Laikos

 

 

L-EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

EVANGELII NUNTIANDI

 

IL-PAPA PAWLU VI

LILL-ISQFIJIET, LILL-KLERU U LILL-INSARA TAD-DINJA KOLLHA

DWAR L-EVANĠELIZZAZZJONI FID-DINJA TAl-LUM

 

DAĦLA

Dedikazzjoni speċjali għax-xandir tal-Vanġelu

1. Il-ħidma biex jixxandar il-Vanġelu lin-nies ta’ żmienna, qalbhom miftuħa għat-tama, iżda, fl-istess ħin, sikwit imtaqqla bil-biża’ u d-dulur, hi bla dubju, servizz lill-komunità nisranija, u lill-familja kollha tal-bnedmin.

Il-kariga tagħna ta’ suċċessur ta’ Pietru [1] li rċevejna mingħand il-Mulej tqegħdna fid-dmir li nsaħħu lil ħutna, dmir li hu għalina “il-ħsieb ta’ kuljum” [2]. Programm ta’ ħajja u xogħol, u mpenn fondamentali tal-Pontifikat tagħna – u dan id-dmir inħossuh aktar nobbli u neċessarju meta jgħidilna nagħmlu l-qalb lil ħutna fil-ħidma tagħhom ta’ evanġelizzaturi sabiex f’dan iż-żmien ta’ nċertezza u t-taħwid, jirnexxilhom jaqdu din l-opra b’imħabba dejjem akbar, biż-żelu u bil-ferħ.

Fl-okkażjoni ta’ tliet ġrajjiet

2. Dan hu dak li nixtiequ nagħmlu, f’għeluq is-Sena Mqaddsa, li matulha l-Knisja “ħabirket biex tipproklama l-Vanġelu lill-ġnus kollha” [3] bil-għan waħdieni li taqdi dmirha li xxandar l-Aħbar Tajba ta’ Ġesú Kristu – l-Aħbar Tajba mogħtija f’żewġ impenji fondamentali: “ilbsu l-bniedem ġdid” [4] u “irrikonċiljaw ruħkom ma’ Alla [5].

San, aħna nixtiequ nagħmluh f’dan l-għaxar anniversarju ta’ għeluq il-Konċilju Vatikan II, li ġabar l-għanijiet tiegħu fil-ħsieb li jħejji aħjar il-Knisja tas-seklu għoxrin biex ixxandar il-Vanġelu lin-nies ta’ żmienha.

Aħna nixtiequ nagħmlu dan issa, wara li għaddiet sena mit-Tielet Assemblea Ġenerali tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, li, kif jaf kulħadd, kien dedikat għall-evanġelizzazzjoni; u dan nagħmluh aktar bil-qalb, għaliex talbuhulna l-Isqfijiet tas-Sinodu stess. Infatti, f’għeluq din l-Assemblea storika, xi Isqfijiet iddeċidew li jħallu b’fiduċja kbira f’idejn ir-Ragħaj tal-Knisja Universali, il-frott tax-xogħol tagħhom, u stqarrew li huma jistennew minn għandu pass ieħor ‘l quddiem li jdaħħal lill-Knisja, dejjem mibnija fuq is-setgħa u l-qawwa ta’ Pentekoste, fi żmien ġdid ta’ evanġelizzazzjoni [6].

Suġġett spiss imtenni tul il-Pontifikat tagħna

3. Aħna għamilna enfasi fuq l-importanza ta’ dan is-suġġett ta’ evanġelizzazzjoni, f’bosta okkażjonijiet, ferm qabel ma tlaqqa’ s-Sinodu. Fit-22 ta’ Ġunju 1973, aħna għidna lill-Kulleġġ tal-Kardinali: “il-Kondizzjonijiet tas-soċjetà li qed ngħixu fiha, jobbligawna lkoll biex nirrivedu l-metodi, u biex infittxu kull mezz ħalli naraw kif nistgħu nwasslu l-messaġġ nisrani lill-bniedem tal-lum. Għaliex huwa biss fil-messaġġ nisrani li l-bniedem modern jista’ jsib it-tweġiba għad-diffikultajiet tiegħu u l-enerġija biex jiddedika ruħu għas-solidarjetà umana [7].

Għidnilhom ukoll li, sabiex nagħtu tweġiba valida għal dak kollu li l-Konċilju talab minna, jeħtieġ assolutament li aħna nieħdu bis-serjetà u nħaddmu l-wirt tal-fidi. Il-Knisja għandha d-dmir li tħares lil dan fil-purezza sħiħa tiegħu u li tippreżentah lin-nies ta’ żmenijietna, b’mod li jistgħu jifhmuh u f’sura kemm jista’ jkun persważiva.

Fuq il-passi tas-Sinodu tal-1974

4. Din il-fedeltà lejn il-messaġġ li tiegħu aħna l-qaddejja u lejn il-poplu li lilu għandna d-dmir li nwassluh ħaj u sħiħ, hija l-pern ċentrali ta’ l-evanġelizzazzjoni. Tqiegħed quddiemna tlett mistoqsijiet tqal, miżmuma l-ħin kollu quddiem għajnejn is-Sinodu ta’ l-1974:

- Illum il-ġurnata, x’ġara minn dik l-enerġija moħbija li ġġiegħel l-Aħbar it-Tajba tħalli effett qawwi fuq il-kuxjenza tal-bniedem?

- Sa liema punt u b’liema manjiera tista’ dik il-qawwa evanġelika ssir kapaċi tittrasforma n-nies ta’ dan is-seklu?

- B’liema metodi jeħtieġ nimxu sabiex is-setgħa tal-Vanġelu jista’ jkollha l-effett mixtieq?

Fondamentalment, dawn il-mistoqsijiet iqiegħdu fi kliem ċar dawk id-domandi fondamentali li l-Knisja qed tistaqsi lilha nnifisha llum, u li nistgħu nfissruhom hekk: wara l-Konċilju u bis-saħħa tal-Konċilju, li kien żmien mogħti minn Alla, f’dan il-punt strateġiku ta’ l-istorja, il-Knisja qed issib ruħha iżjed imħejjija biex ixxandar il-Vanġelu u tnisslu fi qlub il-bnedmin, bil-Konvinzjoni, fil-libertà ta’ l-ispirtu u b’mod li jħalli effett? Jew mhix punt strateġiku ta’ l-istorja, il-Knisja qed issib ruħha iżjed imħejjija biex ixxandar il-vanġelu u tnisslu fi qlub il-bnedmin, bil-konvinzjoni, fil-libertà ta’ l-ispirtu u b’mod li jħalli effett? Jew mhix?

Stedina għall-meditazzjoni

5. Qegħdin naraw ilkoll l-urġenza li nagħtu għal din il-mistoqsija tweġiba leali, umli u kuraġġuża, u li nopraw fuqha.

“Fil-ħrara tagħna għall-knejjes kollha” [8], aħna nixtiequ ngħinu lil ħutna kollha u lil uliedna biex iwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet. Kliemna ġej mill-ġid tas-Sinodu u qed ngħiduh bħala stedina biex naħsbu aktar fuq l-evanġelizzazzjoni. Jalla jasal biex jistieden il-Poplu kollu ta’ Alla, miġbur fil-Knisja, biex jagħmel l-istess meditazzjoni. Jalla jirnexxilu jagħti ħeġġa ġdida lil kulħadd, speċjalment lil dawk “li jaħdmu fix-xandir tal-kelma u tat-tagħlim” [9], sabiex kull wieħed minnhom jagħraf “ixandar bir-reqqa l-kelma tal-verità” [10], u jaħdem bħala xandar tal-Vanġelu u jġib ruħu perfettament fil-ministeru tiegħu. Nagħtu lil din l-eżortazzjoni mportanza mill-aktar għax il-preżentazzjoni tal-messaġġ evanġeliku mhix xi kontribut li nagħżlu li nagħtu lill-Knisja, iżda, hija dmir mogħti lilha bi kmand ta’ Sidna Ġesú, biex b’hekk il-popli jistgħu jemmnu u jsalvaw.

Dan il-messaġġ hu tabilħaqq meħtieġ. Huwa uniku. Xejn ma jista’ jieħu postu. Xejn ma jista’ jippermetti li nibqgħu ndifferenti lejh, jew li nipppruvaw ingħaqqduh ma’ xi messaġġ ieħor, jew inkella naddattawh.

Din hi kwistjoni tas-salvazzjoni tal-bnedmin, il-messaġġ jirrappreżenta l-ġmiel tar-Rivelazzjoni. Iġib miegħu għerf li mhux ta’ din id-dinja. Kapaċi jqanqal waħdu l-fidi – dik il-fidi li tistrieħ fuq is-setgħa ta’ Alla [11]. Huwa l-verità. Jistħoqqlu li kull appostlu jikkonsagralu ħinu kollu, l-enerġija tiegħu kollha u li jissagrifika, jekk hu meħtieġ, anke ħajtu, għalih.

I. MINN KRISTU L-EVANĠELIZZATUR SAL-KNISJA LI TEVANĠELIZZA

Ix-xhieda u l-Missjoni ta’ Ġesú

6. Ix-xhieda li Sidna Ġesú jagħti tiegħu nnifsu u li San Luqa ġabar fil-Vanġelu tiegħu – “Jeħtieġli nxandar il-Bxara t-Tajb tas-Saltna ta’ Alla” [12] – ċertament għandha konsegwenzi eneromi, għaliex tiġbor f’kelmtejn il-missjoni kollha ta’ Ġesú: “Għalhekk jien kont mibgħut” [13]. Dawn il-kelmiet narahom fit-tifsira sħiħa tagħhom jekk norbtuhom mal-versi li jiġu qabel, u li bihom Kristu kien għadu kemm applika għalih innifsu kliem il-Profeta Isaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għaliex hu kkonsagrani. Hu bagħtni biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” [14].

Ġesú mar minn belt għal oħra, jippriedka lill-aktar fqajrin – li spiss kienu l-aktar li laqgħuha – l-aħbar ta’ ferħ li kienu twettqu l-wegħdiet u l-Patt li Alla kien ghamel mal-bniedem: din hija l-missjoni, iddikjara Ġesú, li għaliha kien mibgħut mill-Missier. U l-aspetti kollha tal-misteru Tiegħu – l-Inkarnazzjoni nnifisha, il-mirakli, it-tagħlim Tiegħu, is-sejħa tad-dixxipli, il-mandat lit-tnax, is-Salib u l-Qawmien mill-mewt, il-preżenza Tiegħu li tibqa’ fost dawk li huma Tiegħu – kienu kollha parti mill-ħidma evanġelizzatriċi Tiegħu.

Ġesú, l-ewwel Evanġelizzatur

7. Tul is-Sinodu l-Isqfijiet għamlu spiss riferenza għal din il-verità: Ġesú nnifsu, l-Aħbar Tajba ta’ Alla [15] kien l-ewwel u l-akbar evanġelizzatur; Huwa kien hekk sa l-eqqel grad, sal-perfezzjoni u sal-punt li ssagrifika l-ħajja Tiegħu fuq din l-art.

Ġie biex jevanġelizza: X’tifsira kellu dan id-dmir għal Kristu? Ċertament mhux ħafif għalina li nagħtu ideja sħiħa tat-tifsira, tal-kontenut u l-manjieri tal-evanġelizzazzjoni kif jaraha Ġesú u kif poġġiha fil-prattika. Hu x’inhu, jekk nippruvaw nagħtu din l-ideja ma nispiċċaw qatt. Nikkuntentaw ruħna billi niftakru f’xi wħud mill-aspetti esssenzjali.

Il-Proklamazzjoni tas-Saltna ta’ Alla

8. Bħala evanġelizzatur, Kristu ħabbar, qabel kollox saltna, Is-Saltna ta’ Alla; u din hija hekk importanti, li ħdejha, l-affarijiet l-oħra kollha, isiru “il-kumplament” li jingħata “bħala żieda” [16]. Mela s-Saltna biss hija assoluta, u tagħmel il-ħwejjeġ l-oħra relativi. Sidna Ġesú jitgħaxxaq jiddeskrivi b’bosta manjeri l-ħena ta’ min jagħmel parti minn din is-Saltna (hena mhix komuni għaliex mibnija fuq dawk il-ħwejjeġ li d-dinja tiċħad) [17]: x’titlob din is-Saltna u l-Kostitiuzzjoni tagħha, [18], il-ħabbara tas-Saltna [19] il-misteri tagħha, [20], uliedha, [21], l-attenzjoni u l-fedeltà mitluba minn kull min qed jistenna l-wasla tagħha definittiva [22].

Il-Proklama tas-salvazzjoni li tagħmilna ħielsa

9. Bħala l-qalba u ċ-ċentru ta’ l-Aħbar Tajba Tiegħu, Kristu jipproklama is-salvazzjoni, l-akbar rigal ta’ Alla li jeħlisna minn kull ma jaħqarna iżda fuq kollox li jeħlisna mid-dnub u mill-ħażin, u jagħtina l-ferħ li nsiru nafu lil Alla u li nkunu magħrufin minnu, li narawh, u li nsiru tiegħu. Dan kollu beda tul il-ħajja ta’ Kristu fuq l-art u twassal fit-tmiem definittiv bil-Mewt u r-Reżurrezzjoni Tiegħu. Iżda, din is-salvazzjoni jeħtieġ li tissokta bis-sabar matul l-istorja, sabiex tilħaq il-milja tagħha fil-jum meta Kristu jiġi għall-aħħar darba, u dan ħadd ma jaf meta sa jkun ħlief il-Missier [23].

Bil-prezz tat-tbatija

10. Din is-Saltna u din is-salvazzjoni li huma l-kelmiet l-aktar improtanti fl-evanġelizzazzjoni ta’ Ġesú Kristu, huma offerti lil kull bniedem bħala grazzja u ħniena, u b’dana kollu, kull individwu jeħtieġlu jirbaħhom bil-forza – dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuhom, igħid il-Mulej [24], permezz tax-xogħol u t-tbatija, permezz ta’ ħajja li taqbel mat-tagħlim tal-Vanġelu, permezz taċ-ċaħda u tas-Salib, permezz ta’ l-Ispirtu tal-Beatitudni. Iżda fuq kollox, kull individwu jirbaħhom permezz ta’ tiġdid interjuri totali, li l-Vanġelu jsejjaħ ‘metanoia’; din hi konverżjoni mill-għeruq, bidla profonda tal-moħħ u tal-qalb [25].

Predikazzjoni li ma tieqafx

11. Kristu temm din il-proklamazzjoni tas-Saltna ta’ Alla bil-predikazzjoni bla heda tal-Kelma li, kif ingħad, qatt ma kien hawn bħalha: “X’tagħlim ġdid ġie mogħti bis-setgħa” [26]. “U lkoll bdew juru l-għoġba tagħhom għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” [27]. “qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem” [28]. Kliemu jirrivelaw is-sigriet ta’ Alla, il-pjan u l-wegħda Tiegħu, u permezz tagħhom jinbidlu qalb il-bniedem u d-destin tiegħu.

Bis-sinjali evanġeliċi

12. Iżda Kristu jagħmel ukoll din il-proklamazzjoni permezz ta’ sinjali bla għadd li jgħaġġbu lill-folol u fl-istess ħin jiġbduhom lejh sabiex jarawh, jisimgħuh u jħalluh jittrasformahom: il-morda jfiqu, l-ilma jsir inbid, il-ħobż joktor, il-mejtin iqumu għall-ħajja. U fost dawn is-sinjali hemm dak li Ġesú jorbot miegħu l-akbar importanza: iċ-ċkejkna u l-foqra huma evanġelizzati, jsiru dixxipli Tiegħu u jingħaqdu “f’ismu” fil-komunità l-kbira ta’ dawk li jemmnu fiH, ghaliex dan Ġesú li qal: “Jeħtieġli nxandar l-Aħbar it-Tajba tas-Saltna ta’ Alla” [29] hu l-istess Ġesú li qal li Hu ġie u kellu jmut “biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerdin” [30]. Hekk huwa jagħmel ir-rivelazzjoni Tiegħu, jtemmha u jwettaqha bir-rivelazzjoni sħiħa li jagħmel tiegħu nnifsu, bil-kliem u bil-għemil, bis-sinjali u bil-mirakli, u iżjed u iżjed b’mewtu, bil-qawmien mill-mewt u billi bagħat l-Ispirtu tal-Verità [31].

Għall-komunità evanġelizzata u li għandha tevanġelizza

13. Dawk li jilqgħu bis-sinċerità l-Aħbar it-Tajba, bis-setgħa ta’ din l-aċċettazzjoni u tal-fidi li jaqsmu ma’ ħuthom, jingħaqdu flimkien f’isem Ġesú biex flimkien ifittxu s-Saltna, jibnuha u jgħixuha. Huma jiffurmaw komunità li hi stess mistennija tevanġelizza. Il-kmand mogħti lit-Tnax biex imorru jxandru l-Aħbar it-Tajba jgħodd ukoll għall-insara kollha, għad li b’mod differenti. Kien preċiżament għalhekk li Pietru sejjaħ l-insara “ġens maħtur biex ixandar il-glorja ta’ Alla” [32], dawk il-ħwejjeġ tal-għaġeb li kull min kien hemm seta’ jisma’ bl-ilsien tiegħu [33]. Mhux biss l-Aħbar Tajba tas-Saltna li ġejja u li diġa’ bdiet hija għall-ġnus kollha taż-żmenijiet kollha. Dawk li rċevew l-Aħbar Tajba u li permezz tagħha nġabru fil-komunità tas-salvazzjoni, jistgħu u għandhom ixandruha u jxerrduha.

Evanġelizzazzjoni: il-vokazzjoni proprja tal-Knisja

14. Il-Knisja dan tafu. Hija għandha dejjem jiddi quddiemha il-fatt li kliem il-Feddej, “Jeħtieġli nxandar l-Aħbar Tajba tas-Saltna ta’ Alla” [34] japplikaw għaliha tassew. Ma’ San Pawl hija żżid bil-qalb: “jekk jiena nxandar l-Vanġelu m’għandix biex niftaħar; jien obbligata nagħmlu dan; ħażin għalija jekk ma nxandrux!” [35].

Kien għalhekk bil-ferħ u bil-konsolazzjoni li f’għeluq dik l-Assemblea kbira ta’ l-1974 aħna smajna dawn il-kelmiet li jagħtu d-dawl: “Aħna nixtiequ nikkonfermaw għal darb’oħra, li d-dmir li tevanġelizza l-ġnus kollha jifforma l-missjoni essenzjali tal-Knisja” [36].

Huwa dmir u missjoni li t-tibdil profond u mmens tas-soċjetà tal-lum jagħmluhom ferm iżjed urġenti, L-evanġelizzazzjoni hija nfatti l-grazzja u vokazzjoni preċiżi tal-Knisja, l-aqwa marka li tagħtiha l-identità tagħha. Il-Knisja teżisti biex tevanġelizza, jiġifieri biex tippriedka, u tgħallem, biex tkun il-kanal tad-don tal-grazzja, biex tħabbeb mill-ġdid il-bnedmin ma’ Alla, biex iġġedded is-sagrifiċċju ta’ Kristu fil-Quddiesa, li hija t-tifkira ta’ mewtu u tar-Reżurrezzjoni Tiegħu.

Il-Knisja u l-Evanġelizzazzjoni marbutin flimkien

15. Kull min jaqra darb’oħra fit-Testment il-Ġdid, kif bdiet il-Knisja, josserva pass pass l-istorja tagħha u jilmaħha tgħix u topra, jagħraf li hija marbuta mal-evanġelizzazzjoni fl-essenza l-iżjed intima tagħha.

· Il-Knisja titwieled mill-ħidma evanġelizzatriċi ta’ Ġesú u tat-Tnax. Hija l-frott normali, mixtieq, u l-aktar immedjat u l-aktar viżibbli ta’ din il-ħidma: “Morru, mela, għamlu dixxipli mill-ġnus kollha” [37]. Imbagħad, “huma laqgħu dak li hu qal u ġew imgħammda. Dakinhar stess, ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlet elef ruh...U minn jum għall-ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li kienu salvi” [38].

· Imwielda, mela, mill-fatt li ġiet mibgħuta, il-Knisja issa hija mibgħuta minn Ġesú. Il-Knisja kellha tibqa’ fid-dinja meta s-Sinjur tal-glorja mar lura għand il-Missier. Hija tibqa’ bħala sinjal – sinjal fl-istess waqt skur u mdawwal – tal-preżenza ġdida ta’ Ġesú, tal-fatt li Hu tela’ s-sema u tal-preżenza Tiegħu permanenti magħha. Il-Knisja hija l-kontinwazzjoni ta’ Ġesú. U fuq kollox hija msejħa biex tkomplih fil-missjoni u fil-kondizzjoni tiegħu ta’ evanġelizzatur [39]. Għax il-komunità nisranija qatt ma tingħalaq fiha nnifisha. Il-ħajja intima ta’ din il-komunità – dik il-ħajja li tisma’ l-Kelma u t-tagħlim ta’ l-Appostli, l-imħabba ta’ l-aħwa bejniethom, il-qsim tal-ħobż [40].

· Din il-ħajja ntima tikseb it-tifsir kollu tagħha biss meta ssir xhieda, meta tqanqal l-ammirazzjoni u l-konverżjoni, u meta ssir il-predikazzjoni u x-xandir ta’ l-Aħbar Tajba. Hekk hija l-Knisja kollha li tirċievi l-missjoni li tevanġelizza, u l-ħidma ta’ kull membru ndividwali huwa mportanti għall-Knisja kollha.

