Laikos

 

Ara l-Eżortazzjoni Appostolika Evanġelii Gaudium ...

Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku

Evanġelii Gaudium - Il-Ferħ tal-Evanġelju

 Sintesi tal-Eżortazzjoni Appostolika mis-Servizzi tal-Informazzjoni tal-Vatikan

Il-ferħ tal-Evanġelju jimla' l-qlub u l-ħajja ta' dawk kollha li jiltaqgħu ma' Ġesù.  Hekk tibda' l-Eżortazzjoni Appostolika “Evangelii Gaudium” li fiha l-Papa Franġisku jiżviluppa t-tema tat-tħabbir tal-Evanġelju fid-dinja kontemporanja.  L-eżortazzjoni hi mnissla mill-kontribuzzjoni mogħtija mis-Sinodu li sar fil-Vatikan bejn is-7 u t-28 ta' Ottubru 2012 bit-tema: L-Evanġeliżżazzjoni l-Ġdida għat-trażmissjoni tal-Fidi.

Dan it-test, li l-Papa tah lill-grupp ta' sitta w tletin fidili fi tmiem il-quddiesa li biha għalqet is-Sena tal-Fidi fl-24 ta' Novembru, huwa l-ewwel dokument uffiċjali tal-pontifikat tiegħu minħabba li l-Enċiklika “Lumen Fidei” kienet miktuba b'kollaborazzjoni mal-predeċessur tiegħu, il-Papa Benedittu XVI.

Nixtieq ninkoraġġixxi lill-fidili Nsara biex jibdew kapitlu ġdid ta' evanġeliżżazzjoni mmarkat b'dan il-ferħ, u fl-istess waqt nindika toroq ġodda għall-Knisja għas-snin li ġejjin, jikteb il-Papa.

Huwa appell mill-qalb lil kull min hu mgħammed biex iwassal l-imħabba ta' Kristu lill-oħrajn b'ħidma missjunarja permanenti biex ikun megħlub il-periklu kbir tad-dinja tallum, il-periklu tad-deżolazzjoni u d-djieqa ta' qalb individwalista.

Il-Papa jistieden lilll-qarrej biex jiskopri mill-ġdid il-freskezza oriġinali tal-Evanġelju billi jsib toroq ġodda u kreattivi mingħajr ma jagħlaq lil Ġesù f'kategoriji mċajpra.  Hemm ħtieġa ta' konverżjoni pastorali u missjunarja li ma tistax tħalli l-affarijiet kif inhuma u hemm bżonn ta' tiġdid tal-istrutturi ekkleżjali biex dawn isiru aktar orjentati lejn il-missjoni.

Il-Papa jikkonsidra wkoll il-konverżjoni tal-papat biex dan il-ministeru jkun aktar fidil lejn it-tifsira li xtaq itih Ġesù Kristu u biex jilħaq il-ħtiġijiet tal-evanġeliżżazzjoni tal-preżent.  Għada ma twettqitx għal kollox il-ħolma li l-Konferenzi Episkopali jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom biex ikun hemm spirtu kolleġġjali konkret.  Hemm bżonn ta' deċentraliżżazzjoni solida.

F'dan it-tiġdid, il-Knisja ma tridx tibża' teżamina mill-ġdid ċerti drawwiet li mhumiex marbutin direttament mal-ispirtu tal-Evanġelju, anki jekk uħud minn dawn għandhom għeruq storiċi fondi.

Sinjal ta' kemm Alla hu miftuħ hu, li l-bibien tal-knejjes tagħna għandhom ikunu dejjem miftuħin biex dawk li jfittxu 'l Alla ma jsibuhomx magħluqin u lanqas il-bibien tas-sagramenti m'għandhom ikunu magħluqin għal xi raġuni sempliċi.  L-Ewkaristija mhix premju għal min hu perfett imma mediċina qawwija u nutriment għad-dgħajjef.

