqered il-ħażen, titnaddaf kull ħtija,

jissaffa kulmin waqa’ fid-dnub,

u jimtela bil-ferħ kulmin hu mnikket.

 

X’lejl tabilħaqq hieni,

meta l-ħwejjeġ tas-sema jingħaqdu ma’ tal-art,

dak li hu ta’ Alla ma’ dak li hu tal-bniedem!

 

B’radd ta’ ħajr għall-grazzja ta’ dan il-lejl,

ilqa’ mela, Missier qaddis,

l-offerta solenni ta’ dan il-blandun,

magħmul mix-xema’ tan-naħal;

din l-offerta qed tagħmilhielek il-Knisja mqaddsa,

permezz tal-ministri tagħha,

bħala sagrifiċċju ta’ tifħir ta’ filgħaxija.

 

Għalhekk, Mulej, nitolbok,

biex dan il-blandun, ikkonsagrat f’ġieħ ismek,

jibqa’ jeqred sa l-aħħar bla heda

id-dlamijiet ta’ dan il-lejl.

Int ilqgħu, bħala fwieħa ħelwa quddiemek,

ħa jsir ħaġa waħda mad-dawl tas-sema.

 

Jalla l-kewba ta’ filgħodu x’ħin jisbaħ,

issibu għadu jaqbad,

dik il-kewba li qatt ma’ tgħib,

jiġifieri, Kristu Ibnek

li meta qam mill-imwiet,

xerred id-dawl u s-sliem

fuq il-bnedmin kollha,

u issa jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.

 

Ammen.