· Il-Knisja għandha tevanġelizza; iżda għandha tibda billi tkun evanġelizzata hija stess. Hija l-komunità ta’ dawk li jgħixu fit-tama u jikkomunikaw it-tama; il-komunità ta’ l-imħabba ta’ l-aħwa; u għandha bżonn toqgħod għassa l-ħin kollu għal dak li jeħtieġilha temmen, għar-raġunijiet li għalihom għandha tittama, għall-kmandament ġdid ta’ l-imħabba. Il-Knisja hija l-poplu ta’ Alla mitfugħ fid-dinja, spiss ittantat minn idoli, għalhekk dejjem jeħtieġilha tisma’ l-proklama ta’ “l-opri setgħana ta’ Alla” [41], li kkonvertewha lejn il-Mulej; dejjem għandha bżonn li tiġi msejħa mill-ġdid minnu u maqgħuda mill-ġdid. F’kelma waħda, dan ifisser li l-Knisja għandha bżonn il-ħin kollu li tiġi evanġelizzata, jekk hi trid iżżomm iż-żogħżija, il-ħeġġa u l-qawwa meħtieġa biex ixxandar il-Vanġelu. Il-Konċilju Vatikan II fakkar [42] dan il-punt, u s-Sinodu ta’ l-1974 tennieh fil-forza, li l-Knisja jeħtieġilha tiġi evanġelizzata permezz ta’ konverżjoni kostanti u t-tiġdid, sabiex tkun tista’ tevanġelizza d-dinja bi kredibilità.

· Il-Knisja għandha fdata lilha l-Aħbar Tajba li għandha tiġi mxandra. Il-wegħdiet tar-Rabta l-Ġdida f’Ġesú Kristu, it-tagħlim tal-Mulej u ta’ l-Appostli, il-Kelma tal-ħajja, l-għejun tal-grazzja u tat-tjieba kollha mħabba ta’ Alla – dawn kollha ġew fdati f’idejha. Hija qiegħda tħares bħala wirt għażiż u ħaj dak li fihom il-Vanġeli, u għalhekk dak li għandu x’jaqsam mal-evanġelizzazzjoni, mhux biex iżżommu moħbi, imma biex tgħaddih lil oħrajn.

· Kif kienet mibgħuta hi biex tevanġelizza, hekk il-Knisja stess tibgħat l-evanġelizzaturi. Hija tqiegħed fuq xufftejhom il-Kelma li ssalva, hi tfissrilhom il-messaġġ afdat lilha, hi tagħtihom il-mandat li hi stess irċevit u tibgħathom biex jippriedkaw. Biex jippriedkaw mhux lilhom infushom jew l-idejat personali tagħhom [43], iżda Vanġelu li la hi u lanqas huma ma jistgħu jiddisponu minnu kif iridu, għax ma’ humiex il-padruni u l-proprjetarji tiegħu, iżda Vanġelu li tiegħu huma l-ministri, biex igħadduh kollu kif inhu lil ħaddieħor.

Il-Knisja li ma tistax tiġi mifruda minn Kristu.

16. Hemm, mela, rabta l-iżjed profonda bejn Kristu, il-Knisja u l-evanġelizzazzjoni. F’daż-żmien tal-Knisja li fih qegħdin ngħixu, tagħha huwa d-dmir li tevanġelizza. Dan il-Mandat ma jsirx mingħajrha, u wisq inqas kontra tagħha.

Hi ħaġa f’waqtha ċertament, li nfakkru dan f’mument bħal dak ta’ issa, meta ġieli nisimgħu, mhux mingħajr dispjaċir, lil xi nies jgħidulek kontinwament – u aħna rridu nemmnu li jkollhom intenzjonijiet tajba, imma qegħdin jieħdu attitudni żbaljata – li huma jħobbu lil Kristu iżda mingħajr il-Knisja, li jilqgħu l-kelma ta’ Kristu, iżda barra mill-Knisja.

L-assurdità ta’ din il-firda tidher ċar minn din il-frażi tal-Vanġelu: “kull min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili” [44]. U kif jista’ xi ħadd ikun jixtieq li jħobb lil Kristu, mingħajr ma jħobb il-Knisja, jekk l-aqwa xhieda tiegħu hi dik ta’ San Pawl: “Kristu hekk ħabb lill-Knisja li ssagrifika lilu nnifsu għaliha” [45].

II. X’INHI L-EVANĠELIZZAZZJONI

Il-Komplessità ta’ l-azzjoni evanġelizzatriċi

17. Fil-ħidma evanġelizzatriċi tal-Knisja, hemm, m’għandniex xi ngħidu, ċerti aspetti li jeħtieġ ninsistu fuqhom. Xi wħud minnhom huma tant importanti li jkun hemm it-tendenza li jiġu sempliċement identifikati mal-evanġelizzazzjoni stess. Hekk naraw li kien hemm min id-definixxa l-evanġelizzazzjoni fi kliem bħal dawn – tħabbar lil Kristu lil dawk li ma jafuhx, tippriedka, tagħmel katekeżi, tagħti l-Magħmudija u s-Sagramenti l-oħra.

Kull definizzjoni parzjali jew ta’ xi aspett wieħed li tipprova tixħet id-dawl fuq l-evanġelizzazzjoni fir-rikezza kollha, fil-komplessità u d-dinamiżmu tagħha, tkun qiegħda tfaqqarha u saħansitra tgħawwiġha. Mhux possibbli li nifhmu l-ideja ta’ l-evanġelizzazzjoni jekk ma nżommux quddiem għajnejna l-elementi essenzjali kollha tagħha.

L-aħħar Sinodu għamel enfasi qawwija fuq dawn l-elementi u studju serju fuqhom għadu sejjer, bħala riżultat tax-xogħol tas-Sinodu. Aħna nifirħu għaliex dawn l-elementi fondamentalment jimxu fuq il-linji maħżużin għalina mill-Konċilju Vatikan II, l-aktar fl-Lumen Gentium, Gaudium et Spes u Ad Gentes.

Tiġdid ta’ l-umanità

18. Li tevanġelizza jfisser għall-Knisja twassal l-Aħbar Tajba lil kull klassi u razza tal-bnedmin, u permezz ta’ l-influwenza tagħha tibdel l-umanità minn ġewwa u tagħmilha ġdida: “Ara, se nġedded kollox” [46]. Iżda ma tistax tingħata umanità ġdida jekk qabel xejn ma jkunx hemm persuni ġodda, mġeddin bil-Magħmudija [47] u b’ħajja li jgħixuha skond il-Vanġelu [48]. L-iskop tal-Evanġelizzazzjoni, mela, hu preċizament din il-bidla nterjuri; u jekk dan irridu ngħiduh f’sentenza waħda, l-aħjar mod ikun li ngħidu li l-Knisja tevanġelizza meta tipprova tikkonverti [49], bis-saħħa divina biss tal-Messaġġ li hija xxandar, sew il-kuxjenzi personali u kollettivi tal-poplu, x-xogħol li jagħmlu, kemm il-mod tal-għajxien u l-ambjenti konkreti tagħhom.

Is-saffi ta’ l-umanità

19. Is-saffi ta’ l-umanità li jiġu ttrasformati: għall-Knisja mhix biss kwistjoni li tilħaq artijiet dejjem aktar imbegħda u tippriedka l-Vanġelu lil numru dejjem akbar ta’ nies, iżda wkoll li tagħmel effett, u f’ċertu mod, tqalleb, bis-setgħa tal-Vanġelu, il-kejl li bih il-bnedmin jiġġudikaw, jagħtu valur, ifasslu l-ħsieb tagħhom, jieħdu ispirazzjoni u jżommu bħala xempju tal-ħajja, il-kejl li ma jaqbilx mal-Kelma ta’ Alla u mal-pjan tas-salvazzjoni.

Evanġelizzazzjoni tal-Kulturi

20. Dan kollu nistgħu npoġġuh hekk: l-importanti hu li nevanġelizzaw il-kultura u l-kulturi (mhux biss biex inżejnu bħallikieku b’kisja ħafifa ta’ verniċ, iżda b’mod vitali, fil-fond sa l-għeruq), fis-sens wiesa’ u mimli li għandhom dawn il-kelmiet f’Gaudium et Spes, [50], u għal dan wieħed għandu jibda dejjem mill-persuna u dejjem jirritorna għar-relazzjonijiet tal-persuni bejniethom u ma’ Alla.

Il-Vanġelu u għalhekk l-evanġelizzazzjoni ma’ humiex ċertament identiċi mal-kultura, u huma indipendenti rigward il-kulturi kollha. B’danakollu, is-Saltna ipproklamata mill-Vanġelu jgħixuha bnedmin li huma marbutin profondament ma’ xi kultura u min irid jibni s-Saltna, jkollu bilfors jissellef l-elementi tal-kultura jew kulturi. Għad li huma ndipendenti mill-kulturi, il-Vanġelu u l-evanġelizzazzjoni mhux bilfors ma jaqblux magħhom, għall-kuntrarju huma kapaċi jippenentrawhom kollha mingħajr ma jsiru suġġetti għall-ebda waħda minnhom.

Il-firda bejn il-Vanġelu u l-kultura hi bla dubju ta’ xejn it-traġedja ta’ żmienna, sewwa sew kif kienet fi żmenijiet oħra. Għalhekk jeħtieġ isir kull sforz biex nassiguraw evanġelizzazzjoni sħiħa tal-kultura, jew aktar eżatt, tal-kulturi. Dawn għandhom jitwieldu mill-ġdid mil-laqgħa tagħhom mal-Vanġelu. Iżda din il-laqgħa ma sseħħx, jekk il-Vanġelu ma jkunx imxandar..

Importanza primarja tax-xhieda tal-ħajja

21. Fuq kollox il-Vanġelu hemm bżonn jiġi proklamat bix-xhieda. Nagħtu każ li jkun hemm Nisrani jew għadd ċkejken ta’ nsara li, fost il-komunità tagħhom juru li għandhom ħila jifhmu u jaċċettaw, jaqsmu ħajjithom u dak li sa jsir minnhom man-nies l-oħra, jissieħbu fl-isforzi ta’ kull min jirsisti għal dak li hu nobbli u tajjeb. Nagħtu każ li, barra minn hekk, huma jirradjaw b’mod kollu kemm hu sempliċi u naturali, jdawlu bit-twemmin tagħhom il-valuri li jmorru ‘l hinn mill-valuri kurrenti, u t-tama tagħhom f’xi ħaġa li ma tidhirx u li wieħed ma jissugrax jimmaġinha. Permezz ta’ din ix-xhieda siekta, dawn l-Insara jqanqlu f’qalb dawk li jaraw ħajjithom mistoqsijiet irreżistibbli: Għaliex huma hekk? X’inhu jew min hu dak li jispirahom? Għaliex jinsabu fostna? Din ix-xhieda hi diġa proklamazzjoni siekta ta’ l-Aħbar Tajba, ferm qawwija, ferm effettiva. Hawn għandna l-ewwel att tal-bidu ta’ l-evanġelizzazzjoni. Dawn il-mistoqsijiet jagħmluhom kemm dawk in-nies li qatt ma semgħu bi Kristu, kemm dawk l-imgħammdin li ma jipprattikawx, kif ukoll dawk li jgħidu li huma nsara iżda jgħixu fuq prinċipji li ma huma nsara xejn, u dawk li qegħdin ifittxu, u mhux mingħajr tbatija, xi ħaġa jew lil xi ħadd li qed iħossu l-preżenza tiegħu, iżda ma jafux x’jismu.

Jitfaċċaw ukoll mistoqsijiet oħra, aktar profondi u aktar impenjattivi, imqanqlin minn din ix-xhieda li titlob żmienna, qsim flimkien, solidarjetà, u li hija element essenzjali, x’aktarx l-ewwel wieħed, fl-evanġelizzazzjoni [51]. L-Insara kollha huma msejħa biex jagħtu din ix-xhieda u hekk huma jistgħu jkunu veri evanġelizzaturi. Qegħdin nġibu quddiem għajnejna b’mod speċjali r-responsabbiltà ta’ l-emigranti li jmorru jgħixu f’artijiet li jilqgħuhom.

Il-ħtieġa ta’ proklamazzjoni ċara

22. B’dana kollu, dan li għidna sa issa, mhux biżżejjed, għaliex anke l-aħjar xhieda ma tħallix effett li jibqa’ jekk ma tkunx imfissra, ġustifikata, kif iwissina San Pietru: “kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandhom” [52] – u spjegata bix-xandir ċar u dritt ta’ Sidna Ġesú. L-Aħbar Tajba pproklamata bix-xhieda tal-ħajja issa jew imbagħad trid tinstama’ bil-kelma tal-ħajja. Ma jistax ikun hemm evanġelizzazzjoni vera jekk l-isem, it-tagħlim, il-ħajja, il-wegħdiet, is-Saltna u l-misteri ta’ Ġesú ta’ Nazaret, l-Iben ta’ Alla, ma jiġux imxandra. L-istorja tal-Knisja, mill-ewwel diskors ta’ Pietru fil-għodwa ta’ Pentekoste ‘l quddiem, kienet dejjem imħallta u minsuġa ħaġa waħda ma’ l-istorja umana, il-Knisja, dejjem ħerqana biex tevanġelizza, kellha biss preokkupazzjoni waħda: lil min se tibgħat biex jipproklama l-misteru ta’ Ġesú? Kif tipproklamah? Kif tista’ tassigura li jidwi u jasal lil dawk kollha li għandhom jisimgħuh? Din il-proklamazzjoni – kerygma, predikazzjoni jew katekeżi – għandha post tant importanti fl-evanġelizzazzjoni li spiss tittieħed bħala sinonimu tagħha: fil-fatt, hija biss aspett wieħed ta’ l-evanġelizzazzjoni.

Aċċettazzjoni vitali tal-komunità

23. Infatti l-proklmazzjoni tilħaq l-iżvilupp sħiħ tagħha meta jkun hemm min jismagħha, jaċċettaha u jifliha bir-reqqa u meta tqanqal f’dak li jkun irċievha rieda ġenwina li jilqagħha: li jilqa’ l-veritajiet li l-Mulej fil-Ħniena Tiegħu rrivelalu, anzi aktar li jaċċetta l-programm ta’ ħajja, ta’ ħajja, minn dak il-ħin ittrasformata, li Huwa joffrilu. F’kelma waħda li jilqa’ s-Saltna jiġifieri.”id-dinja ġdida”, l-istat ġdid ta’ l-affarijiet, il-mod ġdid kif għandu jkun, igħix, jagħmel sehem f’komunità, li l-Vanġelu jitlob.

Dan it-tisħib ma jistax jibqa’ ħaġa astratta u bla forma li tidher, iżda jrid juri ruħu konkretament bi dħul viżibbli fil-komunità ta’ dawk li jemmnu. Għalhekk dawk li ġew mibdula jidħlu f’komunità li hija stess hi sinjal ta’ transformazzjoni, sinjal ta’ ħajja ġdida: din hija l-Knisja, is-Sagrament viżibbli tas-salvazzjoni [53].

Id-dħul tagħna fil-komunità tal-Knisja jidher, imbagħad, permezz ta’ ħafna sinjali oħra li jtawwlu u jikxfu is-sinjal tal-Knisja. Fid-dinamiżmu ta’ l-evanġelizzazzjoni, min jaċċetta l-Knisja bħala l-Kelma li ssalva [54] normalment jurih b’dawn l-atti sagramentali: tisħib fil-Knisja, aċċettazzjoni tas-Sagramenti, li juru u jsostnu dat-tisħib permezz tal-grazzja li huma jagħtu.

Titlob appostolat ġdid

24. Fl-aħħarnett min jiġi evanġelizzat għandu jmur biex jevanġelizza lil oħrajn. Hawn qiegħda l-prova tal-verità, il-qofol ta’ l-evanġelizzazzjoni: ma jistax ikun li persuna li tkun laqgħet il-Kelma u tat ruħha għas-Saltna ma ssirx hi stess persuna li tagħti xhieda u tipproklamaha lil ħaddieħor.

Biex nagħlqu dawn ir-riflessjonijiet fuq it-tifsira ta’ l-evanġelizzazzjoni rridu nagħmlu osservazzjoni oħra, u naħsbu li tkun tista’ tiċċara dak li ġej aktar ‘il quddiem. L-evanġelizzazzjoni, kif għidna, hi proċess ikkomplikat, magħmul minn elementi diversi: tiġdid tal-bniedem, xhieda, proklamazzjoni ċara, tisħib intern, daħla fil-komunità, aċċettazzjoni tas-sinjali, inizjattiva appostolika. Dawn l-elementi jistgħu jidhru li jmorru kontra xulxin, anzi li wieħed jeskludi lil ieħor. Fil-fatt huma komplementarji u jkattru r-rikezza ta’ xulxin. Għandna nħarsu lejn kull wieħed minnhom f’relazzjoni mal-oħrajn. Il-mertu ta’ l-aħħar Sinodu kien li l-ħin kollu huwa stedina biex minflok ma npoġġu dawn l-elementi f’oppożizzjoni, pjuttost norbtuhom ma xulxin, biex naslu ħalli nifhmu l-attività evanġelizzatriċi tal-Knisja.

Hija din il-viżjoni globali li issa nixtiequ nġibu quddiem għajnejkom billi neżaminaw il-kontenut ta’ l-evanġelizzazzjoni u l-metodi meħtieġa u billi naraw ċar lil min hu ndirizzat il-messaġġ tal-Vanġelu, u min hu responsabbli għalih illum.

III. X’FIHA L-EVANĠELIZZAZZJONI

Kontenut essenzjali u elementi sekondarji

25. Fil-Messaġġ proklamat mill-Knisja hemm ħafna elementi sekondarji. Il-preżentazzjoni tagħhom tiddependi miċ-ċirkostanzi li jistgħu jinbidlu. Dawk l-elementi wkoll jistgħu jinbidlu. Iżda hemm l-element essenzjali, li hu s-sustanza ħajja, li ma tistax tiġi modifikata jew injorata, mingħajr ma nkunu b’hekk indgħajjfu n-natura ta’ l-evanġelizzazzjoni nnifisha.

Xhieda ta’ l-imħabba tal-Missier

26. Mhux ħaġa żejda li nfakkru hawn dawn il-punti: - tevanġelizza jfisser, qabel xejn, li tagħti xhieda b’mod sempliċi u dirett, ta’ Alla rrivelat lilna minn Ġesú Kristu, fl-Ispirtu s-Santu; li tagħti xhieda li f’Ibnu Alla ħabb id-dinja – li fil-Verb magħmul bniedem Huwa ried isejjaħ għall-eżistenza l-ħwejjeġ kollha u lill-bnedmin ried jagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.

Jista’ jkun li għal ħafna nies, din ix-xhieda ta’ Alla tinsab f’dak Alla mhux magħruf li huma jqimu mingħarjr ma jagħtuh isem [55], jew li huma jfittxu fil-moħħ ta’ qalbhom meta huma jmissu b’idejhom il-baħħ ta’ l-idoli. Din ix-xhieda, iżda, hija tabilħaqq evanġelizzazzjoni meta turi l-fatt li, għall-bniedem, il-Ħallieq mhux xi qawwa bla isem x’imkien ‘l bogħod, iżda li Hu l-Missier, “...li aħna nistgħu nissejħu ulied Alla, u tassew aħna” [56]. U għalhekk, aħwa ta’ xulxin f’Alla.

Fiċ-ċentru tal-messaġġ: is-salvazzjoni f’Ġesú Kristu

27. L-evanġelizzazzjoni jkollha dejjem fiha, bħala pedament, ċentru u fl-istess ħin quċċata tad-dinamiżmu tagħha x-xandira ċara li f’Ġesú Kristu, Iben Alla li sar bniedem, miet u rxoxta, is-salvazzjoni hija offerta lill-bnedmin kollha bħala rigal tal-grazzja u tal-ħniena ta’ Alla [57]. Dan mhux bħala salvazzjoni temporali li twieġeb għall-bżonnijiet materjali u anke spiritwali, iżda biss limitata għall-medda ta’ eżistenza temporali, minsuġa għal kollox max-xewqat, tamiet, ħidma u taħbit temporali, iżda salvazzjoni li tmur ‘l hinn minn dawn il-limiti u li ssib il-milja tagħha fil-Komunjoni ma’ l-Assolut uniku u divin: salvazzjoni traxxendentali u eskatoloġika, li tibda, iva, fil-ħajja fuq din l-art, iżda li ssib il-milja tagħha fl-eternità.

Taht is-sinjal tat-tama

28. Għaldaqstant, l-evanġelizzazzjoni ma tistax teskludi l-proklamazzjoni profetika ta’ ħajja oħra, is-sejħa profonda u definittiva tal-bniedem, li hi fl-istess ħin it-tkomplija u t-tmiem tas-sitwazzjoni preżenti; ‘l hinn miż-żmien u mill-istorja, ‘l hinn mir-realtà li tgħaddi ta’ din id-dinja, u ‘l hinn mill-ħwejjeġ ta’ din l-art, li tagħhom għad tiġi rivelata ġurnata dimensjoni moħbija – ‘l hinn mill-bniedem innifsu, li d-destin tiegħu mhux limitat għall-aspetti temporali iżda għad jiġi rrivelat fil-ħajja futura [58]. Għalhekk l-Evanġelizzazzjoni tinkludi wkoll ix-xandir tat-tama fil-wegħdiet li Alla għamel fit-Testment il-Ġdid permezz ta’ Ġesú Kristu. It-tħabbira ta’ l-imħabba ta’ Alla għalina u ta’ imħabbitna lejn Alla; il-predikazzjoni ta’ l-imħabba ta’ l-aħwa għall-bnedmin kollha – il-kapaċità li nagħtu u naħfru, li niċċaħħdu li ngħinu lil ħutna – għemil li jiġi mill-imħabba lejn Alla u li hu l-qalba tal-Vanġelu; il-predikazzjoni tal-misteru tal-ħażen u tat-tfittix attiv tat-tajjeb. Il-predikazzjoni wkoll – u din hi ħaġa dejjem urġenti – tat-tfittix ta’ Alla nnifsu permezz tat-talb, li hu prinċipalment talb ta’ adorazzjoni u radd il-ħajr, iżda wkoll permezz tal-komunjoni mas-sinjal viżibbli tal-laqgħa ma’ Alla li hi l-Knisja ta’ Ġesú Kristu; u terġa’ din il-komunjoni tiġi espressa permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ dawk is-sinjali l-oħra ta’ Kristu ħaj u attiv fil-Knisja, li nsejħulhom sagramenti.