Dawn il-konvinzjonijiet għandhom il-konsegwenzi pastorali li aħna għandna nixtarru bil-prudenza u l-kuraġġ.  Il-Papa jirrepeti li jippreferi Knisja migrufa, muġugħa u maħmuġa għax tkun ħarġet fit-triq aktar milli Knisja  moħħa biex tkun fiċ-ċentru u tispiċċa tinqabad fix-xibka tal-ossessjonijiet u l-proċeduri.

Jekk hemm xi ħaġa li għandha tħassibna verament hu l-fatt li ħafna minn ħutna qed jgħixu mingħajr il-ħbiberija ma' Ġesù Kristu.

Il-Papa jindika t-tentazzjonijiet li jħallu effett fuq il-ħaddiema pastorali: l-individwaliżmu, il-kriżi ta' identità u fervur li jibred.  L-akbar theddida fost kollox hija l-pragmatiżmu griż tal-ħajja ta' kuljum tal-Knisja, li bih jidher li kollox miexi normali, u fir-realtà jfisser li l-fidi qed tnin.  Il-Papa jwissi kontra "d-disfattiżmu" u jħeġġeġ lill-Insara biex ikunu sinjali ta' tama biex iwettqu "rivoluzzjoni tat-tenerezza".  Hu meħtieġ li nitħarsu mill-ispiritwalità komda... maqtugħin mir-responsabbiltà lejn ħutna, u negħlbu "l-ispiritwalità mondana" li biha minflok infittxu l-glorja tal-Mulej infittxu l-glorja u l-kumdità umani.

Il-Papa jitkellem dwar dawk li jħossuhom superjuri għall-oħrajn għax jibqgħu fidili b'mod intransigenti lejn stil Kattoliku partikolari tal-passat li bih, minflok jevanġeliżża, dak li jkun, joqgħod janaliżża u jikklassifika lill-oħrajn.  Jitkellem ukoll dwar dawk li huma preokkupati b'mod viżibbli bil-liturġija, bid-duttrina u bil-prestiġju tal-Knisja bla ma jippreokkupaw ruħhom  mill-fatt li l-Evanġelju għandu impatt ġenwin fuq il-ħtiġijiet tan-nies.  Din hi korruzzjoni tremenda moħbija fil-maskra tat-tjubija...... Alla eħlisna minn Knisja mondana maqbuda fin-nassa tas-superfiċjalità spiritwali u pastorali, jikteb il-Qdusija Tiegħu.

Il-Papa jagħmel appell lill-komunitajiet ekkleżjali biex ma jaqgħux vittmi tal-għira u tal-ġelożija: kemm gwerrer jinqalgħu fi ħdan il-poplu t'Alla fil-komunitajiet differenti tagħna!  Lil min se nevanġeliżżaw jekk inġibu ruħna hekk, jistaqsi l-Papa?

Franġisku jiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li tingħata aktar importanza lir-responsabbiltajiet tal-lajċi li spiss jinqatgħu barra fit-teħid tad-deċiżjonijiet minħabba klerikaliżmu eċċessiv.  U jżid jgħid li hemm ħtieġa li jikbru aktar l-opportunitajiet biex il-preżenza femminili fil-Knisja tkun aktar inċiżiva, partikolarment fid-diversi oqsma fejn jittieħdu deċiżjonijiet importanti.  Jeżiġi wkoll li d-drittijiet leġittimi tan-nisa jkunu rispettati... u mhux ikunu skartati ħafif ħafif.

Iż-żgħar għandhom iħaddmu aktar is-sens ta' tmexxija (leadership).  Dwar in-nuqqas ta' vokazzjonijiet f'ħafna nħawi, Franġisku jenfasiżża li s-seminarji m'għandhomx jaċċettaw kandidati fuq il-bażi ta' kwalunkwe motivazzjoni.