Meta ngħixu b’dan il-mod is-sagramenti, meta nġibu ċ-ċelebrazzjoni tagħhom għall-vera milja tagħha, ma jfissirx, kif jaħsbu x’uħud, li nkunu qed infixxklu jew nippermettu li tiġi mgħawġa l-evanġelizzazzjoni: anzi nkunu qegħdin nikkompletawha. Għaliex biex tkun sħiħa, l-evanġelizzazzjoni – barra mix-xandir tal-messaġġ – tikkonsisti filli titwaqqaf il-Knisja; u din ma titstax teżisti mingħajr il-forza li tħeġġeġ li hija l-ħajja sagramentali, bil-qofol tagħha fl-Ewkaristija [59].

Messaġġ li jolqot il-ħajja kollha

29. Iżda l-evanġelizzazzjoni ma tkunx sħiħa jekk ma tagħtix każ ta’ kif jolqtu lil xulxin il-Vanġelu u l-ħajja konkreta tal-bniedem, sew bħala ndividwu, kemm bħala membru tas-soċjetà. Din hi r-raġuni għaliex l-evanġelizzazzjoni ġġib magħha messaġġ ċar, adattat għas-sitwazzjonijiet differenti li jitfaċċaw, dwar id-dritijiet u d-dmirijiet ta’ kull bniedem, dwar il-ħajja familjari, li mingħajrha bilkemm wieħed jista’ jikber u jiżviluppa ruħu [60]; dwar il-ħajja soċjali, dwar il-ħajja internazzjonali, il-paċi, il-ġustizzja u l-iżvilupp – messaġġ dwar il-liberazzjoni li fi żmienna idoqq b’enerġija speċjali.

Messaġġ ta’ liberazzjoni

30. Huwa magħruf sew b’liema qawwa bosta Isqfijiet mill-kontinenti kollha tkellmu fuq dan fl-aħħar Sinodu, u b’mod speċjali l-Isqfijiet mit-Tielet Dinja, b’aċċenti pastorali li jwasslu l-ilħna ta’ miljuni ta’ wlied il-Knisja fost dawk il-popli. Huma ġnus, kif nafu, impenjati bl-enerġija kollha tagħhom fi sforz u taqbida biex jegħlbu kulma qed jikkundannahom biex jibqgħu fil-miżerja: ġuħ, mard kroniku, injoranza, faqar, inġustizzja fir-relazzjonijiet internazzjonali u speċjalment fl-oqsma tal-kummerċ; sitwazzjonijiet ta’ neo-kolonjaliżmu ekonomiku u kulturali xi drabi kiefer daqs il-kolonjaliżmu politiku ta’ dari. Il-Knisja, kif tennew l-Isqfijiet, għandha d-dmir li tipproklama l-ħelsien tal-miljuni ta’ bnedmin, bosta minnhom membri tagħha, id-dmir li tgħin biex tfiġġ din il-liberazzjoni li ssostniha, li tassigura li tkun sħiħa. Din mhix xi ħaġa barranija għall-evanġelizzazzjoni.

Rabta mal-progress uman

31. Hemm infatti rabtiet profondi bejn l-evanġelizzazzjoni u l-progress uman – bejn l-iżvilupp u l-ħelsien. Hemm rabtiet antropoloġiċi, għax il-bniedem li jrid jiġi evanġelizzat mhux xi ħaġa astratta, iżda suġġett li jintlaqat mill-kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi. Hemm ir-rabtiet ta’ ordni teoloġiku, għaliex ma nistgħux nifirdu l-pjan tal-Ħolqien mill-pjan tal-Fidwa. Dan ta’ l-aħħar imiss sitwazzjonijiet ta’ nġustizzja verament konkreti, li jeħtieġ nikkumbattuhom u nġibu f’postha l-ġustizzja. Hemm rabtiet ta’ natura partikularment evanġelika, jiġifieri ta’ mħabba: kif jista’ infatti, wieħed jipproklama l-kmandament ġdid (ta’ l-imħabba ta’ l-aħwa) mingħajr ma jaħdem fil-ġustizzja, u fil-paċi, għall-avvanz veru u awtentiku tal-bniedem? Aħna stess fittixna li niġbdu l-attenzjoni għal dan, billi fakkarna li ma nistgħux naċċettaw “li fl-evanġelizzazzjoni wieħed jista’ jew għandu jinjora l-importanza tal-problemi li tant qed jiġu diskussi llum, rigward il-ġustizzja, il-ħelsien, l-iżvilupp u l-paċi fid-dinja. Jekk nagħmlu dan inkunu qed ninsew il-lezzjoni tal-Vanġelu dwar l-imħabba ta’ għajrna batut u fil-bżonn’ [61].

L-istess ilħna li tul is-Sinodu ittrattaw dan is-suġġett skottanti bil-ħeġġa, bl-intelliġenza u l-kuraġġ, b’ferħ kbir tagħna ipproponew il-prinċipji li jagħtuna d-dawl biex nifhmu sewwa l-importanza u t-tifsira profonda tal-liberazzjoni, hekk kif tippriedkaha l-Knisja.

Ċar u bla tnaqqis

32. M’għandniex inwarrbu fil-ġenb il-fatt li bosta, wkoll Insara ħabrieka, li jitqanqlu ħafna minħabba l-kwistjonijiet drammatiċi marbuta mal-problema tal-liberazzjoni, filwaqt li jixtiequ jaraw il-Knisja ddedikata fl-isforz għall-ħelsien, spiss jaqgħu fit-tentazzjoni li jirriduċu l-missjoni tagħha bħallikieku kienet proġett sempliċement temporali. Id-dmirijiet tagħha bħallikieku kienu biss maħsubin għall-bniedem, is-salvazzjoni, li tagħha l-Knisja hi l-ħabbara u s-sagrament għall-ġid materjali. Jaħsbu dawn, li l-Knisja tista’ tinsa l-preokkupazzjonijiet spiritwali u reliġjużi, u l-ħidma tagħha, tista’ tillimita lilha nnfisha għall-inizjattivi politiċi u soċjali.

Iżda jekk dan kien veru, l-Knisja kienet titlef it-tifsira tagħha fondamentali. Il-messaġġ tagħha ta’ ħelsien ma jibqgħalu l-ebda oriġinalità u jista’ jsib ruħu faċilment monopolizzat u strumentalizzat mis-sistema ideoloġiċi u mill-partiti politiċi. Il-Knisja ma jifdlilha ebda awtorità biex tipproklama l-libertà li ġejja minn Alla. Għal din ir-raġuni aħna xtaqna nagħmlu enfasi fid-diskors tagħna fil-ftuħ tas-Sinodu dwar “il-ħtieġa li nerġgħu nifformulaw ċar l-iskopijiet speċifikament reliġjużi ta’ l-evanġelizzazzjoni. Din l-evanġelizzazzjoni titlef l-iskop tal-eżistenza tagħha kemm il-darba titbiegħed mill-fus reliġjuż li jmexxiha: is-Saltna ta’ Alla, qabel kull ħaġ’oħra, fit-tifsira teoloġika kollha tagħha”... [62]

Ħelsien evanġeliku

33. Dwar il-ħelsien li l-evanġelizzazzjoni tipproklama u tipprova ġġib, ta’ min isemmi:

· Li dan il-ħelsien ma jistax jiġi limitat għall-oqsma ekonomiċi, politiċi, soċjali u kulturali; iżda irid iħaddan il-bniedem kollu kemm hu, fl-aspetti kollha tiegħu, anke safejn jidħol il-qasam assolut, saħansitra l-Assolut divin.

· Li dan il-ħelsien hu marbut ma’ ideja tal-bniedem li ma tista’ qatt tiġi ssagrifikata għall-bżonnijiet ta’ strateġija, jew użanza jew effiċjenza tal-mument.

Iċċentrat fuq is-Saltna ta’ Alla

34. Għalhekk il-Knisja, meta xxandar il-ħelsien u tissieħeb ma’ dawk li qed jaħdmu u jbatu għalih, żgur ma tridx tillimita l-missjoni tagħha għall-qasam reliġjuż biss, u taħsel idejha mill-problemi temporali tal-bniedem. B’danakollu, hija ssostni l-primat tal-vokazzjoni spiritwali tagħha u tirrifjuta li tqiegħed il-proklamazzjoni tad-diversi forom ta’ ħelsien uman minflok il-proklamazzjoni tas-Saltna (ta’ Alla). Anzi hija ssostni li s-sehem li tagħti għall-ħelsien ma jistax ikun sħiħ jekk hi tittraskura li xxandar is-salvazzjoni f’Ġesú Kristu.

Il-konċett evanġeliku tal-Bniedem

35. Il-Knisja torbot flimkien il-ħelsien uman u s-salvazzjoni li Kristu Ġesú, iżda qatt ma tagħmilhom ħaġa identika, għaliex hi taf permezz tar-rivelazzjoni ta’ l-esperjenza storika u tar-riflessjoni fid-dawl tal-fidi, li mhux kull ideja ta’ liberazzjoni bilfors taqbel mal-ideja evanġelika tal-bniedem, ta’ dak li jeżisti, tal-ġrajjiet; hija taf ukoll li sabiex tiġi s-Saltna ta’ Alla, mhux biżżejjed li ġġib il-ħelsien u toħloq il-ġid u l-iżvilupp.

Aktar u aktar, il-Knisja temmen sħiħ li kull ħelsien temporali, kull ħelsien politiku, anke jekk jipprova jġib bħala ġustifikazzjoni tiegħu xi paġna mit-Testment il-Qadim jew il-Ġdid, anke jekk iqiegħed bħala bażi tal-prinċipji ideoloġiċi tiegħu u tar-regoli li fuqhom ifassal l-azzjoni, il-fehmiet u l-konklużjonijiet teoloġiċi, anke jekk jilbes is-sura tat-teoloġija ta’ żmienna – fih innifsu dan għandu l-mikrobu taċ-ċaħda tiegħu stess u ma jirnexxilux jilħaq l-idejal li jkun qed jimmira għalih kull meta l-motivi profondi ma jkunux dawk tal-ġustizzja fl-imħabba; kull meta il-ħeġġa tiegħu tkun nieqsa mill-aspett verament spiritwali u kull meta l-mira finali tiegħu ma tkunx is-salvazzjoni u l-hena ta’ Alla.

Meħtieġa l-bidla tal-qalb

36. Il-Knisja tammetti li huwa ċertament importanti li jitwaqqfu strutturi aktar umani, aktar ġusti, li jirrispettaw aktar id-drittijiet tal-persuna, li ma jxekkluhiex u ma jassruhiex; iżda idejalizzati malajr isiru inumani jekk ix-xejriet inumani ta’ qalb il-bniedem ma jitfejqux, jekk dawk li jgħixu f’dawn l-istrutturi jew li jaħkmu fihom ma jgħaddux mill-konverżjoni tal-qalb u tal-fehma.

Mingħajr vjolenza

37. Il-Knisja ma tistax taċċetta l-vjolenza, speċjalment l-forza ta’ l-armamenti – li ssir bla kontroll kemm il-darba tilħaq tibda – u lanqas il-mewt ta’ kwalunkwe persuna bħala t-triq li twassal għall-ħelsien, għaliex hi taf li l-vjolenza dejjem tqanqal il-vjolenza u bilfors tnissel għamliet ġodda ta’ moħqrija u jasar, li ħafna drabi jkunu aktar iebsa minn dawk li suppost ġew minnhom meħlusa.

Dan għidnih ċar tul il-vjaġġ tagħna fil-Kolombja: “Inħeġġukhom biex ma tqegħdux it-tama tagħkom fil-vjolenza u fir-rivoluzzjoni: dan hu kuntrarju għall-ispirtu nisrani, u jista’, flok ma jħaffef l-progress soċjali li bir-raġun kollu intom tistennew, aktar jżommu l-bogħod.” [63]. “Hemm bżonn ngħidu u nsostnu li l-vjolenza mhix skond il-Vanġelu, mhix nisranija; u li t-tibdiliet f’salt wieħed u vjolenti ta’ strutturi iqarrqu bikom, jkunu mingħajr effett fihom infushom u żgur ma jkunux jaqblu mad-dinjità tal-poplu” [64].

Is-sehem speċifiku tal-Knisja

38. Issa li għidna dan, aħna nifirħu li l-Knisja qed dejjem aktar tintebaħ bil-mod verament adattat u bil-mezzi strettament evanġeliċi li hija tippossjedi sabiex tgħin fil-ħelsien ta’ bosta. X’qiegħed tagħmel, mela? Il-Knisja qiegħda tinkoraġixxi dejjem aktar għadd kbir ta’ nsara jiddedikaw ruħhom għall-ħelsien tal-bnedmin. Qiegħda tipprova lil dawn ‘il-liberaturi’ bl-ispirazzjoni tal-fidi, bil-motivazzjoni tal-imħabba tal-aħwa, bit-tagħlim soċjali li l-veru nisrani ma jistax jinjorah iżda għandu jagħmlu l-pedament tal-għerf tiegħu u ta’ l-esperjenza tiegħu, sabiex huwa jfassal fuqu l-mod kif jopra, jissieħeb u jiddedika ruħu. Dan kollu għandu jagħti t-timbru lill-ispirtu tan-nisrani dedikat, mingħajr taħlit mat-tattika jew mal-qadi ta’ xi sistema politika. Il-Knisja tirsisti dejjem biex tpoġġi t-taqbida nisranija għal-liberazzjoni fil-pjan universali tas-salvazzjoni li hija stess tipproklama.

Dan li għadna kemm fakkarnikhom insibuh aktar minn darba fid-diskussjoni tas-Sinodu. Fil-fatt aħna ddedikajna għal dan is-suġġett erba’ kelmiet li jixħtu d-dawl fuq id-diskors tagħna lill-Isqfijiet f’għeluq dik l-Assemblea [65].

Nittamaw li dawn il-konsiderazzjonijiet kollha jiswew biex titwarrab l-ambigwità li l-kelma “liberazzjoni” spiss tikseb fl-ideoloġija u fis-sistema u gruppi politiċi. Il-ħelsien li l-evanġelizzazzjoni xxandar u tħejji hu dak li Kristu nnifsu ħabbar u ta lill-bniedem bis-sagrifiċċju Tiegħu.

Libertà Reliġjuża

39. Il-ħtieġa li niżguraw (għal kulħadd) id-drittijiet umani fundamentali ma nistgħux nifirduha minn din il-liberazzjoni ġusta li hi marbuta ma’ l-evanġelizzazzjoni u li tfittex biex ikun hemm strutturi li jħarsu l-libertà reliġjuża tieħu post ta’ mportanza kbira. Dan l-aħħar aħna tkellimna fuq kemm dan hu suġġett tal-mument, u għamilna enfasi “fuq kemm Insara, anke llum, għaliex huma nsara, għaliex huma kattoliċi, huma maħqura minn persekuzzjoni sistematika. Id-dramm tal-fedeltà lejn Kristu u tal-libertà reliġjuża għadu sejjer, avolja jiġi mgħotti b’dikjarazjonijiet kategoriċi favur id-drittijiet tal-persuna u tal-ħajja soċjali” [66].

 

IV. IL-METODI TA’ L-EVANĠELIZZAZZJONI

Tiftix tal-mezzi adattati

40. Rajna kemm hu mportanti l-kontenut ta’ l-evanġelizzazzjoni; dan iżda m’għandux inaqqas minn quddiem għajnejn l-importanza tal-metodi u tal-mezzi.

“Kif għandna nevanġelizzaw?” hi mistoqsija dejjem flokha, għaliex il-metodi jvarjaw skond iċ-ċirkostanzi differenti ta’ żmien, post u kultura, u għaliex huma joffrulna, għalhekk, ċerta sfida biex naraw kemm għandna ħila niskopruhom u naddattawhom.

B’mod partikolari taqa’ fuqna, bħala r-Rgħajja tal-knisja, ir-responsabbilità li nfasslu mill-ġdid bil-kuraġġ u bilgħaqal, iżda b’fedeltà sħiħa għall-kontenut ta’ l-evanġelizzazzjon, il-mezzi l-aktar adattati u effettivi biex nikkomunikaw il-messaġġ Evanġeliku lill-bnedmin ta’ żmenijietna.

Ikun biżżejjed, f’din il-meditazzjoni, li nsemmu għadd ta’ metodi, li, għal raġuni jew oħra, għandhom importanza fundamntali.

Ix-xhieda tal-Ħajja

41. Bla ma noqgħodu ntennu dak li diġa’ għidna, jixraq li nagħmlu emfażi, l-ewwelnett fuq dan il-punt: għall-Knisja, l-ewwel mezz ta’ evanġelizzazzjoni hija x-xhieda ta’ ħajja awtentikament kristjana, mogħtija lil Alla f’għaqda li xejn m’għandu jeqred u fl-istess ħin mogħtija lil għajrna permezz ta’ ħeġġa bla qies. Kif għidna ftit ilu lil grupp ta’ żgħażagħ, “il-bniedem modern jisma’ iżjed bil-qalb lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jisma’ lill-għalliema, dan jagħmluh għaliex huma xhieda” [67]. San Pietru jesprimi dan tajjeb ferm meta qiegħed quddiem għajnejna l-eżempju ta’ ħajja rispettuża u safja u anke mingħajr kliem, jirbaħ lil dawk li ma jridux jobdu l-kelma [68]. Għalhekk huwa prinċipalment permezz ta’ l-imġieba u tal-ħajja tagħha li l-Knisja tevanġelizza d-dinja; fi kliem ieħor, bix-xhieda ħajja ta’ fedeltà lejn Sidna Ġesú – ix-xhieda tal-faqar u tad-distakk, tal-libertà quddiem is-setgħat kollha tad-dinja, f’kelma waħda, ix-xhieda ta’ qdusija.

Predikazzjoni ħajja

42. It-tieni, mhux żejjed li nagħmlu enfasi fuq l-importanza u l-ħtieġa tal-predikazzjoni. “Imma kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?...Hekk il-fidi tiġi mis-smigħ, u smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu” [69]. Din il-liġi mogħtija mill-Appostlu Pawlu għad għandha l-qawwa kollha tagħha llum.

Il-predikazzjoni, ix-xandir ta’ messaġġ bil-kliem, hu dejjem indispensabbli. Aħna nafu tajjeb li l-bniedem modern huwa mxebba’ bid-diskors; jidher ċar li għejja jisma’ u, agħar minn hekk, dak li jingħad ma jippenetrax fih. Nafu wkoll li bosta psikoloġi u soċjoloġi huma tal-fehma li l-bniedem mordern ħalla warajh iċ-ċivilizzazzjoni tal-kelma, li saret bla effett u bla siwi, u qiegħed jgħix fiċ-ċivilizzazzjoni ta’ l-istampi. Dawn il-fatti imisshom ċertament iqanqluna biex nagħmlu użu mill-mezzi moderni li din iċ-ċivilizzazzjoni tatna, għall-iskop li nwasslu l-messaġġ tal-Vanġelu.

Diġa’ saru infatti bosta sforzi f’dan il-qasam. Ma nistgħux ma nfaħħruhomx u ma ninkoraġġuhomx biex jimxu ‘l quddiem. B’danakollu, m’għandniex inħallu li l-għejja li jġib ħafna diskors vojt illum il-ġurnata u l-importanza li ħadu forom oħra ta’ komunikazzjoni (soċjali), inaqqsu mill-qawwa permanenti li għandha l-kelma ħajja jew itellfulna l-fiduċja fiha. Il-kelma tibqa dejjem flokha, speċjalment meta tkun qed twassal is-setgħa ta’ Alla [70]. Għalhekk dak li San Pawl igħidilna: “Il-Fidi tiġi mis-smigħ” [71] huwa floku anke llum: hija l-kelma mismugħa li twassal għat-twemmin.

Il-Liturġija tal-Kelma

43. Il-predikazzjoni tal-Vanġelu tieħu diversi forom u l-ħeġġa tagħtina l-ispirazzjoni biex nagħtuha xeħta ġdida kemm il-darba jkun hemm bżonn. Infatti hemm ġrajja bla għadd fil-ħajja u fis-sitwazzjonijiet umani li joffrulna okkażjoni biex ngħidu kelmtejn prudenti iżda sodi dwar dak li għandha x’tgħidilna din jew dik iċ-ċirkustanza partikulari. Biżżejjed li wieħed ikollu l-vera sensibilità spiritwali biex jaqra l-messaġġ ta’ Alla f’dak li jiġri. Iżda fiż-żmien meta l-Liturġija mġedda mill-Konċilju tat valur ferm akbar lil Liturġija tal-Kelma, ikun żball jekk ma narawx fl-omelija għodda mportanti u ferm adattabbli għall-evanġelizzazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, jeħtieġ li wieħed ikun jaf u juża tajjeb il-kondizzjonijiet u l-possibiltajiet tal-omelija, biex din jista’ jkollha l-effett pastorali kollha tagħha. Iżda fuq kollox, jeħtieġ li wieħed ikun konvint minn dan u jiddedika ruħu għalih bl-imħabba. Din il-predikazzjoni, minsuġa b’mod tal-għaġeb fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, li minnha tieħu qawwa u setgħa, għandha ċertament post partikolari fl-evanġelizzazzjoni, skond ma tkun tesprimi il-fidi profonda tal-ministru sagru u tkun magħġuna bl-imħabba. Il-fidili, miġmugħin biex jiċċelebraw f’għaqda waħda l-misteru tal-Għid, b’Ġesú Kristu f’nofshom, jistennew ħafna minn din ix-xandira u jieħdu profitt kbir minnha kemm il-darba tkun sempliċi, ċara, diretta, adattata għalihom, profondament marbuta mat-tagħlim tal-Vanġelu u fidila għall-maġisteru tal-Knisja, imħeġġa minn żelu appostoliku bilanċjat li jiġi min-natura karatteristika tagħha, mimlija tama, tqanqal għat-twemmin, u twassal għall-paċi u l-għaqda. Bosta komunitajiet parrokkjali u ta’ xorta oħra jgħixu u jinżammu magħquda bis-saħħa ta’ l-Omelija tal-Ħdud meta din ikollha dawn il-kwalitajiet.

Inżidu hawn li, bis-saħħa ta’ l-istess tiġdid liturġiku, iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika mhix l-uniku mument adattat biex fih issir l-Omelija. L-Omelija għandha postha u jeħtieġ li ma nittraskurawhiex fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti kollha, fil-funzjonijiet para-liturġiċi, u fl-assembleji tal-fidili. Dejjem tkun okkażjoni privileġġjata biex tiġi komunikata l-Kelma ta’ Alla.

Katekeżi

44. Mezz ta’ evanġelizzazzjoni li m’għandniex nittraskuraw hu t-tagħlim kateketiku. Il-moħħ, speċjalment tat-tfal u taż-żgħażagħ, għandu bżonn jitgħallem permezz tat-tagħlim reliġjuż sistematiku d-duttrina fundamentali, il-kontenut ħaj tal-verità li Alla għoġbu jirrivelalna u li l-Knisja fittxet li tesprimi b’manjiera dejjem aktar għanja tul il-kors ta’ l-istorja twila tagħha. Ħadd mhu ser jiċħad li dan it-tagħlim għandu jingħata biex fuqu titfassal il-ħajja nisranija ta’ dak li jkun u mhux biex tibqa’ biss idejat fil-moħħ. Tabilħaqq ikun ta’ profitt kbir jekk l-isforz biex nevanġelizzaw fil-livell tat-tagħlim kateketiku li jingħata fil-knisja, fejn hu possibbli, u dejjem fil-familji nsara – dawk li jgħallmu jkollhom testi adattati aġġornati bil-għaqal u l-ħila, taħt l-awtorità ta’ l-Isqfijiet. Il-metodi għandhom ikunu adattati għall-età, għall-kultura u l-kapaċità tal-persuni konċernati; u għandhom dejjem ikunu tali li jimmarkaw fil-memorja, fil-moħħ u fil-qalb il-veritajiet essenzjali li għandhom idawwlu l-ħajja kollha.

Huwa meħtieġ, fuq kollox, li jiġu mħejjija għalliema tajbin – katekisti parrokkjali, għalliema, ġenituri – li jkunu jixtiequ jipperfezzjonaw ruħhom f’din l-arti indispensabbli u li itlob formazzjoni reliġjuża.

Barra minn dan, u mingħajr ma nittraskuraw bl-ebda mod it-taħriġ tat-tfal, qegħdin naraw li l-kondizzjonijiet tal-lum jirrendu aktar urġenti t-tagħlim kateketiku, taħt forma ta’ katekumenat, lil għadd bla tarf ta’ żgħażagħ u ta’ adulti li, milqutin mill-grazzja, qegħdin jiskopru bil-mod il-mod il-wiċċ ta’ Kristu u jħossu l-bżonn li jagħtu lilhom infushom lilu.

Użu tal-“Mass media”

45. Is-seklu tagħna ħa sura speċjali bil-“Mass media” u l-mezzi ta’ komunikazzjonijiet li għandu. Għalhekk l-ewwel xandir, il-katekeżi u l-isturdju aktar fil-fond ta’ dak li jolqot il-fidi ma jistax igħaddi mingħajr dawn il-mezzi.

Meta dawn inqegħduhom għas-servizz tal-Evanġelu, jsiru kapaċi li jkattru, tista’ tgħid bla tarf, il-medda fejn tista’ tinstama’ l-Kelma ta’ Alla; jagħmluha ħaġa possibbli li l-Aħbar it-Tajba tilħaq miljuni ta’ nies. Il-Knisja tkun ħatja quddiem il-Mulej jekk ma tagħmilx użu minn dawn il-mezzi qawwija li bil-ħila tal-bniedem qegħdin isiru dejjem aktar perfetti. Permezz tagħhom tista’ xxandar “minn fuq il-bjut” [72] il-messaġġ afdat f’idejha. Fihom hija ssib verżjoni moderna u effettiva tal-pulptu. Bis-saħħa tagħhom jirnexxilha tkellem lill-folol.

Iżda b’danakollu, l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali għall-evanġelizzazzjoni jippreżentalna sfida: permezz tagħhom il-messaġġ evanġeliku għandu jilħaq għadd l-aktar kbir ta’ nies, iżda jrid ikollu l-kapaċità li jinfed il-kuxjenza ta’ kull individwu, li jixxettel f’qalbu bħallikieku huwa biss kien l-unika persuna li qed tiġi ndirizzata, bil-kwalitajiet l-iżjed individwali u personali, u li jqajjem fih aċċettazzjoni u mpenn kollu kemm hu personali.

Indispensabbli l-kuntatt personali

46. Għaldaqstant, flimkien mal-proklamazzjoni kollettiva tal-Vanġelu, tibqa’ valida u mportanti l-forma l-oħra ta’ xandir, dik ta’ persuna ma’ persuna. Il-Mulej użaha spiss (per eżempju ma’ Nikodemu, Zakkew, is-Samaritana, Xmun il-fariżew), u anke l-Appostli. Fl-aħħar mill-aħħar hemm xi manjiera oħra kif wieħed jista’ jgħaddi l-Vanġelu jekk mhux billi jikkomunika lil persuna oħra l-esperjenzi personali tiegħu tal-fidi? Ma nistgħux inħallu li l-urġenza biex inxandru l-Aħbar Tajba lill-folla iġġiegħelna ninsew din il-manjiera ta’ xandir li biha l-kuxjenza personali ta’ l-individwu tiġi milħuqa u mħarrka minn dinja għal kollox differenti li jirċievi mingħand ħaddieħor. Ma nistgħu qatt infaħħru biżżejjed dawk is-saċerdoti li permezz tas-Sagrament tal-Penitenza jew permezz tad-djalogu pastorali, joffru ruħhom ħalli jmexxu l-erwieħ fit-triqat tal-Vanġelu, isostnuhom fl-isforzi tagħhom, jerfagħuhom jekk jaqgħu, u dejjem jassistuhom bil-għaqal u blli jagħtuhom iċ-ċans li jsibuhom.

Il-funzjoni tas-Sagramenti

47. Iżda, ma nistgħux intennu biżżejjed il-fatt li l-evanġelizzazzjoni ma tikkonsistix biss fil-predikazzjoni u fit-tagħlim tad-duttrina. Għax l-evanġelizzazzjoni jeħtieġ tolqot il-ħajja: il-ħajja naturali li biha tieħu tifsira ġdida, bis-saħħa tal-perspettivi evanġeliċi li tirrivela; u l-ħajja sopranaturali, li mhix ċaħda iżda purifikazzjoni u elevazzjoni tal-ħajja naturali.

Din il-ħajja sopranaturali ssib l-espressjoni ħajja tagħha fis-seba’ Sagramenti u fil-għotja meraviljuża tal-grazzja u l-qdusija li huma jagħtu. Hekk l-evanġelizzazzjoni teżerċità l-milja tal-qawwa tagħha meta toħloq relazzjoni l-aktar intima, jew aħjar, inter-komunikazzjoni permanenti, u li ma taqtax, bejn il-Kelma u s-Sagramenti. F’ċertu sens inkunu qed niżbaljaw meta nagħmlu kuntrast bejn l-evanġelizzazzjoni u s-sagramentalizzazzjoni, kif xi drabi jsir. Huwa veru, iva, li ċerta manjiera kif jiġu amministrati s-Sagramenti mingħajr l-appoġġ sod tal-katekeżi globali, tispiċċa biex iċċaħħadhom ħafna u ħafna mill-effett tagħhom. Il-funzjoni tal-evanġelizzazzjoni hi preċiżament dik li teduka l-poplu fil-fidi b’mod li twassal lil kull nisrani biex igħix is-Sagramenti bħala veri Sagramenti tal-fidi – u mhux li jirċevihom passivament – li jifhem x’inhuma.

Id-devozzjonijiet popolari

48. Hawn sa nsemmu aspett ta’ l-evanġelizzazzjoni li m’għandux iħallina insensibbli. Nixtieq nitkellmu dwar dak li llum spiss jissejjaħ ir-reliġjożità popolari.

Fost il-poplu aħna nsibu espressjonijiet partikolari ta’ kif ifittxu lil Alla u l-fidi, sew f’inħawi fejn il-Knisja ilha li ġiet imwaqqfa u kemm fejn għadha qed tiġi stabbilita. Dawn l-espressjonijiet għal ħafna żmien kienu jiġu kkunsidrati inqas ġenwini u xi drabi kienu ddisprezzati; iżda llum, kważi kullimkien qegħdin ikunu misjubin mill-ġdid. Matul l-aħħar Sinodu l-Isqfijiet studjaw it-tifsira tagħhom b’realiżmu pastorali u bil-ħerqa.

Ir-reliġjożità popolari, m’għandniex xi ngħidu, trid tinżamm f’ċerti limiti. Spiss hija suġġett għall-periklu li jidħlu fiha bosta tgħawwiġ tar-reliġjon u superstizzjonijiet. Spiss tieqaf fil-livell ta’ forom ta’ qima u ma tilobx il-vera aċċettazzjoni tal-fidi. Tista’ anke twassal biex jinħolqu setet u biex tkun ta’ perikolu għall-vera komunjoni ekkleżjali.

Iżda jekk ikunu orjentati sewwa, fuq kollox permezz ta’ pedagogija ta’ l-evanġelizzazzjoni, dawn id-devozzjonijiet għandhom għana ta’ valuri. Juru għatx ta’ Alla li l-erwieħ sempliċi u fqajrin kapaċi jħossu. Iwasslu l-poplu għall-ġenerożità u sagrifiċċju saħansitra sa’ l-erojiżmu, meta tkun kwistjoni li jagħtu xhieda ta’ twemminhom. Timplika li dawk in-nies iħossu profondament l-attribut ta’ Alla: Il-Missier li jipprovdilhom, iħobbhom, u dejjem magħhom. Tnissel attitudi nterjuri li rarament insibu fl-istess grad band’oħra: Sabar, is-sens tas-Salib fil-ħajja ta’ kuljum, distakk, qalb miftuħa għall-proxxmu, imħabba u qima. Minħabba f’dawn l-aspetti, aħna nsejħulhom pjuttost “devozzjoni popolari”, jiġifieri reliġjon tal-poplu, milli reliġjożità

Il-karità pastorali għandha turi lil dawk kollha li l-Mulej qiegħed bħala mexxejja tal-komunitajiet ekkleżjali liema hi l-attitudni xierqa li għandhom jieħdu quddiem din ir-realtà. Li hi, fl-istess waqt, hekk għanja u hekk faċilment tista’ tiġi mgħawġa. Fuq kollox, jeħtieġ li dak li jkun jimxi bid-delikatezza, jagħraf jiskopri id-dimensjonijiet interjuri tagħha, il-valuri veri, u jkun lest biex jgħinha tevita l-periklu li titgħawweġ. Meta tkun orjentat sewwa, din ir-reliġjożità popolari tista’ tkun għal eluf u eluf oħra tal-poplu tagħna, vera laqgħa ma’ Alla f’Ġesú Kristu.

V. LIL MIN NEVANĠELIZZAW

Indirizzata lil kulħadd

49. L-aħħar kelmiet ta’ Ġesú fil-Vanġelu ta’ S. Mark jagħtu lill-evanġelizzazzjoni li Kristu Sidna jħalli f’idejn l-Appostli Tiegħu, universalità bla qies “Morru fid-dinja kollha; xandru l-Aħbar Tajba lill-ħlejjaq kollha” [73].

It-Tnax u l-ewwel ġenerazzjoni ta’ kristjani fehmu sewwa it-tifsira ta’ dawk il-kelmiet u ta’ oħrajn bħalhom: għandhom il-programm tal-ħidma tagħhom. Anke l-persekuzzjoni li xerrdet l-Appostli, għenet biex il-Kelma tinfirex u biex il-Knisja titwaqqaf f’artijiet dejjem aktar imbiegħda. Id-dħul ta’ San Pawl fost l-Appostli u l-Kariżma tiegħu ta’ l-Appostlu tal-pagani (dawk li ma kienux Lhud) biex iħabbrilhom il-Miġja ta’ Ġesú, uriet aktar ċar din l-universalità.

Minkejja t-tfixkil kollu

50. Fil-medda ta’ għoxrin seklu ta’ storja, il-ġenerazzjonijit tal-insara minn żmien għal żmien sabu quddiemhom diversi ostakli għall-qadi ta’ din il-missjoni universali. Minn naħa waħda, fost l-evanġelizzaturi stess, ġieli kien hemm it-tentazzjoni, għal diversi raġunijiet, li jillimitaw il-qasam missjunarju tagħhom. Mill-banda l-oħra, kien hemm spiss reżistenza li umanament ma tistax tirbaħha, minn naħa ta’ dawk li kienu qed jiġu evanġelizzati. Barra minn hekk, jeħtieġ ngħidu b’dispjaċir, li l-opra evanġelizzatriċi tal-Knisja hija imfixkla sħiħ, jekk mhux ukoll impedita, minn ċerti gvernijiet. Anke fi żmienna naraw li dawk li jxandru l-Kelma ta’ Alla huma miċħuda d-drittijiet tagħhom, ippersegwitati, imheddin jew imwarrbin min-nofs, sempliċement għaliex jippriedkaw lil Ġesú Kristu u l-Vanġelu Tiegħu. Imma aħna nittamaw li minkejja dawn il-provi dolorużi, il-ħidma ta’ dawn l-appostli mhix sa tibqa’ sa l-aħħar bla frott, fl-ebda parti tad-dinja.

Minkejja tfixkil bħal dan, il-Knisja dejjem iġġedded l-ispirazzjoni profonda tagħha li tiġiha direttament mill-Mulej: lid-dinja kollha! Lill-ħlejjaq kollha! Dan għamiltu darb’oħra fl-aħħar Sinodu, bħala appell biex ma noħonqux ix-xandira tal-Vanġelu billi nillimitawh għal sezzjoni waħda tal-bnedmin jew għal klassi waħda tal-poplu jew għal kwalità waħda ta’ ċiviltà. Xi eżempji jixħtu dawl fuq dan.

L-ewwel tħabbira lil dawk li huma mbegħdin

51. Li nħabbru lil Ġesú Kristu u l-Evanġelu Tiegħu lil dawk li ma jafuhx, kien, sa mill-għodwa ta’ Pentekoste, il-programm fundamntali li ħaddnet il-Knisja bħala mogħti lilha mill-Fundatur tagħha. It-Testment il-Ġdid kollu, u b’mod speċjali l-Atti ta’ l-Appostli, jagħtu xhieda tal-mument privileġġjat u f’ċertu sens eżemplari, ta’ dan l-isforz missjunarju, li ‘l quddiem ħalla l-marka tiegħu fuq l-istorja kollha tal-Knisja.

Hija twassal din l-ewwel xandira ta’ Ġesú kristu permezz tal-ħidma kkomplikata u varjata li xi drabi hija msejħa “Pre-evanġelizzazzjoni”, li pero’ hija diġa’ evanġelizzazzjoni fil-veru sens, għad li għadha fil-bidu. Hemm kwantità ta’ mezzi li jistgħu jiġu wżati għal dan l-iskop: m’għandniex xi ngħidu, il-predikazzjoni diretta, iżda wkoll l-arti, l-aspett xjentifiku, it-tiftix filosofiku u l-appell leġittimu għas-sentimenti tal-qalb umana.

Tħabbira mill-ġdid lid-dinja skristjanizzata

52. Din l-ewwel tħabbira hija ndirizzata b’mod speċjali lil dawk li qatt ma semgħu l-Aħbar Tajba ta’ Ġesú, jew lit-tfal. Iżda, minħabba fis-sitwazzjoni li spiss niltaqgħu magħhom ta’ dekristjanizzazzjoni fi żmenijietna, nagħrfu li hija meħtieġa xejn inqas għal għadd bla qies ta’ nies li huma mgħammdin, iżda li qegħdin jgħixu għal kollox ‘il barra mill-ħajja Kristjana; għal nies sempliċi li għandhom b’xi mod il-fidi iżda m’għandhomx ħlief tagħrif imperfett tal-pedamenti ta’ dik l-istess fidi; għall-intellettwali li jħossu l-bżonn li jagħrfu lil Ġesú Kristu f’dawl differenti minn dak tat-tagħlim li rċevew fi ċkunithom; u għal ħafna oħrajn.

Lil dawk ta’ reliġjonijiet mhux Insara

53. Din l-ewwel tħabbira hija mmirata wkoll għal dawk l-oqsma mmensi tal-bnedmin li jipprattikaw reliġjonijiet mhux insara. Il-Knisja, tirrispetta u tistma dawn ir-reliġjonijiet mhux insara, għaliex huma espressjoni ħajja tar-ruħ ta’ ġemgħat kbar ferm ta’ popli. Huma, jġorru fihom l-eku tat-tfittix ta’ Alla li ilu sejjer eluf ta’ snin, tiftix mhux sħiħ, iva, iżda magħmul spiss bl-akbar sinċerità u onestà tal-qalb. Huma għandhom wirt tal-għaġeb ta’ kotba profondament reliġjużi. Huma għallmu lil bosta ġenerazzjonijiet ta’ nies kif għandhom jitolbu. Huma kollha magħġuna b’għadd bla tarf ta’ “żerriegħa tal-Kelma” [74] u jistgħu jkunu veri “tħejjija għall-Evanġelu” [75], kif jgħidilna il-Konċilju Vatikan II bi frażi milquta meħuda minn Ewsebju ta’ Cesarea.

Sitwazzjoni bħal din toħloq ċertament mistoqsijiet ikkomplikati li jitolbu studju fid-dawl tat-Tradizzjoni Nisranija u tal-Maġisteru tal-Knisja sabiex tkun tista’ toffri lill-missjunarji tal-lum u tal-ġejjieni orizzonti ġodda meta jagħmlu kuntatti ġodda mar-reliġjonijiet mhux Kristjani. Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni, speċjalment illum, li la r-rispett u l-istima ta’ dawn ir-reliġjonijiet u lanqas il-komplikikazzjoni tal-mistoqsijiet li jitqanqlu ma huma stedina lill-Knisja biex tieqaf milli xxandar lil Ġesú Kristu lil dawn li ma’ humiex insara. Għall-kuntrarju, il-Knisja temmen li dawn il-ġnus għandhom id-dritt li jkunu jafu il-għana tal-misteru ta’ Kristu [76] - rikkezzi li fihom, aħna nemmnu li l-bnedmin kollha jistgħu jsibu, fil-milja li lanqas biss jobsruha, dak kollu li qegħdin ifittxu fid-dlam dwar Alla, dwar il-bniedem u d-destin tiegħu, dwar il-ħajja u l-mewt u l-verità.

Anke meta hija tiltaqa’ ma espressjonijiet reliġjużi naturali li jixirqilhom stima, il-Knisja ssib konferma tagħha nnfisiha fil-fatt hu r-reliġjon ta’ Ġesú li hija xxandar permezz ta’ l-evanġelizzazzjoni, tqiegħed lill-bniedem oġġettivament f’relazzjoni mal-pjan ta’ Alla, mal-preżenza Tiegħu ħajja u ma’ l-azzjoni Tiegħu; u hekk hija tlaqqa’ l-misteru tal-paternità divina mal-umanità. Fi kliem ieħor, ir-reliġjon tagħna tistabilixxi relazzjoni awtentika u ħajja ma’ Alla, ħaġa li r-reliġjonijiet l-oħra ma jirnexxilhomx jagħmlu, avolja huma għandhom, biex ngħidu hekk, dirgħajhom mgħollija lejn is-sema.

Din hi r-raġuni li l-Knisja żżomm l-ispirtu missjunarju tagħha ħaj, u saħansitra tixtieq tħeġġu aktar fil-mument storiku ta’ issa.

Il-Knisja ma jkollhiex mistrieħ sakemm ma tkunx għamlet kull ma tista’ biex tipproklama l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesú Salvatur. Hi qegħda dejjem tħejji ġenrazzjonijiet ġodda ta’ appostli. Ħalli ngħidu dan bil-ferħa fiż-żmien li ma jonqsux dawk li jaħsbu u anke jgħidu li l-ħerqa u l-ispirtu appostoliku huma mitfija, u li ż-żmien tal-missjonijiet issa spiċċa. Is-Sinodu wieġeb li x-xandira misjunarja qatt ma tispiċċa u li l-Knisja tibqa’ dejjem titħabat ħalli dix-xandira sseħħ.

Irfid għall-fidi ta’ dawk li jemmnu

54. B’danakollu l-Knisja ma tħossx ruħha iddispensata milli tixħet l-attenzjoni kontinwa fuq dawk ukoll li rċevew il-fidi u ilhom li ġew f’kuntatt mal-Vanġelu għal ġenrazzjonijiet sħaħ. Hawn hija tfittex li tinżel fil-fond, isaħħaħ, tmantni u tagħmel dejjem iżjed matura l-fidi ta’ dawk li diġa’ jissejħu fidili jew ‘kredenti’, sabiex huma jsiru dejjem aktar sħaħ fit-twemmin.