Dwar it-tema tal-inkuturazzjoni, jirrimarka li "l-Kristjanità m'għandiex sempliċiment espressjoni kulturali waħda" u l-wiċċ tal-Knisja hu varjat.  Ma nistgħux nippretendu li l-popli ta' kull kontinent, fl-istqarrija tal-fidi Nisranija tagħhom, jimitaw il-mod ta' espressjoni li żviluppaw in-nazzjonijiet Ewropej f'mument partikolari tal-istorja tagħhom.

Il-Papa jtenni li "l-pjetà popolari li hemm fil-kulturi differenti... hija forza evanġeliżżatriċi attiva u jinkoraġġixxi r-riċerka tat-teoloġi filwaqt li jfakkarhom li, madnakollu, l-Knisja u t-teoloġija jeżistu biex jevanġeliżżaw.  Għalhekk iħeġġiġhom biex ma jikkuntentawx ruħhom "bit-teoloġija tal-iskrivanija."

Il-Papa jiffoka fid-dettall fuq l-omelija minħabba li kienu ħafna l-preokkupazzjonijiet mistqarra dwar dan il-ministeru importanti, tant, li "ma nistgħux sempliċiment ma nagħtux kashom".  L-omelija għandha tkun qasira u wieħed irid jevita li tieħu forma ta' diskors jew "lecture".  Għandha tkun komunikazzjoni mill-qalb għall-qalb u tevita li tkun prietka  purament moralistika jew dottrinali.

Il-Qdusija Tiegħu jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tat-tħejjija: il-predikatur li ma jippreparax mhuwiex "spiritwali", hu diżonest u irresponsabbli.  Il-predikazzjoni għandha tkun dejjem pożittiva biex toffri dejjem it-tama u ma tħalliniex maqbudin fin-negattività.  L-approċċ għat-tħabbir tal-Evanġelju għandu jkollu karatteristiċi pożittivi: tkun tista' toqrob lejh, ikun miftuħ għad-djalogu, paċenzjuż, ħerqan u mneżża' mill-ġudizzju.

Dwar l-isfidi tad-dinja kontemporanja l-Papa jikkundanna s-sistema ekonomika preżenti u jgħid li hi inġusta minn għeruqha.  Din l-ekonomija toqtol għax iddominata mir-regola li min jiflaħ iħawwel.  Il-kultura li hawn madwarna ta' "uża u armi" welldet xi ħaġa ġdida: l-eskluż mhux dak li hu sfruttat imma hu l-imwarrab u l-fdal żejjed.  B'hekk titwieled tirannija ġdida, inviżibbli u spiss virtwali, tal-awtonomija tas-suq li fiha jirrenjaw l-ispekulazzjoni finanzjarja, il-korruzzjoni mifruxa u l-evażjoni tat-taxxa.

Il-Papa jikkundanna wkoll l-attakki fuq il-libertà reliġjuża u l-persekuzzjonijiet ġodda mmirati lejn l-Insara.  F'ħafna postijiet il-problema hija aktarx il-firxa tal-indifferenza u r-relattiviżmu.

Il-familja, jkompli l-Papa, għaddejja minn kriżi kulturali profonda.  Franġisku jtenni li ż-żwieġ hu kontribuzzjoni indispenssabli lis-soċjetà u jisħaq li l-individwaliżmu tal-era post-moderna u globaliżżata qed jiffavorixxi stil ta' ħajja.. li jkisser ir-rabta tal-familja.

Mill-ġdid il-Papa jagħmel enfasi fuq ir-rabta bejn l-evanġeliżżazzjoni u l-avvanz tal-bniedem u d-dritt tar-rgħajja li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar dak kollu li jeffettwa l-ħajja tal-bniedem.  Ħadd m'għandu jedd jeżiġi li r-reliġjon tkun relegata fis-satra tal-ħajja interna personali, mingħajr id-dritt li toffri opinjoni dwar avvenimenti li jeffettwaw lis-soċjetà.