Illum il-ġurnata, il-fidi hija kważi dejjem esposta għas-sekulariżmu, u wkoll għall-ateiżmu militanti. Hi esposta għall-provi u theddid u, iżjed minn hekk, hija fidi maħnuqa u attivament imfixkla. Qegħdha fis-sogru li tinqered, fgata jew bil-ġuħ jekk ma tiġix mitmuha u sostnuta kuljum. Biex iseħħ l-evanġelizzazzjoni spiss jeħtieġ, għalhekk, li l-fidi ta’ dawk li jemmnu tirċievi dan l-ikel u n-nutriment neċessarju permezz ta’ katekeżi ħajja tal-Vanġelu u b’lingwaġġ adattat għall-poplu u għaċ-ċirkostanzi.

Il-Knisja għandha wkoll interess ħaj f’dawk l-insara li ma humiex f’għaqda sħiħa magħha. Filwaqt li hija qed tħejji magħhom dik l-għaqda li Kristu jrid, u preċiżament biex isseħħ l-għaqda fil-verità, il-Knisja hi konvinta li tkun qiegħda tonqos gravement jekk ma tagħtix quddiemhom xhieda tal-milja tar-rivelazzjoni, li tagħha hija tħares id-depożitu,

Dawk li ma jemmnux

55. L-aħħar Sinodu uriena l-preokkupazzjoni tiegħu dwar żewġ oqsma li huma ferm differenti minn xulxin, iżda fl-istess waqt qrib ħafna ta’ xulxin, minħabba l-isfida li jagħmlu, kull wieħed bil-manjiera tiegħu, lill-evanġelizzazzjoni. L-ewwel hemm dak li nistgħu nsejħulu t-tkattir ta’ nies li ma jemmnux. Is-Sinodu pprova jiddeskrivi d-dinja moderna: kemm hemm kurrenti ta’ ħsieb, ta’ valuri u kontrovaluri, xenqiet moħbija jew żrieragħ ta’ qirda, konvinzjonijiet antiki li qed igħibu u oħrajn ġodda li qed jitfaċċaw. Mill-aspett spiritwali, id-dinja moderna ġiet imgħaddsa għal dejjem fid-“dramm tal-umaneżimu atew” kif sejjaħlu wieħed kittieb [77].

Minn naħa waħda bilfors ninnutaw f’qalb din id-dinja ta’ żmienna l-fenomenu li qed isir kważi l-karatteristika li l-aktar tolqtok: is-sekulariżmu.

M’aħniex qed nitkellmu hawn mis-sekularizzazzjoni, li hu dak l-isforz, fih innifsu ġust u leġittmu, u li jista’ joqgħod mal-fidi u mar-reliġjon, li l-bnedmin jagħmlu biex jiskopru fil-ħolqien, f’kull ma hemm u jiġri fl-univers, il-liġijiet li jirregolawhom b’ċerta awtonomija, iżda bil-konvinzjoni nterna li l-Ħallieq qiegħed hemm dawk il-liġijiet. L-aħħar Konċilju iddikjara f’dan is-sens l-awtonomija leġittma tal-kultura u x-xjenza [78].

Hawn qegħdin nitkellmu minn sekulariżmu proprju: dik l-ideja tad-dinja li trid tgħid li din tista’ tispjega lilha nnfisha mingħajr ħtieġa li tirrikorri għal għand Alla, u li Hu għalhekk isir żejjed u ta’ tfixkil. Bil-għan li jagħraf is-setgħa tal-bniedem, din ix-xorta ta’ sekulariżmu jispiċċa billi jwarrab lil Alla u saħansitra jiċħdu.

Dawk li ma jipprattikawx ir-reliġjon

56. It-tieni sfera hi ta’ dawk li ma jipprattikawx ir-reliġjon. Illum jeżistu għadd kbir ta’ nies imgħammdin li fil-maġġoranza ma ċaħdux formalment il-Magħmudija tagħhom, iżda saru għal kollox indifferenti għaliha u ma’ humiex jgħixu skond ma titlob. Il-fenomenu ta’ dawk li ma jipprattikawx huwa wieħed antik ħafna fl-istorja tal-Kristjaneżimu; dan huwa r-riżultat ta’ dgħufija naturali, ta’ nkonsistenza profonda li sfortunatament hemm ġewwa fina. Iżda llum, din qed turi karatteristiċi ġodda. Spiss hija r-riżultat ta’ ħajja mqaċċta mill-għeruq, tipika ta’ żmenijietna. Tiġi wkoll mill-fatt li l-Insara qed igħixu spalla ma’ spalla ma’ dawk li ma jemmnux u l-ħin kollu qed isofru l-effetti tan-nuqqas ta’ twemmin. Barra minn hekk, l-Insara ta’ żmienna li ma jipprattikawx aktar minn dawk ta’ qabel, jippruvaw jispjegaw u jiġġustifikaw il-pożizzjoni tagħhom f’isem ta’ ‘reliġjon’ interjuri, ta’ ndipendenza personali jew ta’ awtentiċità

Hekk ninsabu bejn l-atej u dawk li ma jemmnux u bejn dawk li ma jipprattikawx u ż-żewġ gruppi joffru reżistenza qawwija għall-evanġelizzazzjoni. Ir-reżistenza ta’ l-ewwel grupp narawha f’ċertu rifjut u nuqqas ta’ kapaċità biex jifhmu l-ordni ġdid ta’ żmienna, it-tifsira ġdida tad-dinja, tal-ħajja u ta’ l-istorja; dan mhux possibbli għall-bniedem jekk ma jibdiex minn assolut divin. Ir-reżistenza tat-tieni grupp tieħu s-sura ta’ inerzja u ta’ dik l-attitudni kemm xejn ostili ta’ min iħoss li huwa minn ta’ ġewwa, li jippretendi li għandu t-tweġibiet kollha, li pprova kollox u li m’għandux jemmen kollox.

Is-sekulariżmu atejista u n-nuqqas ta’ prattika reliġjuża nsibuhom fil-kbar u fiż-żgħażagħ, fost il-mexxejja tas-soċjetà u fost in-nies komuni, ta’ kull grad ta’ edukazzjoni, sew fil-Knejjes antiki kemm fil-ġodda. Il-ħidma tal-Knisja li tevanġelizza, għalhekk ma tistax tinjora dawn iż-żewġ dinjiet, u lanqas ma tista’ tieqaf meta ssibhom quddiemha; jeħtieġ li l-ħin kollu ssib il-mezzi u l-lingwaġġ adattati biex tippreżentalhom, jew terġa tippreżentalhom, ir-rivelazzjoni ta’ Alla u l-fidi f’Ġesú Kristu.

Xandira lil folol

57. Bħalma għamel Kristu meta kien jippriedka, u bħal ma għamlu t-Tnax fil-għodwa ta’ Pentekoste, l-Knisja wkoll tara quddiemha folla mmensa ta’ nies li għandhom bżonn il-Vanġelu u li għandhom dritt għalih għaliex Alla “jrid li kulħadd isalva u jikseb il-għarfien sħiħ tal-verità [79].

Il-Knisja qed tintebaħ profondament bid-dmir tagħha li tippriedka s-salvazzjoni lil kulħadd. Taf li l-messaġġ tal-Vanġelu mhux riservat għall-grupp żgħir ta’ dawk li laqgħuh, tal-privileġġjati jew tal-magħżulin, iżda huwa destinat għal kulħadd; u għalhekk, hija taqsam id-dulur ta’ Kristu meta tara l-folol jiġġerrew ‘l hinn u ‘l hawn “bħal nagħaġ mingħajr rgħaj” u spiss hija ttenni kliemu: “Tiġini ħasra minn dawn in-nies kollha” [80]. Iżda l-Knisja qed tintebaħ ukoll bil-fatt li, biex ix-xandir tal-Vanġelu jkun effettiv qalb dawn il-folol, jeħtieġ li hija timmira l-messaġġ tagħha lill-komunitajiet tal-fidili li bil-ħidma tagħhom jistgħu u għandhom jilħqu lill-oħrajn.

Il-komunitajiet ekkleżjali tal-bażi.

58. L-aħħar Sinodu ħaseb ħafna fuq dawn il-komunitajiet żgħar jew “komunitajiet tal-bażi” għaliex sikwit jissemmew fil-Knisja tal-lum. X’inhuma? Għaliex jistgħu jitqiesu bħala postijiet fejn tinħadem l-evanġelizzazzjoni u, fl-istess ħin, postijiet minn fejn din taħdem?

Skond ix-xhieda differenti li nstemgħu fis-Sinodu, dawn nibtu kważi fil-Knisja kollha u jiddifferixxu ħafna bejniethom, kemm fi ħdan l-istess żona u, aktar u aktar, bejn żona u oħra.

F’ċerti żoni jinbtu u jikbru, b’xi eċċezzjonijiet żgħar, fi ħdan il-Knisja, ħaġa waħda ma’ ħajjitha, mrawwma fuq it-tagħlim u magħquda mar-Rgħajja tagħha. F’dan il-każ huma risposta għall-bżonn li wieħed igħix aħjar il-ħajja tal-Knisja, jew għax-xewqa u għat-tfixxija ta’ dimensjoni aktar umana li l-komunitajiet ekkleżjali akbar diffiċilment jistgħu joffru, speċjalment fl-ilbliet il-kbar tal-lum, bliet li fihom l-individwu jintilef fil-massa u jsir anonimu. Jistgħu jsaħħu l-komunità soċjoloġika żgħira, bħal gruppi rurali u oħrajn, bil-manjiera tagħhom u fuq livell spiritwali u reliġjuż – kult, tisħiħ tal-fidi, karità tal-aħwa, talb, komunjoni mar-Rgħajja. Jew inkella jfittxu jiġbru, għas-smigħ u l-meditazzjoni tal-Kelma, għas-Sagramenti u r-rabta tal-Agape (Ewkaristija), gruppi fejn il-membri jixxiebħu mħabba l-età, il-kultura, l-istat ċivili u s-sitwazzjoni soċjali tagħhom: koppji, żgħażagħ, professjonisti u oħrajn, gruppi fejn il-persuni ġa jinsabu magħqudin, fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, fil-ġlieda għall-ġustizzja, għall-għajnuna ta’ aħwa lill-fqar, għall-promozzjoni umana. Jew inkella, fl-aħħar, jistgħu jiġbru l-insara flimkien, hemm fejn in-nuqqas ta’ Saċerdoti ma jippermettix il-ħajja normali ta’ komunita parrokkjali. Dan kollu hu meqjus bħala eżistenti fi ħdan il-komunitajiet ġa mwaqqfa fil-Knisja – speċjalment dawk tal-Knejjes partikolari u tal-Parroċċi.

F’żoni oħra pero’, il-komunitajiet tal-bażi jistgħu jinġabru fi spirtu ta’ kritika ħarxa lill-Knisja, li huma jqisu faċilment bħala “istituzzjonali”. Għal din, jopponu ruħhom bħala komunitajiet kariżmatiċi, ħielsa mill-istrutturi ispirati biss mill-Vanġelu. U għalhekk għandhom bħala karatteristika atteġġjament ċar li jgħajjar u jarmi dak kollu li hu espressjoni tal-Knisja – jiġifieri l-ġerarkija u s-sinjali tagħha. Jikkontestaw radikalment din il-Knisja. Fuq din il-linja, l-ispirazzjoni tagħhom spiss issir ideoloġika u għalhekk aktarx isiru vittma ta’ għażla politika, ta’ kurrent – u hekk ta’ sistema, anzi ta’ partit – bir-riskju li dan iġib li huma stess isiru strumenti ta’ ħaddieħor.

Id-differenza hi ġa kbira: il-komunitajiet li minħabba l-ispirtu ta’ kontestazzjoni tagħhom jinqatgħu barra mill-Knisja – u hekk idgħajjfu l-unità tagħha – jistgħu jissejħu “komunitajiet tal-bażi” imma f’sens biss soċjoloġiku. Ma jistgħux jissejħu, bla ma nabbużaw bil-kliem, komunitajiet ekkleżjali tal-bażi anke jekk, huma u jibqgħu kontra l-Ġerarkija, jippretendu jippreseveraw fl-unità tal-Knisja. Dan it-titolu jmiss biss lil oħrajn – lil dawk li jiltaqgħu fil-Knisja biex ikabbru l-Knisja.

Dawn il-komunitajiet tal-aħħar isiru post ta’ evanġelizzazzjoni, għall-ġid ta’ komunjonijiet akbar, speċjalment fil-Knejjes partikolari u jsiru tama għall-Knisja universali, kif għidna bil-bidu tal-imsemmi Sinodu, skond kemm josservaw dawn il-kondizzjonijit:

a. Ifittxu l-ikel tagħhom fil-Kelma ta’ Alla, ma jħallux lilhom infushom jinqabdu fil-ġbid tal-politika jew fl-ideoloġiji tal-mument u jkunu lesti dejjem iħaddmu l-potenzjal uman tagħhom;

b. Jaħarbu t-tentazzjoni li dejjem theddidhom: il-kontestazzjoni sistematika u l-ispirtu ta’ kritika esaġerata taħt il-pretest ta’ awtentiċità u ta’ spirtu ta’ kollaborazzjoni.

c. Jibqgħu marbutin tajjeb mal-Knisja partikolari, li fiha jsibu posthom u mal-Knisja universali u hekk jiskartaw il-periklu, wisq reali, li jinqatgħu għalihom infushom, bil-ħsieb li huma biss il-Knisja awtentika ta’ Kristu u hekk jikkundannaw lill-komunitajiet ekkleżjali l-oħra.

d. Iħarsu komunjoni sinċiera mar-Rgħajja li l-Mulej jagħti lill-Knisja tiegħu u mal-Maġisteru, li l-Ispirtu ta’ Kristu fdalhom f’idejhom.

e. Ma jqisux lilhom infushom qatt bħala l-uniċi ħaddiema tal-evanġelizzazzjoni – jew l-uniċi milqutin minnha – jekk mhux l-uniċi depożitarji tal-Vanġelu! Imma jifhmu li l-Knisja wisq akbar u wisq aktar varjata minnhom u jaċċettaw li din il-Knisja tinkarna taħt forom diversi minn tagħhom.

f. Jikbru kuljum fil-fehma, fiż-żelu, fl-impenn u fit-tixrid missjunarju.

g. Jidhru f’kollox bħala mimlijin bi spirtu ta’ universalità, li jħaddan lill-umanità kollha u ‘l bogħod mill-ispirtu tas-setta.

Taħt dawn il-kondizzjonijiet, eżiġenti imma entużjażmanti, il-komunitajiet ekkleżjali tal-bażi jkunu jaqblu mal-vokazzjoni fondamentali tagħhom: li jisimgħu l-Vanġelu, mxandar lilhom, u oġġett privileġġjat tal-ħidma tal-evanġelizzazzjoni u li b’hekk, bla telf ta’ żmien, isiru ħabbara tal-istess Vanġelu.

 

VI. MIN JEVANĠELIZZA

Il-Knisja: kollha kemm hi missjunarja

59. Jekk hemm nies li jħabbru lid-dinja l-Vanġelu tas-salvazzjoni, dan jagħmluh bil-kmand ta’ Kristu s-Salvatur, f’ismu u bil-grazzja Tiegħu. “Ma kienx ikollhom min iħabbarulhom mingħajr wieħed li kien mibgħut” [81] kiteb wieħed li kien ċertament fost l-aqwa evanġelizzaturi. Ħadd ma jista’ jagħmel dan mingħajr ma jkun mibgħut.

Iżda min għandu l-missjoni li jevanġelizza?

Il-Konċilju Vatikan II jagħtina tweġiba ċara għal din il-mistoqsija: “Huma dawk li b’mandat divin, jaqa’ fuqhom id-dmir li jixtered mad-dinja kollha u jitħabbar il-Vanġelu lill-bnedmin kollha” [82]. U f’post ieħor “...il-Knisja kollha hija missjunarja, u l-ħidma ta’ l-evanġelizzazzjoni hu d-dmir fundamentali tal-Poplu ta’ Alla” [83].

Diġa‘ semmejna din ir-rabta ntima bejn il-Knisja u l-evanġelizzazzjoni. Waqt li l-Knisja qegħda tħabbar is-Saltna ta’ Alla u tibniha, tkun qed twaqqaf lilha nfisha f’nofs id-dinja bħala s-sinjal u l-għodda ta’ din is-Saltna li waslet u li għad trid tiġi. Il-Konċilju jtenni din l-espressjoni ta’ Santu Wistin dwar il-ħidma ta’ l-Appostli: “Huma xandru l-kelma tas-sewwa u nisslu l-knejjes” [84].

Att ekkleżjali

60. L-osservazzjoni li l-Knisja ġiet mibgħuta u li rċeviet il-mandat biex tevanġelizza d-dinja, għandha tqanqal fina żewġ konvinzjonijiet.

L-ewwel: li l-evanġelizzazzjoni mhi għal ħadd att individwali u iżolat; hija ħidma profondament ‘ekkleżjali’ (tal-ġemgħa). Meta xi predikatur, anke l-inqas magħruf, xi katekista jew ragħaj fl-ibgħad rokna tad-dinja jiġbor il-komunità ċkejkna tiegħu jew jamministra Sagrament, anke jekk waħdu, huwa jkun qed jagħmel att ekkleżjali u għemilu hu ċertament marbut mal-opra evanġelizzatriċi strutturali, iżda wkoll bir-rabtiet profondi li ma jidhrux, fl-ordni tal-grazzja. Dan jitlob, m’għandniex xi ngħidu, li huwa opra mhux bis-saħħa ta’ missjoni li ġejja minnu nnifsu jew fuq l-ispirazzjoni personali, iżda f’għaqda mal-missjoni tal-Knisja u f’isimha.

Minn dan tiġi t-tieni konvinzjoni: jekk kull individwu jevanġelizza f’isem il-Knisja, li hi stess tagħmel dan bis-saħħa tal-mandat tal-Mulej, ebda evanġelizzatur, mela, ma hu padrun assolut ta’ l-opra evanġelizzatriċi tiegħu; m’għandux setgħa jagħżel bi kriterji u perspettivi personali tiegħu kif sa jaqdiha; huwa għandu jopra f’għaqda mal-Knisja u mar-Rgħajja tagħha.

Għidna li l-Knisja hi kollha kemm hi u totalment evanġelizzatriċi. Dan ifisser li fid-dinja kollha u f’kull parti minnha fejn hi preżenti, l-Knisja tħoss ruħha responsabbli għat-tixrid tal-Vanġelu.

Quddiem għajnejha d-dinja kollha

61. Maħbubin Ħutna u Uliedna, f’dan il-mument tal-meditazzjoni tagħna, nixtiequ nieqfu magħkom fuq kwistjoni ta’ mportanza partikulari fiż-żmenijiet tal-lum. Meta kienu jiċċelebraw il-liturġija, meta kienu jagħtu xhieda quddiem l-imħallfin, quddiem dawk li kienu ser jagħtuhom il-mewt, u fil-kitba apoloġetika tagħhom, l-ewlenin Insara stqarrew fil-beraħ il-fidi profonda tagħhom fil-Knisja u ddeskrivewha bħala mxerrda ma’ l-univers kollu. Kienu jħossu bis-sħiħ li kienu jagħmlu sehem minn komunità kbira li tiżboq l-ispazju u ż-żmien: “Minn żmien Abel il-ġust sa l-aħħar wieħed mill-magħżulin [85], iva, “sa truf l-art” [86], u “sa l-aħħar taż-żmien” [87].

Hekk riedha tkun, il-Mulej, il-Knisja Tiegħu: universali, siġra kbira li tagħti kenn lill-għasafar ta’ l-ajru [88]. Xibka li tiġbor fiha kull xorta ta’ ħut [89], jew li Pietru jiġbed lejn l-art, mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira [90]; merħla li għandha ragħaj wieħed li jeħodha tirgħa [91]. Knisja Universali mingħajr ħitan u fruntieri, ħlief dawk, jaħasra tal-qalb u l-moħħ tal-midinbin.

Il-perspettiva tal-knejjes partikulari

62. B’danakollu din il-Knisja universali tinkarna ruħha fil-prattika fi knejjes partikulari, iffurmati minn din jew dik il-parti tal-bnedmin li jitkellmu b’dak l-ilsien, werrieta ta’ dak il-patrimonju kulturali, ta’ viżjoni tad-dinja, ta’ storja, ta’ struttura umana partikulari. Li tilqa’ fi ħdana r-rikezza ta’ kull knisja ndividwali hija kwalità fil-Knisja li taqbel mas-sensibilità speċjali tal-bniedem modern.

Noqgħodu attenti ħafna, pero’, li ma niffurmawx l-ideja li l-Knisja universali hija t-total, jew, biex ngħidu hekk, speċi ta’ federazzjoni ftit jew wisq stramba, ta’ ħafna knejjes individwali essenzjalment differenti. Fil-ħsieb tal-Mulej, il-Knisja hija universali fil-vokazzjoni u fil-missjoni tagħha; iżda meta hi tixxettel f’artijiet li jkollhom varjetà ta’ kultura, użanzi, u modi kif igħixu, hija tieħu dehra esterna u tesprimi ruħha b’manjiera differenti f’kull parti tad-dinja.

Hekk kull knisja partikulari li minn rajha tinqata’ mill-Knisja universali, titlef postha fil-pjan ta’ Alla u titfaqqar fid-dimensjoni ekkleżjali tagħha. Fl-istess waqt, iżda, Knisja toto orbe diffusa (imxerrda mad-dinja kollha), kienet issir ħaġa fl-ajru kieku ma tinkarnax ruħha u kieku ma tgħix preċiżament permezz tal-knejjes individwali. Biss jekk inżommu għajnejna l-ħin kollu fuq dawn iż-żewġt it-truf tal-Knisja jirnexxielna nifhmu r-rikezza ta’ din ir-relazzjoni bejn il-Knisja universali u l-knejjes partikulari.

Adattament u fedeltà ta’ espressjoni

63. Il-knejjes partikulari, li huma mibnija ntimament mhux biss min-nies, iżda wkoll minn aspirazzjonijiet, rikkezzi u limitazzjonijiet, minn manjieri kif jitolbu, kif iħobbu, kif iħarsu lejn il-ħajja u lejn id-dinja li jagħżlu ġemgħa minn oħra, għandhom id-dmir li jinkorporaw l-essenza tal-messaġġ evanġeliku u li jaqilbuh, mingħajr l-iċken tradiment tal-verità essenzjali tiegħu, fil-lingwaġġ li dawn il-ġnus jifhmu, u mbagħad iħabbruh f’dan il-lingwaġġ.

Dan il-qlib għandu jsir bil-prudenza, bil-għaqal, bir-rispett u bil-ħila mistennija fil-qasam tal-espressjoni liturġika [92], u f’dawk tal-katekeżi, tal-formulazzjoni teoloġika, fl-istrutturi ekkleżjali sekondarji u fil-ministeri. U hawnhekk, il-kelma “lingwaġġ” għandna nifmuha iżjed fis-sens li jista’ jissejjaħ antropoloġiku u kulturali milli fis-sens tat-tifsir tal-kliem jew letterarju.

Bla dubju ta’ xejn din hi kwistjoni delikata. L-evanġelizzazzjoni titlef ħafna mill-forza u mill-effett tagħha jekk ma tagħtix każ tan-nies li għalihom timmira jekk ma tużax l-ilsien, is-sinjali u s-simboli tagħhom, jekk ma tweġibx il-mistoqsijiet li jagħmlu, u jekk ma jkolliex effett fuq il-ħajja konkreta tagħhom. Iżda mill-banda l-oħra, l-evenġelizzazzjoni tissogra li titlef is-setgħa tagħha u tispiċċa fix-xejn jekk taħt l-iskuża li jaqlibha f’sura oħra, wieħed ibattalha mill-kontenut tagħha jew jiffalsifikah; jew, fi kliem ieħor, jekk wieħed, bix-xewqa li jaddatta r-realtà universali għal sitwazzjoni lokali, jissagrifika dik ir-realtà u jkisser dik l-għaqda li mingħajrha ma jistax ikun hemm universalità tagħha u li turi li hija tabilħaqq universali, hi kapaċi li jkollha messaġġ li kulħadd jista’ jilqgħu, lil hinn u ‘l fuq minn kull fruntiera.

L-attenzjoni leġittma għall-knejjes partikulari ċertamanet tagħmel il-Knisja iżjed għanja. Din l-attenzjoni hija ndispensabbli u urġenti. Hija tweġiba għall-aspirazzjonijiet l-iżjed profondi tal-popli u tal-komunitajiet umani li jridu jsibu l-identità tagħhom dejjem aktar ċar.

Sens tal-Knisja Universali

64. Din il-għana, iżda, titlob li l-knejjes partikolari jżommu fihom profondament is-sens tal-Knisja universali. Hija ħaġa li toltqtok, infatti, li l-insara l-iżjed sempliċi, dawk li huma l-iżjed fidili għall-Vanġelu u l-iżjed miftuħa għat-tifsir ġenwin tal-Knisja, jilqgħu, b’sensitività kollha kemm hi mill-qalb, din id-dimensjoni universali. Huma jħossu minnufih u b’qawwa kbira l-bżonn tagħha, jgħarfu faċilment li huma mħaddna f’din id-dimensjoni. Huma jħossu magħha u jsofru sħiħ meta, f’isem ta’ xi teoriji li huma ma jistgħux jifhmu, xi ħadd jisfurzahom biex jaċċettaw Knisja mċaħħda minn din l-universalità, Knisja magħluqa f’biċċa art, mingħajr orizzont wiesa’.

Infatti l-istorja turina li, kull meta xi knisja partikulari nqatgħet mill-Knisja universali u miċ-ċentru ħaj u viżibbli tagħha – xi drabi bl-aħjar intenzjonijiet, b’argumenti teoloġiċi, soċjoloġiċi, politiċi u pastorali, jew inkella bix-xewqa li tikseb ċerta libertà ta’ moviment u ta’ azzjoni – dik il-knisja ħelset b’diffikultà kbira (jekk verament ħelset minn żewġ perikli l-iżjed serji: l-ewwel periklu hu li tibda tinxef waħedha, u mbagħad, f’qasir żmien, titfarrak, b’kull waħda miċ-ċelluli tagħha jinqatgħu minnha kif hi inqatgħet mill-qalba ċentrali. It-tieni periklu hu dak li titlef il-libertà tagħha għaliex meta tinqata’ miċ-ċentru u mill-knejjes l-oħra li jagħtuha s-saħħa u l-enerġija, malajr issib ruħha waħedha u esposta għal diversi qawwiet ta’ jasar u ta’ sfruttament..

Aktar ma knisja partikulari tkun marbuta mal-Knisja universali, bil-ħoloq sodi tal-komunjoni, tal-imħabba u l-lejaltà, bl-aċċettazzjoni tal-Maġisteru ta’ Pietru, fl-ghaqda tal-lex orandi, li hija wkoll il-lex credendi, fix-xewqa ta’ l-għaqda mal-knejjes l-oħra – aktar din il-Knisja tkun kapaċi li tesprimi it-teżor tal-fidi f’dik il-varjetà leġittma ta’ forom tal-istqarrija tal-fidi, tat-talb u tal-qima pubblika, tal-ħajja u l-imġieba kristjana u ta’ l-influwenza spiritwali fuq il-poplu li fosthom hija mwaqqfa.

Aktar wkoll tkun kapaċi li tevanġelizza, jiġifieri tixrob mill-wirt universali sabiex il-poplu tagħha jieħu ġid minnu, u kapaċi wkoll li tikkomunika lill-Knisja universali l-esperjenza u l-ħajja ta’ dan il-poplu, għall-ġid ta’ kulħadd.

Id-depożitu li ma jitbiddilx tal-Fidi.

65. Kien preċiżament f’dan is-sens, illi f’għeluq l-aħħar Sinodu aħna bi kliem ċar, mimli mħabba ta’ missier, insistejna fuq il-funzjoni tas-suċċesur ta’ Pietru bħala l-prinċipju ta’ l-għaqda viżibbli, ħajja u dinamika bejn il-knejjes u għalhekk ta’ l-universalità tal-Knisja Waħda [93].

Insistejna wkoll fuq ir-responsabbiltà gravi li lkoll għandna fuq spallejna, u li aħna naqsmu ma’ Ħutna l-Isqfijiet, li nħarsu bla mittiefes il-kontenut tal-fidi Kattolika li l-Mulej fada f’idejn l-Appostli. Waqt li jiġi mogħti espressjonijiet oħra, dan il-kontenut ma’ għandux jiġi mħassar jew mittiefes. Waqt li jiġi mlibbes bil-forom esterni partikulari għal kull poplu, u spjegat aħjar permezz ta’ espressjonijiet teoloġiċi li jagħtu każ tad-differenzi kulturali, soċjali u anke razzjali tal-ambjenti diversi, il-kontenut jeħtieġ jibqa’ dak tal-fidi Kattolika eżattament kif irċevih il-Maġisteru tal-Knisja u kif irid igħaddih hu.

Drittijiet diversi

66. Il-knisja kollha għalhekk għandha tevanġelizza, iżda fiha stess hemm funzjonijiet differenti ta’ evanġelizzazzjoni x’jitħaddmu. Din id-diversità ta’ servizzi fl-għaqda ta’ l-istess missjoni jiffurmaw il-għana u l-ġmiel ta’ l-evanġelizzazzjoni. Ħalli nsemmu fil-qosor dawn is-servizzi.

L-ewwel, irridu niġbdu l-attenzjoni fuq l-insistenza li nsibu fil-paġni tal-Vanġelu li biha l-Mulej tagħna Ġesú Kristu jafda lill-appostli d-dmir li jħabbru l-Kelma. Huwa għażilhom [94], ħarrriġhom tul diversi snin li dam jgħix magħhom [95], waqqafhom [96] u bagħathom jippriedkaw [97] bħala xhieda awtorizzati u għalliema tal-messaġġ tas-salvazzjoni. U t-Tnax, imbagħad, bagħtu lis-suċċessuri tagħhom, li fil-linja appostolika baqgħu jxandru l-Aħbar it-Tajba.

Is-Suċċessur ta’ Pietru

67. Is-Suċċessur ta’ Pietru huwa wkoll, bir-rieda ta’ Kristu, mgħobbi bil-ministeru pre-eminenti li jgħallem il-veritajiet rivelati. It-Testment il-Ġdid, juri spiss lil Pietru bħala “mimli bl-Ispirtu Santu” jieħu l-kelma fl-isem ta’ kulħadd [98]. Hu preċiżament għal din ir-raġuni li S. Ljun il-Kbir jiddeskrivih bħala dak li mmerità l-primat ta’ l-appostolat [99]. Għalhekk ukoll li leħen il-Knisja juri lil Papa “fl-għola quċċata – in apice, in specula – ta’ l-appostolat” [100].

Il-Konċilju Vatikan II ried jerġa’ jikkonferma dan meta ddikjara li “l-mandat ta’ Kristu li jippriedka l-Vanġelu lil kull ħolqien (ara Mk. 16, 15), jolqot primarjament u immedjatament, lill-Isqfijiet ma’ Pietru u taħt Pietru” [101].

Is-setgħa sħiħa, suprema u universali [102], li Kristu ried jafda lill-Vigarju Tiegħu għat-tmexxija pastorali tal-Knisja Tiegħu, tinsab speċjalment fl-attività tal-predikazzjoni u f’li jibgħat lil min jippriedka l-Aħbar Tajba tas-salvazzjoni, li l-Papa jeżerċita.

Isqfijiet u Saċerdoti

68. Magħqudin mas-Suċċessur ta’ Pietru, l-Isqfijiet li huma s-suċċessuri ta’ l-appostli, jirċievu bis-saħħa ta’ l-ordinazzjoni episkopali tagħhom, l-awtorità li jgħallmu lill-Knisja, il-verità rivelata. Huma, għalhekk, Imgħallmin tal-Fidi. Assoċjati ma’ l-Isqfijiet fil-ministeru ta’ l-evanġelizzazzjoni u responsabbli b’titlu speċjali, huma dawk li bis-saħħa ta’ l-ordinazzjoni saċerdotali, “jopraw fil-persuna ta’ Kristu” [103]. Għaliex huma l-edukaturi tal-poplu ta’ Alla, u predikaturi, fl-istess ħin li huma ministri ta’ l-Ewkaristija u tas-Sagramenti l-oħra.

Aħna r-rgħajja għalhekk aħna mistiedna biex inżommu quddiem għajnejna, aktar minn kull membru ieħor tal-Knisja, dan id-dmir. Hu dan l-iskop li jikkostitwixxi s-servizz saċerdotali tagħna, li jagħti għaqda profonda lil elf ħaġa li jitolbu l-attenzjoni tagħna jum wara l-ieħor tul ħajjitna kollha u jagħtu karattru speċjali lill-ħidma tagħna, li hu dejjem preżenti f’kull ma nagħmlu: li nxandru l-Vanġelu ta’ Alla [104].

Marka ta’ l-identità tagħna li ebda dubju ma għandu jnaqqas u l-ebda oġġezzjoni ma għandha tgħatti hija din: bħala rgħajja, aħna ġejna magħżula, għall-ħniena ta’ Alla l-Għoli [105], minkejja n-nuqqas tagħna, biex inħabbru bl-awtorità l-Kelma ta’ Alla, biex niġbru l-poplu ta’ Alla li huwa mxerred, biex nagħtu l-ħajja lil dan il-Poplu bis-sinjali ta’ l-azzjoni ta’ Kristu li huma s-Sagramenti, biex nqegħduh fuq it-triq tas-salvazzjoni, biex inżommuh f’dik il-għaqda li tagħha, aħna, f’livell differenti, aħna għodda attivi u ħajjin, u biex il-ħin kollu nżommu din il-komunità madwar Kristu u fidila għall-vokazzjoni l-iżjed intima. U allura, meta nagħmlu dan kollu, fil-limiti umani tagħna u bil-għajnuna tal-grazzja li Alla jagħtina, dan ikun xogħol ta’ Evanġelizzazzjoni li nkunu qegħdin nagħmlu. F’dan kollu ngħoddu lilna nfusna, bħala r-Rgħaj tal-Knisja Universali, lil ħutna l-Isqfijiet li jmexxu l-Knejjes partikulari, lis-saċrdoti u lid-djakni magħqudin ma’ l-Isqfijiet u kollaboraturi tagħhom, f’komunjoni li għandha l-bidu tagħha fis-Sagrament ta’ l-Ordni Sagri u fl-imħabba tal-Knisja.

Ir-Reliġjużi

69. Min-naħa tagħhom, ir-reliġjużi jsibu f’ħajjithom ikkonsagrata, mezz privileġġjat ta’ evanġelizzazzjoni effettiva. Fil-livell l-aktar profond ta’ l-eżistenza tagħhom huma imkaxkrin fid-dinamiżmu tal-ħajja tal-Knisja, li hija għatxana għall-Assolut divin u msejħa għall-qdusija. Huma jagħtu xhieda ta’ din il-qdusija. Huma jinkarnaw il-Knisja fix-xewqa tagħha li tingħata kompletament għall-kondizzjonijiet radikali tal-Beatitudni. Bil-ħajja tagħhom ir-reliġjużi huma sinjal tad-disponibilità totali tagħhom għal Alla, għall-Knisja, għall-aħwa.

Bħala tali, huma għandhom importanza speċjali fil-kwadru tax-xhieda, li kif għidna, hi ta’ importanza speċjali fil-kwadru tax-xhieda, li kif għidna, hi ta’ importanza ewlenija fl-evanġelizzazzjoni. Fl-istess waqt li hija sfida għad-dinja u għal-Knisja nfisha, din ix-xhieda siekta ta’ faqar u ċaħda, ta’ safa, ta’ sinċerità, ta’ abbandun fl-ubbidjenza, tista’ ssir appell ħaj li kapaċi jqanqal anke lil dawk li ma’ humiex insara, li għandhom rieda tajba u ma jħossux ċerti valuri.

F’din il-perspettiva wieħed jifhem il-post li għandhom fl-evanġelizzazzjoni ir-reliġjużi, irġiel u nisa, ikkonsagrati għat-talb, għas-silenzju, għall-penitenza u għas-sagrifiċċju. Reliġjużi oħra, f’għadd l-iżjed kbir, jagħtu ruħhom direttament biex ixandru lil Kristu. Il-ħidma missjunarja tagħhom tiddependi, naturalment, mill-ġerarkija u trid tkun ko-ordinata mal-pjan pastorali li din tkun fasslet. Iżda min ma jagħrafx liema sehem taw u għadhom jagħtu dawn ir-reliġjużi fl-evanġelizzazzjoni? Bis-saħħa tal-konsagrazzjoni tagħhom huma fi grad eminenti lesti u liberi biex iħallu kollox u jmorru jxandru l-Evanġelu imqar sa l-ibgħad tarf tad-dinja. Huma għandhom ħafna riżorsi u l-appostolat tagħhom spiss juri ċerta oriġinalità, ċertu stil li jiġbdu l-ammirazzjoni. Huma nies ta’ qalb kbira: insibuhom spiss fix-xifer tal-missjoni, u jesponu ruħhom għal perikoli l-aktar kbar għal saħħithom u għal ħajjithom stess. Tabilħaqq il-Knisja għandha dejn kbir lejhom.

Is-Sekulari

70. Is-sekulari, imsejħin mill-vokazzjoni partikolari tagħhom biex igħixu f’nofs id-dinja u responsabbli tal-ħidmiet temporali l-aktar differenti, għandhom proprju għalhekk jeżerċitaw forma speċjali ħafna ta’ evanġelizzazzjoni.

Id-dmir tagħhom ewlieni immedjat mhux li jwaqqfu u jiżviluppaw il-komunità ekkleżjali – dan hu x-xogħol speċifiku tar-rgħajja – iżda li jużaw kull possibilità Kristjana u evanġelika moħbija, għalkemm diġa’ preżenti u attiva, fil-ħwejjeġ tad-dinja. Il-qasam proprju tal-ħidma evanġelizzatriċi, hija d-dinja immensa u ikkomplikat tal-politika, tas-soċjetà u tal-ekonomija; iżda wkoll id-dinja tal-kultura, tax-xjenzi, tal-arti, tal-ħajja internazzjonali, tal-‘mass media’. Tinkludi wkoll realatjiet oħra li huma miftuħa għall-evanġelizzazzjoni, bħal ma huma l-imħabba umana, il-familja, l-edukazzjoni tat-tfal u taż-żagħżagħ, ix-xogħol professjonali, it-tbatija. Aktar ma jkun hemm sekulari ispirati mill-Vanġelu mogħtija għal dawn ir-realtajiet, verament impenjati fihom, kapaċi jġibuhom ‘il quddiem u jħossu li huma għandhom iħaddmu totalment is-setgħat kristjani tagħhom li spiss jibqgħu midfuna u fgati, aktar dawn ir-realtajiet jaqdu s-Saltna ta’ Alla u għalhekk is-salvazzjoni f’Ġesú Kristu, mingħajr ma jitilfu jew jissagrifikaw xejn mill-kontenut uman tagħhom; pjuttost huma jibdew juruna dimensjoni għola li spiss ma nagħtux każ tagħha.

Il-Familja

71. Fl-appostolat tal-lajċi fil-qasam tal-evanġelizzazzjoni mhux possibbli ma tmissx dak li l-familja tagħmel biex tevanġelizza. F’perjodi differenti tal-istorja tal-Knisja din kien ħaqqa d-definizzjoni sabiħa, llum awtorizzata mill-Konċilju Vatika II [106], ta’ “Knisja domestika”. Dan ifisser li, f’kull familja nisranija għandhom jiltaqgħu l-ħafna dimensjonijiet tal-Knisja kollha. Bħal Knisja, il-familja għandha tkun post li fih il-Vanġelu hu mxandar u li minnu l-Vanġelu jixxandar.

Għalhekk, ġo familja li tagħraf din il-missjoni, l-membri kollha jevanġelizzaw u jkunu evanġelizzati. Il-ġenituri mhux biss jgħaddu l-Vanġelu lil uliedhom imma jistgħu wkoll jilqgħu mingħand dawn l-istess Vanġelu mibdul bis-serjetà fil-ħajja tagħhom. Familja bħal din issir qawwa ta’ evanġlizzazzjoni għal ħafna familji oħra u għall-ambjent li fih tgħix.

Anke fuq il-familji ta’ żwieġijiet imħallta jaqa’ d-dmir li jxandru lil Kristu lil uliedhom fil-milja tal-impenji tal-Magħmudija komuni. Jaqa’ fuqhom ukoll ix-xogħol tqil li jsiru ħaddiema għall-għaqda.

Iż-Żgħażagħ

72. Iċ-ċirkostanzi tal-lum jistednuna nagħtu ħarsa speċjali lejn iż-żagħżagħ. Iż-żieda fin-numru tagħhom, il-piż dejjem akbar tagħhom u fis-soċjetà, il-problemi li jolqtuhom għandhom iqajjmu f’kulħadd l-impenn biex noffrulhom bil-ħeġġa u l-għaqal li jmiss, l-ideal tal-Vanġelu – biex jifhmuh u jgħixuh. Minn naħa l-oħra jeħtieġ li ż-żagħżagħ, imkissrin fil-fidi u fit-talb, isiru huma stess, u dejjem aktar, l-appostli taż-żagħżagħ sħabhom. Il-Knisja torbot ħafna fuq il-kontribut tagħhom u aħna stess, ħafna drabi, urejna l-fiduċja sħiħa tagħna fihom.

Ministeri diversifikati

73. U hekk il-preżenza attiva tal-lajċi fir-realtà temporali tieħu l-importanza tagħha kollha. Pero’ jeħtieġ ma tkunx traskurata jew minsija d-dimensjoni l-oħra: il-lajċi jistgħu iħossuhom imsejjħa – jew jissejħu – biex jikkollaboraw mar-Rgħajja tagħhom fis-servizz tal-komunità, billi jħaddmu ministeri l-aktar varji, skond il-grazzja u l-kariżmi li l-Mulej jogħġbu jqasam fosthom.

B’sentiment profond ta’ hena kbira naraw kotra ta’ Rgħajja, patrijiet, sorijiet, u lajċi li, b’entużjażmu għall-missjoni evanġelika tagħhom, fittxu toroq aħjar biex iħabbru tajjeb il-Vanġelu. Irridu nagħmlu l-qalb lill-Knisja li b’din il-linja u b’din il-ħeġġa, qiegħda tinfetaħ fuq kollox fuq ir-riflessjoni, mbagħad fuq ministeri ekkleżjastiċi li jistgħu jġeddu u jsaħħu l-qawwa tal-evanġelizzazzjoni tagħha.

Naturalment, ħdejn il-ministri tal-ordni, li bihom ħafna jidħlu fost ir-Rgħajja li jingħataw b’mod partikolari għas-servizz tal-komunità, il-Knisja tagħraf is-sehem ta’ ministeri, mhux ordnat, imma ta’ siwi kbir biex jassiguraw servizzi speċjali lill-istess Knisja.

Daqqa t’għajn lejn il-bidu tal-Knisja tagħti ħafna dawl, fuq hekk, u tippermittielna napprofittaw minn esperjenza qadima, fil-qasam tal-ministeri – esperjenza li għadha ta’ siwi għax ippermettiet lill-Knisja tissaħħaħ, tikber u tixtered. Din l-attenzjoni għall-bidu pero’ trid titkompla b’attenzjoni għall-bżonnijiet preżenti tal-umanità u tal-Knisja. Nixorbu minn dawn l-għejun, li dejjem jispirawna, ma narmu xejn minn dawn il-valuri, nifhmu nadattaw ruħna għat-talbiet u l-ħtiġijiet ta’ żmienna – hekku l-linji l-kbar li jippermettulna nfittxu bil-għaqal u nagħtu mportanza lill-ministeri li l-Knisja teħtieġ u li ħafna lesti, u bil-ferħ, iħaddnu għall-ħajja aħjar tal-komunità ekkleżjali. Dawn il-ministeri jkollhom valur tassew pastorali skond kemm jidħlu fir-rispett assolut tal-unità, skond l-orjentamenti mogħtija mir-Rgħajja – li huma r-responsabbli u l-bennejja esperti tal-unità tal-Knijsa.