Franġisku jikkowta lill-Papa Ġwanni Pawlu II li qal li "l-Knisja ma tistax u m'għandhiex tibqa' siekta jew fil-ġenb fil-ġlieda għall-ġustizzja.  Għall-Knisja, l-għażla favur il-foqra hija primarjament kategorija teoloġika aktar milli soċjoloġika.  Hu għalhekk, iżid Franġisku, li jien irrid Knisja li tkun fqira u għall-foqra.  Għandhom ħafna x'jgħallmuna.  Sakemm il-problemi tal-foqra ma jkunux solvuti radikalment mhix se tinstab soluzzjoni għall-problemi tad-dinja.

Minkejja li l-politika ta' spiss hija mmaqdra, jafferma l-Papa, din xorta tibqa' vokazzjoni għolja u waħda mill-akbar forom ta' karità.  Nitlob lill-Mulej li jtina aktar politiċi li jkunu ġenwinament ippreokkupati dwar il-ħajja tal-foqra!  Franġisku jżid twissija: Kull komunità tal-Knisja, hi liema hi, li temmen li tista' tinsa lill-foqra, tirriskja li titfarrak.

Il-Papa jħeġġeġ il-kura tal-membri l-aktar dagħjfin tas-soċjetà: dawk bla dar, ivvizzjati, ir-refuġjati, il-popli indiġeni, l-anzjani li l-iżolament u l-abbandun tagħhom qed jiżdied u l-migranti li l-Papa jitlob bil-ħerqa li jkunu milqugħin bil-ġenerożità.

Il-Qdusija Tiegħu jitkellem ukoll dwar il-vittmi tat-traffikar uman u l-forom ġodda ta' skjavitù: din ix-xibka infami ta' kriminalità għandha l-għeruq fl-ibliet tagħna u ħafna huma ħatja tad-demm, riżultat tal-kompliċità komda u siekta.

Dawk in-nisa li jkollhom isofru sitwazzjonijiet ta' esklużjoni, trattament ħażin u vjolenza huma foqra doppjament.  Fost l-aktar vulnerabbli li l-Knisja tixtieq tħares b'imħabba partikolari u attenzjoni lejhom hemm it-trabi mhux imwielda, l-aktar bnedmin fostna li m'għandhomx difiża u huma innoċenti.  Illum il-ġurnata qed isiru sforzi biex dawn tiċċaħdilhom id-dinjità umana. Ħadd m'għandu jistenna li l-Knisja tibdel il-pożizzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni.  Mhux progress li tipprova ssolvi problema billi telimina l-ħajja umana.  Il-Papa jagħmel appell biex ikun rispettat il-ħolqien kollu: aħna msejħin biex nindukraw u nipproteġu din id-dinja fraġli li qed  ngħixu fiha.

Dwar it-tema tal-paċi l-Papa jafferma li jeħtieġ li jinstama' leħen profetiku kontra l-attentati ta' rikonċiljazzjoni falza mmirata biex issikket jew tikkalma lill-foqra filwaqt li l-oħrajn jirrifjutaw li jċedu l-privileġġi.  Biex tinbena soċjetà fil-paċi, ġusta u fraterna, l-Papa jindika erba' prinċipji:  "Iż-żmien hu akbar mill-ispazju" li jfisser ħidma solida pass wara pass mingħajr ossessjoni ta' riżultati immedjati.

"L-għaqda tiżboq il-kunflitt" tfisser għada fid-diversità li tagħti l-ħajja. 

"Ir-realtajiet huma aktar importanti mill-ideat" tfisser li jkun evitat li l-politika jew il-fidi nirriduċuhom f'retorika. 

"Il-ħaġa sħiħa hija akbar mill-biċċa" li jfisser li ngħaqqdu flimkien "il-globaliżżazzjoni u l-lokaliżżazzjoni".

L-evanġeliżżazzjoni tinkludi wkoll it-triq tad-djalogu, jkompli l-Papa.  B'dan il-Knisja tinfetaħ għall-kollaborazzjoni mal-isferi politiċi, soċjali, reliġjużi u kulturali kollha.

L-ekumeniżmu huwa triq indispensabbli għall-evanġeliżżazzjoni.  L-arrikkiment reċiproku huwa importanti: nistgħu nitgħallmu tant minn xulxin, per eżempju bid-djalogu ma' ħutna l-Ortodossi, aħna l-Kattoliċi għandna l-opportunità li nitgħallmu aktar dwar it-tifsira tal-kolleġġjalità episkopali u l-esperjenza sinodali tagħhom.

Id-djalogu u l-ħbiberija ma' ulied Iżreal jiffurmaw parti mill-ħajja tad-dixxipli ta' Ġesù; dan għandu jitmexxa b'mod ċar u hieni bl-identità speċifika u huwa kundizzjoni neċessarja għall-paċi fid-dinja filwaqt li ma jdellilx l-evanġeliżżazzjoni.

Fi żmienna, ir-relazzjoni tagħna mas-segwaċi tal-Iżlam ħadet importanza kbira: il-Papa umilment jistieden lill-pajjiżi ta' tradizzjoni Iżlamika biex jiggarantixxu l-libertà reliġjuża lill-Insara anki fid-dawl tal-libertà li s-segwaċi tal-Iżlam igawdu fil-pajjiżi tal-punent!  Quddiem l-episodji skonċetanti tal-fundamentaliżmu vjolenti, il-Papa jħeġġeġ biex ikunu evitati ġeneraliżżazzjonijiet mistmerra għax l-Iżlam awtentiku u l-Koran moqri kif suppost huma kontra kull forma ta' vjolenza.

Dwar l-attentat biex f'ċerti kuntesti r-reliġjon tkun relegata għall-privat, il-Papa jafferma li r-rispett lejn il-minoranza anjostika jew mhux kredenti m'għandux ikun impost arbitrarjament b'mod li jsikket il-konvinzjonijiet tal-maġġoranza li temmen, jew jinjora l-għana tat-tradizzjonijiet reliġjużi.  Imbagħad il-Papa jirrepeti dwar kemm huma importanti d-djalogu u l-alleanza bejn min jemmen u min ma jemminx.

L-aħħar kapitlu hu dedikat lil min hu mimli bl-ispirtu tal-evanġeliżżazzjoni, li huma dawk li bla biża' huma miftuħin għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u li għandhom il-kuraġġ ixandru l-freskezza tal-Evanġelju bla biża' f'kull ħin u post anki meta jsibu l-oppożizzjoni.

Dawn huma evanġeliżżaturi li jitolbu u jaħdmu, konxji li l-missjoni hija fl-istess ħin herqa għal Ġesù u ħerqa għall-poplu tiegħu.  Ġesù jridna mmissu l-miżerja umana, immissu l-laħam ta' min qed ibati.

Il-Papa jispjega: meta ninnegozjaw mad-dinja aħna nintalbu nagħtu r-raġunijiet għat-tama tagħna imma mhux bħala għadu li jikkritika u jikkundanna.  Jista' jkun missjunarju biss dak il-bniedem li jħossu hieni li jfittex il-ġid tal-oħrajn, li jixtieq l-hena tagħhom.  Jekk jien nista' ngħin tal-anqas persuna waħda biex ikollha ħajja aħjar, dak diġà jiġġustifika l-fatt li jien noffri ħajti.

Il-Papa jħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna quddiem il-falliment jew quddiem riżultati skarsi, għax in-nuqqas ta' frott spiss mhix ħaġa li tidher, hu elużiv u ma nistgħux nikkwantifikawh.  Irridu nkunu konxji biss li l-impenn tagħna hu neċessarju.

L-eżortazzjoni ttemm b'talba lil Marija Omm l-Evanġeliżżazzjoni.  Hemm stil Marjan għall-ħidma evanġeliżżatriċi tal-Knisja.  Kull meta nħarsu lejn Marija, nerġgħu nemmnu mill-ġdid fin-natura rivoluzzjonarja tal-imħabba u t-tenerezza.

 

Miġjuba għall-Malti minn Joe Huber.