Dawn il-ministeri, li jistgħu jidhru ġodda imma li huma marbutin ħafna mal-esperjenzi ħajja tal-istorja tal-Knisja – per eżempju għandna dawk ta’ katekista, ta’ animaturi tat-talb u tal-kant, ta’ nsara iddedikati għas-servizz tal-Kelma ta’ Alla jew għall-għajnuna tal-aħwa fil-bżonn, ta’ leaders ta’ komunitajiet żgħar, tar-responsabbli tal-moviment appostoliċi jew ta’ responsabbli oħrajn. Dawn il-ministeri huma prezzjużi għat-“tħawwil”, għall-ħajja, għall-iżvilupp tal-Knisja u għall-qawwa tagħna biex tilħaq lil dawk ta’ madwarha u lil dawk bogħod minnha. Nistqarru l-istima speċjali tagħna lejn dawk il-lajċi li jaċċettaw li jagħtu parti mill-ħin, l-enerġija u xi drabi ħajjithom kollha għas-servizz tal-missjonijiet.

Għal dawk li jevanġelizzaw teħtieġ tħejjija serja. U dan jgħodd aktar għal dawk li jingħataw għall-ministeru tal-Kelma. Mħeġġin minn konvinzjoni dejjem akbar tal-kobor u tal-għana tal-Kelma ta’ Alla, dawk li daħlu għad-dmir li jxandruha għandhom juru l-akbar attenzjoni lejn id-dinjità, il-preċiżjoni, l-adattament tal-kliem tagħhom. Kulħadd jaf li, illum, l-arti tal-kelma għandha mportanza kbira. Kif jistgħu jittraskurawha l-predikaturi u l-katekisti?

Nixtiequ tassew li f’kull Knisja partikolari l-Isqfijiet jgħassu fuq il-formazzjoni meħtieġa tal-ministri kollha tal-Kelma. Din il-preparazzjoni serja tkabbar f’dawn il-kunfidenza li din titlob u l-entużjażmu biex ixandru lil Ġesú Kristu llum.

VII L-ISPIRTU TA’ L-EVANĠELIZZAZZJONI

Appell urġenti

74. Ma nixtiequx intemmu din il-komunikazzjoni ma’ l-għeżież ħutna u uliedna mingħajr ma nagħmlu appell imħeġġeġ dwar l-attitudni interjuri li għandha tqanqal lil dawk li jaħdmu għall-evanġelizzazzjoni. Iva, f’isem il-Mulej Ġesú Kristu u f’isem l-appostli Pietru u Pawlu, aħna nixtiequ nħeġġu lil dawk kollha li bis-saħħa tal-kariżmi ta’ l-Ispirtu s-Santu u tal-mandat tal-Knisja huma tassew evanġelizzaturi, li jkunu denji ta’ din il-vokazzjoni, li jħaddmuha mingħajr ma jżommu lura minħabba d-dubju jew il-biża, u li ma jittraskurawx il-kondizzjonijiet li jagħmlu lil din l-evanġelizzazzjoni mhux biss possibbli, iżda wkoll attiva u effettiva. Dawn huma, fost ħafna oħrajn, il-kondizzjonijiet fundamentali li fuqhom jidhrilna li għandna ninsistu.

Taħt l-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu

75. Ma jista’ jkun hemm qatt evanġelizzazzjoni mingħajr l-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu niżel fuq Ġesú ta’ Nazaret meta, waqt il-magħmudija Tiegħu, leħen il-Missier qal – “Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt il-għaxqa Tiegħi” [107], u wera b’mod sensibbli l-għażla u l-missjoni Tiegħu. Ġesú “kien meħud mill-Ispirtu” fid-deżert biex hemm iġarrab it-taqbida deċiżiva u l-aqwa prova qabel ma jagħti bidu għal din l-istess missjoni [108]. Kien “bil-qawwa ta’ l-Ispirtu” [109] li Ġesú reġa’ lura fil-Galilija u beda f’Nażaret il-predikazzjoni Tiegħu, fejn applika għalih innifsu kliem Isaija: “L-Ispirtu tal-Mulej hu fuqi” u stqarr: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” [110]. Ukoll, meta wasal il-waqt li jibgħat lid-dixxipli. Huwa nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” [111].

Infatti, kien biss wara l-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu nhar l-Għid il-Ħamsin, li l-Appostli telqu biex jixterdu sat-truf ta’ l-art ħalli jibdew l-opra kbira ta’ l-evanġelizzazzjoni afdata lill-Knisja. Pietru jara f’din il-ġrajja it-twettiq tal-profezija ta’ Ġoel: “Jien insawwab mill-Ispirtu tiegħi fuq kull bniedem” [112]. Pietru mtela’ bl-Ispirtu s-Santu biex jitkellem mal-poplu fuq Ġesú, l-Iben ta’ Alla [113]. Pawlu wkoll imtela’ bl-Ispirtu s-Santu [114] qabel ma ntefa għall-ministeru appostoliku tiegħu, kif ukoll kien Stiefnu meta ġie magħżul għad-djakonat u aktar tard biex jagħti x-xhieda tad-demm [115]. L-Ispirtu li jġiegħel lil Pietru, lil Pawlu u lit-Tnax biex jitkellmu u jispira l-kliem li għandhom jgħidu, jinżel ukoll “fuq dawk kollha li jisimgħu l-Kelma [116].

Huwa bis-saħħa ta’ dan l-appoġġ ta’ l-Ispirtu s-Santu li l-Knisja tikber [117]. L-Ispirtu s-Santu isir r-ruħ ta’ din il-Knisja. Hu jispjega lill-fidili t-tifsir profond tat-tagħlim ta’ Ġesú u tal-misteru Tiegħu.

Huwa l-Ispirtu s-Santu li llum, bħal ma kien fil-bidu tal-Knisja, jaħdem f’kull evanġelizzatur li jħalli lilu nnifsu jkun maħkum u mmexxi minnu. L-Ispirtu s-Santu iqiegħed fuq xufftejh kliem li hu ma kienx ikun kapaċi jsib, u fl-istess ħin, l-Ispirtu s-Santu jiddisponi r-ruħ ta’ min jisma’ biex tinfetaħ u tilqa’ l-Aħbar it-Tajba u s-Saltna li qed tiġi mxandra.

Ħaġa tajba li nkunu nafu it-teknika ta’ l-evanġelizzazzjoni, iżda l-anqas il-metodi l-aktar avvanzati ma jistgħu jieħdu post l-azzjoni prudenti ta’ l-Ispirtu. It-tħejjija l-iżjed perfetta ta’ l-evanġelizzatur ma tiswa xejn mingħajr l-Ispirt s-Santu. Mingħajru id-dijalettika l-aktar konvinċenti m’għandha ebda setgħa fuq qalb il-bniedem. Mingħajru l-iskemi soċjoloġiċi u psikoloġiċi l-iżjed avvanzati malajr jidhru bla ebda valur.

Aħna qegħdin ngħixu fil-Knisja f’mument privileġġjat ta’ l-Ispirtu. Kullimkien il-bnedmin qed ifittxu biex jagħrfuH aħjar, hekk kif l-Iskrittura rrivelata. Huma jfitxxu bil-ferħ l-ispirazzjoni Tiegħu. Qegħdin jinġabru f’ismu; jixtiequ jkunu mmexxijin minnu. Issa jekk l-Ispirtu ta’ Alla għandu post eminenti fil-ħajja kollha tal-knisja, huwa fil-missjoni evanġelizzatriċi tagħha li Hu jaħdem l-aktar. Ma kienx għalhekk b’kumbinazzjoni li l-bidu kbir ta’ l-evanġelizzazzjoni seħħ proprju fil-għodwa ta’ Pentekoste taħt l-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu.

Aħna ngħidu li l-Ispirtu s-Santu huwa l-aġent prinċipali ta’ l-evanġelizzazzjoni; huwa Hu li jqanqal kull individwu biex iħabbar il-Vanġelu; huwa Hu li fil-profond tal-kuxjenza jwasalna biex naċċettaw u nifhmu l-kelma tas-salvazzjoni [118]. Iżda bl-istess mod nistgħu ngħidu li Hu huwa l-iskop ta’ l-evanġelizzazzjoni: Hu biss jagħti l-ħajja lil ħolqien ġdid, l-umanità ġdida li għandha tirriżulta minn dan ix-xandir, b’dik l-unitàfil-varjetà li l-evanġelizzazzjoni tixtieq tilħaq fil-komunità nisranija. Permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Vanġelu jippenetra fil-qalb tad-dinja, għaliex huwa Hu li jgħinha tagħraf is-sinjali taż-żmenijiet – sinjali ta’ Alla – li l-evanġelizzazzjoni ssib u tagħtihom siwi fl-istorja.

Is-sinodu ta’ l-Isqfijiet ta’ l-1974, li nsista ħafna fuq il-post ta’ l-Ispirtu s-Santu fl-evanġelizzazzjoni, fisser wkoll ix-xewqa li r-rgħajja u t-teloġi – u aħna ngħidu wkoll il-fidili li rċevew is-siġill ta’ l-Ispirtu fil-Magħdmudija – għandhom jistudjaw aktar in-natura u l-mod kif jaħdem l-Ispirtu s-Santu fl-evanġelizzazzjoni llum. Hija x-xewqa tagħna wkoll, u għalhekk inħeġġu lill-evanġelizzaturi kollha, huma min huma, li jitolbu lill-Ispirtu s-Santu bil-fidi u bil-ħeġġa u li jħallu lilhom infushom ikunu prudentament immexxija minnu, bħala l-ispiratur deċiżiv tal-pjani tagħhom, tal-inizjattivi u tal-ħidma biex jevanġelizzaw.

Xhieda awtentiċi tal-ħajja

76. Ejjew inħarsu lejn il-personalità ta’ l-evanġelizzaturi. Spiss ingħidu llum li n-nies ta’ dan is-seklu għandhom il-għatx ta’ l-awtentiċità. B’mod speċjali iż-żagħżagħ, jingħad li jistmerru dak li hu artifiċjali u ffalsifikat u li huma qegħdin ifittxu fuq kollox il-verità u s-sinċerità

Dawn “is-sinjali taż-żmenijiet” għandhom isibuna ngħassu. Fis-skiet jew fil-beraħ, - iżda dejjem bil-qawwa – qed jistaqsuna: Temmnu tassew intom dak li tħabbru? Qegħdin tgħixu skond ma temmnu? Tippriedkaw intom verament dak li tgħixu? Aktar minn qatt qabel, ix-xhieda tal-ħajja saret kondizzjoni essenzjali ta’ l-effett profond li għandha tħalli l-predikazzjoni. U preċiżament minħabba f’dan, aħna, sa ċertu pont responsabbli ta’ l-avvanz tal-Vanġelu li aħna nxandru.

“X’ġara mill-Knisja f’għaxar snin wara l-Konċilju?” aħna staqsejna lilna nfusna fil-bidu ta’ din il-meditazzjoni. Hija marbuta sod mal-qalba tad-dinja u fl-istess ħin ħielsa u indipendenti biżżejjed biex tkellem lil din id-dinja? Tagħti hi prova ta’ solidarjetà mal-bnedmin u tixhed hi fl-istess ħin l-Assolut ta’ Alla?

Hija hi aktar mkebbsa fl-adorazzjoni u fil-kontemplazzjoni, aktar imħeġġa fl-azzjoni tagħha missjunarja, karitattiva u liberatriċi? Il-Knisja hija dejjem aktar impenjata fl-isforzi biex isseħħ mill-ġdid il-għaqda sħiħa bejn l-insara, dik l-unità li tagħmel iżjed effettiva x-xhieda komuni, “u hekk id-dinja temmen?” [119]. Aħna lkoll responsabbli tat-tweġibiet li jistgħu jingħataw għal dawn il-mistoqsijiet.

Għalhekk aħna nindirizzaw l-Eżortazzjoni tagħna lill-Ħutna l-Isqfijiet, imqegħdin mill-Ispirtu s-Santu biex jiggvernaw il-Knisja [120]. Inħeġġu lis-saċerdoti u lid-djakni, kollaboraturi ta’ l-Isqfijiet fil-miġemgħa tal-Poplu ta’ Alla u fil-formazzjoni spiritwali tal-komunitajiet lokali. Inħeġġu lir-reliġjużi xhieda ta’ Knisja msejħa għall-qdusija, u għalhekk huma stess imsejħin għal ħajja li tixhed il-beatitudnijiet evanġeliċi. Aħna nħeġġu wkoll is-sekulari, il-familji nsara, iż-żgħażagħ, il-kbar, dawk kollha li għandhom xi sengħa jew professjoni, dawk li jmexxu, bla ma ninsew il-foqra li spiss huma għonja fil-fidi u fit-tama, is-sekulari kollha li jħossu d-dmir tagħhom li jevanġelizzaw fis-servizz tal-Knisja jew f’nofs is-soċjetà u fid-dinja. Lilhom ilkoll aħna ngħidulhom: il-ħeġġa biex nevanġelizzaw jeħtieġ toħroġ mill-qdusija vera ta’ ħajjitna, msaħħa mit-talb u fuq kollox, mill-imħabba lejn l-Ewkaristija; hekk, kif jissuġġerilna l-Konċilju Vatikan II, il-predikazzjoni iġġiegħel il-predikatur jikber fil-qdusija [121].

Minkejja il-bosta sinjali ta’ ċaħda ta’ Alla, id-dinja paradossalment qiegħda tfittex lil Alla f’toroq mhux mistennija u qiegħda tħoss bi tbatija kemm għandha bżonnu; id-dinja qed issejjaħ lil dawk li jistgħu jevanġelizzaw, biex ikellmuha fuq Alla li huma suppost li jafu u li huma sikwit imorru għandu bħallikieku qed jaraw l-inviżibbli [122].

Id-dinja titlob u tistenna minna s-sempliċità tal-ħajja, l-ispirtu tat-talb, l-imħabba għal kulħadd, speċjalment lejn iż-żgħar u l-foqra, ubbidjenza, umilta, id-distakk minna nfusna u ċ-ċaħda. Mingħajr din il-marka ta’ qdusija, kelmitna diffiċilment tmiss qalb il-bniedem modern. Tirriskja anzi li tibqa fiergħa u bla frott.

It-tiftix tal-għaqda

77. Il-forza ta’ l-evanġelizzazzjoni tonqos sewwa kemm il-darba dawk li jxandru l-Vanġelu jkunu mifrudin bejniethom b’xi mod jew ieħor. Mhux din forsi waħda mill-markiet kbar ta’ l-evanġelizzazzjoni llum? Ċertament, jekk l-Aħbar Tajba li aħna nipproklamaw tidher maqsuma minħabba l-kwistjonijiet dottrinali, minħabba l-aggruppamenti ideoloġiċi, minħabba l-kundanni ta’ xulxin bejn il-Kristjani, minħabba l-fehmiet differenti fuq Kristu u fuq il-Knisja, u anke minħabba idejat differenti li għandhom dwar is-soċjetà u l-istituzzjonijiet umani, kif jista’ jkun li aħna nippriedkaw mingħajr ma nħawdu, infixklu u anke niskandalizzaw lil dawk li nkellmu?

It-testment spiritwali tal-Mulej għidilna li l-unità bejn id-dixxipli Tiegħu mhix biss il-prova li aħna Tiegħu, iżda wkoll il-prova li aħna Tiegħu, iżda wkoll il-prova li Hu mibgħut mill-Missier. Din hi l-qofol tal-kredibilità ta’ l-insara u ta’ Kristu nnifsu. Bħala evanġelizzaturi, jeħtieġ noffru lil dawk li jimxu wara Kristu mhux xbieha ta’ poplu maqsum u mifrud minħabba kwistjonijiet li xejn ma jagħmlu ġid, iżda xbieha ta’ persuni maturi fil-fidi, kapaċi li jiltaqgħu bejnithom, lil hinn mit-tensjonijiet reali biex flimkien jagħmlu tfittxija sinċiera u diżinteressata tal-verità, iva, il-futur ta’ l-evanġelizzazzjoni hu ċertament marbut max-xhieda ta’ l-għaqda li l-Knisja tagħti. Din hija għajn ta’ responsabbiltà u anke ta’ faraġ.

Hawnhekk, aħna nixtiequ ninsistu fuq is-sinjal tal-għaqda fost kulħadd bħala t-triq u l-għodda ta’ l-evanġelizzazzjoni. Il-firda bejn l-Insara hi realtà serja li qed tfixkel l-istess opra ta’ Kristu. Il-Konċilju Vatikan II igħidilna ċar u hu bil-qawwa kollha li din il-firda “tagħmel ħsara lill-kawża l-aktar qaddisa tax-Xandir tal-Vanġelu lill-bnedmin kollha, u li żżomm lil bosta milli jħaddnu l-fidi” [123]. Għal din ir-raġuni, meta ħabbarna s-Sena Mqaddsa, qisnih bżonn li nfakkru l-fidili kollha tad-dinja kattolika, li “qabel ma l-bnedmin kollha jinġemgħu flimkien u jsibu l-grazzja ta’ Alla Missierna, jeħtieġ li terġa’ timbena l-komunjoni bejn dawk li bil-fidi jistqarru u jaċċettaw lil Ġesú Kristu bħala s-Sid tal-ħniena li jeħles lill-bnedmin u jgħaqqadhom fl-Ispirtu ta’ mħabba u verità” [124].

Huwa għalhekk b’sentiment qawwi ta’ tama li aħna nħarsu lejn l-isforzi li qed isiru fid-dinja kristjana biex terġa titwaqqaf l-għaqda sħiħa li Kristu jrid. San Pawl jiżgurana li “it-tama ma tqarraqx bina” [125]. Waqt li aħna naħdmu dejjem biex naqilgħu mingħand il-Mulej il-għaqda sħiħa, nixtiequ li jiżdied it-talb. Barra minn hekk, aħna nagħmlu tagħna x-xewqa tal-Isqfijiet imlaqqgħin għat-Tielet Assemblea tas-Sinodu, li nikkolaboraw aktar bis-serjetà ma’ ħutna l-insara li magħhom għad m’aħniex magħqudin f’komunjoni perfetta, billi nieħdu bħala bażi l-Magħmudija u l-wirt tal-fidi li għandna in komuni, b’mod li nkunu nistgħu minn issa, fl-istess xogħol ta’ evanġelizzazzjoni, nagħtu xhieda flimkien li Kristu huwa fid-dinja. Il-kmandament ta’ Kristu jimbuttana biex nagħmlu dan; jitlob xhieda tal-Vanġelu.

Qaddejja tal-verità

78. Il-Vanġelu li tiegħu aħna responsabbli huwa wkoll kelma ta’ verità. Verità li teħlisna [126] u li biss tagħti l-paċi tal-qalb, dik il-paċi li l-ġnus qegħdin ifittxu meta aħna inħabbrulhom il-Vanġelu. Verità fuq Alla, fuq il-bniedem u d-destin misterjuż tiegħu, fuq id-dinja; il-verità diffiċli li aħna nfittxu fil-Kelma ta’ Alla u li tagħha, nirrepetu, m’aħniex l-imgħallmin jew il-proprjetarji, iżda d-depożitarji, il-ħabbara u l-qaddejja.

Kull evanġelizzatur hu mistenni li jkollu qima lejn il-verità, aktar u aktar għaliex il-verità li hu japprofondixxi u jikkomunika mhix ħlief il-verità rivelata, u għalhekk, aktar minn kull verità oħra, hija sehem mill-ewwel verità li hu Alla nnifsu. Il-predikatur tal-Vanġelu jkun għalhekk wieħed li akkost taċ-ċaħda personali u tat-tbatija, dejjem ifittex il-verità li jeħtieġlu jgħaddi lill-oħrajn. Huwa qatt ma jittradixxi l-verità jew jaħbiha bix-xewqa li jogħġob lill-bnedmin, jew igħaġġibhom jew jixxokkjahom, jew biex jidher oriġinali jew bix-xewqa li jidher sabih. Huwa ma jirrifjuta qatt il-verità. Ma jaħbi qatt il-verità rivelata minħabba l-għażż tiegħu biex ifittixha, jew minħabba l-kumdità jew il-biża’. Huwa ma jittraskurax li jistudjaha. Huwa jaqdiha ġenerożament, mingħajr ma jisserva biha.

Aħna aħna r-rgħajja tal-poplu fidil, u s-servizz pastorali tagħna jħeġġiġna biex inħarsu, niddefendu u nikkomunikaw il-verità mingħajr ma nqisu s-sagrifiċċju li jitlob minna. Bosta rgħajja qaddisa u ta’ fama ħallewlna eżempju ta’ din l-imħabba, ħafna drabi erojka, tal-verità. Alla tal-verità jistenna minna li nkunu difensuri viġilanti u xandara dedikati tal-verità

Nies ta’ studju – sew jekk intom teoloġi, eseġeti, jew storiċi – l-opra ta’ l-evanġelizzazzjoni teħtieġ il-ħidma bla heda tat-tiftix tagħhom, kif ukoll l-attenzjoni u d-delikatezza tagħkom meta tgħaddu lil oħrajn il-verità li għaliha wasslukom l-istudji tagħkom, iżda li hi dejjem akbar minn qalb il-bnedmin, għaliex hi l-istess verità ta’ Alla.

Ġenituri u għalliema, id-dmir tagħkom – li fil-bosta konflitti tal-lum mhux ħafif – huwa li tgħinu lit-tfal tagħkom u lill-istudenti tagħkom biex isibu l-verità, inkluża dik tal-verità reliġjuża u spiritwali.

Imqanqlin mill-Imħabba

79. L-opra ta’ l-evanġelizzazzjoni tistenna li l-evanġelizzatur jkollu mħabba dejjem tikber għal dawk li hu jrid jevanġelizza. San Pawl, il-mudell ta’ l-evanġelizzaturi, kiteb lit-Tessalonikin dawn il-kelmiet li huma programm għalina wkoll: “Aħna għożżejnikom hekk, li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Vanġelu imma ħajjitna stess, daqskemm ħabbejnikom” [127]. X’inhi din l-imħabba? Hija wisq akbar minn dik ta’ għalliem; akbar minn dik ta’ missier; akbar minn dik ta’ omm [128]. Hija din l-imħabba li l-Mulej jistenna minn kull xandar tal-Vanġelu, minn kull min jibni l-Knisja. Sinjal ta’ din l-imħabba tkun ix-xewqa li tagħti l-verità u li twassal in-nies għall-għaqda. Sinjal ieħor ta’ din l-imħabba hu d-dedikazzjoni personali, mingħajr riservi u mingħajr ritorn, għax-xandir ta’ Ġesú Kristu. Inżidu xi sinjali oħra ta’ din l-imħabba.

L-Ewwel hemm ir-rispett għas-sitwazzjoni reliġjuża u spiritwali tal-persuni li wieħed jevanġelizza. Rispett għat-temp u r-ritmu tagħhom; ħadd ma għandu d-dritt li jgħaġġilhom iżżejjed. Rispett għall-kuxjenza u l-konvinzjonijiet tagħhom, li ma’ għandna qatt nittrattawhom bil-goff.

Sinjal ieħor ta’ din l-imħabba hi l-attenzjoni biex ma nweġġgħux lil dak li jkun, speċjalment jekk ikun għadu dgħajjef fil-fidi [129], b’idejat li jistgħu jkunu ċari għal dawk li huma informati, iżda li jistgħu jkunu kawża ta’ taħwid u ta’ skandlu għall-fidili, bħal ferità fir-ruħ.

Sinjal ieħor wkoll ta’ mħabba ikun l-isforz biex tgħaddi lill-insara, mhux dubji u nċertezzi li jiġu mit-tagħlim mhux mifhum biżżejjed, iżda veritajiet sodi li huma ankrati mal-Kelma ta’ Alla. Il-fidili għandhom bżonn dawn iċ-ċertezzi għall-ħajja nisranija tagħhom; għandhom dritt għalihom bħala wlied Alla li jintelqu għal kollox f’dirgħajH u għal dak li titlob minnhom l-imħabba,

Bil-ħeġġa tal-Qaddisin

80. L-appell tagħna hawnhekk huwa ispirat mill-fervur tal-predikaturi u l-evanġelizzaturi kbar li ddedikaw ħajjithom għall-appostolat. Fost dawn aħna nfakkrukom bil-ferħ f’dawk li pproponejna għall-qima tal-fidili tul is-Sena Mqaddsa. Huma għarfu jgħelbu ħafna ostakli għall-evanġelizzazzjoni.

Ostakli bħal dawn niltaqgħu magħhom illum u fosthom sa nsemmu biss in-nuqqas ta’ ħeġġa. Hija biċċa aktar serja għaliex ġejja minn ġewwa. Qiegħed jidher fil-għejja, fid-dillużjoni, fil-kompromess, fin-nuqqas ta’ nteress u fuq kollox fin-nuqqas ta’ ferħ u tama. Aħna nħeġġu lil kull min għandu d-dmir li jevanġelizza, biex iżomm dejjem b’saħħtu il-fervur spiritwali [130].

Dan il-fervur jitlob qabel xejn li nkunu nafu nwarrbu l-iskużi li jippruvaw iżommu l-evanġelizzazzjoni. L-aktar perikoluża fost dawn l-iskużi hija dik ta’ xi nies li jippretendu li jsibu l-appoġġ tagħhom f’dan jew f’dak li qal il-Konċilju.

Għalhekk spiss nisimghu min igħid, bi kliem differenti, li jekk timponi verità, anke jekk hi tal-Vanġelu, jew timponi triq, anke dik tas-salvazzjoni, tkun qed tmur kontra l-libertà reliġjuża. Barra minn hekk, ikomplu jgħidu, għalfejn ixxandar il-Vangelu meta d-dinja kollha tiġi salvata permezz tas-sinċerità tal-qalb? Aħna nafu wkoll li d-dinja u l-istorja huma miżgħuda biż-”żrieragħ tal-Kelma”; mhix allura ħolma li tippretendi li twassal il-Vanġelu fejn diġa’ jeżisti fiż-żerriegħa li l-Mulej innifsu żera?

Kull min ifittex li jistudja sewwa fid-Dokumenti Konċiljari l-kwistjonijiet li minnhom ġew imfassla wisq superfiċjalment dawn l-iskużi, ikollu jasal għal konklużjonijiet ferm differenti.

Ikun żball ċertament li wieħed jimponi xi ħaġa fuq il-kuxjenza ta’ ħutna. Iżda li tipproponi lill-kuxjenzi l-verità tal-Vanġelu u s-salvazzjoni li Kristu Ġesú. B’mod l-aktar ċar u bir-rispett assolut tal-għażliet liberi li tqiegħed quddiemhom – “mingħajr l-ebda forma ta’ koerċizzjoni jew ta’ pressjoni xejn lejali jew xierqa” [131] – mhux talli mhux attentat għal-libertà reliġjuża, huwa anzi ġieħ lil dik il-libertà, li toffrilha l-għażla ta’ triq li anke dawk li ma jemmnux jqisuha bħala nobbli u li tgħolli l-bniedem. Huwa mela delitt kontra l-libertà ta’ ħaddiehor li xxandar bil-ferħ l-Aħbar Tajba li għall-ħniena ta’ Alla tkun għaraft? [132]. U għaliex, biss il-gideb u l-iżball, id-degradazzjoni u l-pornografija, għandhom ikollhom il-jedd li jitqiegħdu quddiem għajnejn il-poplu, u spiss, sfortunatament, imposti fuqhom bil-propaganda qerrieda tal-mezzi ta’ komunikazzjoni bil-leġiżlazzjoni tolleranti, bil-biża’ tat-tajbin u bl-isfaċċataġni tal-ħżiena? Il-preżentazzjoni rispettuża ta’ Kristu u tas-Saltna Tiegħu hija aktar minn dritt ta’ l-evanġelizzatur: hija dmir tiegħu. Iva, huwa bl-istess mod id-dritt tal-bnedmin sħabu li jirċievu minn għandu x-xandir ta’ l-Aħbar Tajba tas-salvazzjoni. Alla jista’ jwettaq din is-salvazzjoni b’għodod li Hu biss jafhom [133].

B’danakollu, ladarba l-Iben ta’ Alla ġie fid-dinja, dan għamlu preċiżament biex jirrivelalna, b’kelmtu u b’ħajtu, it-toroq ordinarji tas-salvazzjoni. U Huwa ordnalna biex ngħaddu din ir-rivelazzjoni lill-oħrajn bl-istess awtorità Tiegħu. Tkun ħaġa tajba kieku kull Nisrani u kull evanġelizzatur jirrifletti fit-talb fuq dan il-ħsieb: Il-bnedmin jaslu biex isalvaw, għall-ħniena ta’ Alla, anke minn toroq oħra avolja aħna ma jippriedkawlhomx il-Vanġelu; iżda nistgħu aħna nsalvaw jekk għat-traskuraġni, għall-biża’ jew għall-mistħija –dik li San Pawl isejjaħ “mistħija mill-Vanġelu” [134] – jew bħala konsegwenza ta’ l-idejat żbaljati, nonqsu li nippriedkawh? Dan ikun tradiment tas-sejħa ta’ Alla, li jrid li ż-żerriegħa tagħti frott permezz ta’ leħen il-ministri tal-Evangelju; u għalhekk ikun jiddependi minna jekk din iż-żerriegħa tagħti l-frott kollu mistenni.

Nibżgħu, għalhekk, għall-ħeġġa ta’ l-Ispirtu. Nibżgħu għal dak il-hena ħelu, li jgħati l-qawwa ta’ l-evanġelizzatur, anke meta jkollna niżirgħu fid-dmugħ. Jalla dan ikun għalina – kif kien għal Ġwanni l-Battista, għal Pietru u Pawlu, għall-Appostli l-oħra u għall-kotra stupenda ta’ evanġelizzaturi tul l-istorja tal-Knisja – forza interjuri li ħadd u xejn ma jista’ joħnoq. Jalla dan ikun il-ferħ kbir ta’ ħajjitna kkonsagrata. U jalla d-dinja ta’ żmenijietna, li qiegħda tfittex, kultant bi qsim il-qalb, kultant bit-tama, jirnexxielha tirċievi l-Aħbar it-Tajba mhux mingħand evanġelizzaturi bla ħeġġa, skoraġġiti, bla sabar u anzjużi, iżda mingħand ministri tal-Vanġelu ta’ ħajja mkebbsa bil-ħeġġa, li għax irċevew il-ferħ ta’ Kristu huma lesti jissograw ħajjithom sabiex is-Saltna tiġi mxandra u l-Knisja tkun imwaqqfa qalb il-bnedmin.

KONKLUŻJONI

81. Dan, mela, Ħuti u wliedi, hu l-appell li joħroġ mill-fond ta’ qalbna. Huwa l-eku ta’ leħen Ħutna miġburin għat-Tielet Assemblea tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet. Din hi d-direttiva li xtaqna nagħtukom f’għeluq ta’ Sena Mqaddsa li tatna l-okkażjoni biex naraw aħjar minn qatt qabel il-bżonnijiet u s-sejħat ta’ kotra ta’ ħutna, Insara u ma’ humiex, li qegħdin jistennew mill-Knisja il-Kelma tas-salvazzjoni.

Jalla id-dawl tas-Sena Mqaddsa li xegħel fil-Knejjes partikolari u f’Ruma, għal miljuni ta’ kuxjenzi li tħabbew mill-ġdid ma’ Alla, jkompli jiddi bl-istess mod wara l-Ġublew, permezz ta’ programmi ta’ ħidma pastorali li jkollha bħala punt fundamentali l-evanġelizzazzjoni għal dawn is-snin li ġejjin, snin sewwa sew ta’ qabel jibda seklu ġdid, kif ukoll ta’ qabel nidħlu fit-tielet millenarju tal-Krisja- Marija, Kewkba ta’ l-evanġelizzazzjoni.

82. Din hija x-xewqa li aħna nafdaw bil-ferħ u fil-qalb tal-Immakulata u Mbierka Verġni Marija, f’dan il-jum ikkonsagrat b’mod speċjali lilHa, u li jaħbat ukoll il-għaxar anniversarju minn meta għalaq it-Tieni Konċilju Vatikan. Fil-għodwa ta’ Pentekoste Hija għasset bit-talb tagħha fuq il-bidu ta’ l-evanġelizzazzjoni ispirata mill-Ispirtu s-Santu; jalla tkun Hi l-Kewkba ta’ l-evanġelizzazzjoni dejjem imġedda li l-Knisja, fidila għall-mandat ta’ Sidha, għandha ġġib ‘il quddiem u topra, speċjalment f’dawn iż-żmenijiet li, għad li diffiċli, huma mimlijin bit-tama.

F’isem Kristu, aħna mberkukom, lilkom, lill-komunitajiet tagħkom, lill-familji tagħkom, lill-għeżież kollha tagħkom, bil-kliem li Pawlu ndirizza lill-Filippini: “Niżżiħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom, u nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom, minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Vanġelu...Jiena nġibkom f’qalbi, lilkom ilkoll, li qsamtu miegħi l-grazzja li għandi...biex niddefendi l-pedamenti sodi li fuqhom hu mibni l-Vanġelu. Jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesú!” [135].

Mogħti f’Ruma, f’San Pietru, fis-Solennità tal-Konċizzjoni Immakulata ta’ l-Imbierka Verġni Marija, 8 ta’ Diċembru 1975, it-tlettax il-sena tal-Pontifikat tagħna.

 

 

Pawlu PP. VI.


 

[1] . Cfr. Lq. 22, 32.

[2]. 2 Kor. 11, 28.

[3]. Cfr. IIKonċilju Vatikan Digriet dwar il-Ħidma Missjunarja tal-Knisja, Ad Gentes 1: AAS 58 (1966). P. 947

[4] . Cfr. Efes. 4, 24; 2; 15; Kol. 3, 10; Gal. 3, 27; Rum. 13, 14; IIKor. 5, 17.

[5] . II Kor. 5, 20.

[6]. Cfr. Id-Diskors tal-Papa Pawlu VI, f’għeluq it-Tielet Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet (26.10.74);

AAS. 66 (1974), pp. 634, 635, 637.

[7]. Pawlu VI, Diskors lill-Kulleġġ tal-Kardinali (22.06.73); AAS65 (1973), p. 383.

[8]. II Kor. 11, 28.

[9]. ! Tim. 5, 17.

[10]. II Tim. 2, 15.

[11]. Cfr. I Kor. 2, 5.

[12]. Lq. 4, 43.

[13]. Ibid.

[14]. Lq. 4, 18; cfr. Is. 61, 1.

[15]. Cfr. Mk. 1.1; Rum. 1: 1-3.

[16]. Cfr. Mt. 6, 33; Lq. 12, 21.

[17]. Cfr. Mt. 5, 3-12.

[18]. Cfr. Mt.5 7.

[19]. Cfr. Mt. 10.

[20]. Cfr. Mt. 13

[21]. Mt. 18.

[22]. Cfr. Mt. 24, 25

[23]. Cfr. Mt. 24, 36: Atti 1, 7; I Tess, 5, 1-2.

[24]. Cfr. Mt. 11, 12; Lq. 16, 16.

[25]. Cfr. Mt.. 4, 17.

[26]. Mk 1, 27.

[27]. Lq. 4, 22.

[28]. Ġw. 7, 46.

[29]. Lk. 4, 43

[30]. Ġw. 11, 52.

[31]. Cfr. Kost. Dei Verbum, par. 4, tat-Tieni Konċilju Vatikan, AAS 58 (1966), pp. 818-819

[32]. I Pt. 2, 9.

[33]. Cfr. Atti 2, 11.

[34]. Lq. 4, 43.

[35]. I Kor. 9, 16.

[36]. “Dikjarazzjoni tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet” 4, 1974; L-Osservatore Romano (27.10.74), p. 6.

[37]. Mt. 28. 19.

[38]. Atti 2, 41, 47.

[39]. Cfr. Lumen Gentium, 8; AAS 57 (1965); par. II; Digriet Ad Gentes 5, AAS 58 (1966), pp. 951, 952.

[40]. Cfr. Atti 2, 42-46; 4, 32-35; 5, 12-16.

[41]. Atti 1, II; I Pt. 2-9.

[42]. Cfr. Digriet Ad Gentes.

[43]. Cfr. II Kor. 4, 5; S. Wistin, SERmo XLVI, De Pasetoribus: CCLXLI, pp. 529-530

[44]. Lq. 10, 16; cfr. S. Ciprijanu, De Unitate Ecclesiae, 44; PL, 4, 527; S. Wistin, Enarat. 88, Sermo, 2, 14; PL 37,

 1140; S. Gwann Krizostomu, Hom. De Capto Eutropio, 6; PG 52, 402.

[45]. Efes. 5, 25.

[46]. Apok. 21, 5; cfr. II Kor. 5, 17; Gal. 6, 15.

[47]. Cfr. Rum. 6, 4.

[48]. Efes. 4, 23-24; Kol. 3, 9-10.

[49]. Cfr. Rum. 1, 16; I Kor. 1, 18, 2, 4.

[50]. Cfr. 53; AAS 58 (1966), p. 1075.

[51]. Cfr. Terteulljanu, Apologeticum, 39: CCL I, pp. 150-153.

[52]. I Pt. 3, 15.

[53]. Cfr. Kostituzzjoni Lumen Gentium, 1, 9, 48; AAS 57 (1965) pp. 5, 12-14, 53-54; Gaudium et Spes,42, 45,

 AAS 58 (1966), pp. 1060-1061, 1065-1066; Ad Gentes, 1, 5; AAS 58 (1966), pp. 947, 951-952.

[54]. Cfr. Rum. 1, 16; I Kor. 1, 18.

[55]. Cfr. Atti, 17, 22-23.

[56]. I Ġw. 3, 1; Cfr. Rum. 8, 14-17.

[57]. Cfr. Efes. 2, 8; Rum. 1, 16. Cfr. Sacra Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi (21.02.72); AAS 64 (1972), pp.

 237-241.

[58]. Cfr. I Ġw. 3, 2; Rum. 8, 29; Filip. 3, 20-21; Lumen Gentium, 48-51: AAS 57, (1965), pp. 53-58.

[59]. Dikjarazzjoni dwar id-Dutrina Kattolika tas-Sagra Kongregazzjoni tal-24 ta’ Ġunju 1973: AAS 65 (1966),

 pp. 396-408.

[60]. Gaudium et Spes, 47-52: AAS 58 (1966), pp. 1067-1074; Pawlu VI, Enċiklika Humanae Vitae: AAS 60

 (1968), pp. 481-503.

[61]. Pawlu VI, Diskors waqt il-Ftuħ tat-Tielet Assemblea Ġenerali tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet (27.09.74) AAS 66

 (1974, p. 562

[62]. Ibid.

[63]. Pawlu VI, diskors lil Campesinos ta’ Columbia (23.08.68): AAS 60 (1958), p. 637.

[64]. Pawlu VI: Diskors għall-“Jum ta’ l-Iżvilupp” f’Bogota (23.08.68): AAS 60, p 627; cfr. S. Wistin, Epistola

 229, 2: PL 33, 1020.

 

[65]. Pawlu VI, Diskors f’għeluq it-Tielet Assemblea Ġenerali tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet (26.10.74): AAS 66

 (1974), p. 637.

[66]. Diskors magħmul fil-15 ta’ Ottubru 1975. Ara L’Osservatore Romano (17.10.75).

[67]. Pawlu VI fid-Diskors lill-membri tal-Kunsill tal-Lajċi (2.10.74): AAS 66 (1974), p. 568.

[68]. Cfr. I Piet. 3, 1.

[69]. Rum. 10, 14, 17.

[70]. Cfr. I Kor. 2, 1-15.

[71]. Rum. 10, 17.

[72]. Cfr. Mt. 10, 27; Lq. 12, 3.

[73]. Mk. 16, 15.

[74]. Cfr. S. Ġustinu, I Apol. 46, 1-4; PG 6, II Apol. 7 (8); 1-4; 10, 1-3; 13, 3-4; Florilegium Patristiqum II, Bonn

 1911, pp. 81, 125, 129, 133; Klemnt ta’ Alesandria, Stromata 1, 19, 91; 94; Digriet tal-Konċ. Vatikan II, Ad

 Gentes, AAS 58 (1966), p. 960; Lumen Gentium 17, AAS 57 (1965) p. 20.

[75]. Ewsebju ta’ Cesarea Praeparatio Evangelica, I, 1: PG 21, 26-28; Cfr. Lumen Gentium, 16: AAS 57 (1965),

 p.20.

[76]. Cfr. Efes. 3, 8.

[77]. Cfr. Henri de Lubac, Le drame de l’humanisme athee, ed. Spes. Parigi, 1945.

[78]. Cfr. Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 59; AAS 58 (1966), p. 1080.

[79]. I Tim. 2, 4.

[80]. Mt. 9, 36; 15, 32.

[81]. Rum. 10, 15.

[82]. Dikjarazzjoni fuq il-Libertà Reliġjuża, 13: AAS 56 (1966), p. 939.Cfr. Lumen Gentium, 5; AAS 57 (1966) pp.

 7-8; Ad Gentes, 1: AAS 58 (1966) p. 947.

[83]. Ad Gentes, 35: AAS 58 (1966) p. 983.

[84]. S. Wistin, Enarratio in Ps. 44: 23: CCL 38, p. 510; Cfr. Ad Gentes, 1: AAS 58. P. 947.

[85]. S. Girgor il-Kbir, Homil. In Evangelica 19, 1; PL 76, 1154.

[86]. Atti 1:8, cf. Didache 9, 1: Fund Patres Apostolici 1, 22.

[87]. Mt. 28, 20

[88]. Cfr. Mt. 13, 32.

[89]. Cfr. Mt. 13, 47.

[90]. Cfr. Ġw. 21, 11.

[91]. Ġw. 10, 1-16

[92]. Cfr. Kostituzzjoni dwar il-Liturġija, 37-38: AAS 56 (1964) p. 110; cfr. Ukoll kotba liturġiċi u dokumenti oħra

 maħruġa mis-Santa Sede biex jitqiegħdu fil-prattika r-riformi liturġiċi mixtieqa mill-istes Konċilju.

[93]. Pawlu VI, f’għeluq it-Tielet Assemblea Ġenerali tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, (26.10.74): AAS 66 (1974) p.

 636.Diskors

[94]. Cfr. Ġw. 15, 16; Mk 3, 13-19; Lk 6, 13-16

[95]. Cfr. Atti 1, 21-22.

[96]. Cfr. Mk 3, 14.

[97]. Cfr. Mk 3 14-15; Lq. 9, 2.

[98]. Atti 4, 8; cfr. 2, 14; 3, 12.

[99]. Cfr. S. Ljun Manju, Priedki 969, 3; 70, 1-3; 94, 3; 95, 2; S.C 200. Pp. 50-52; 58-66; 258-260; 263.

[100]. Cfr. L-ewwel Konċilju Ekumeniku ta’ Lyons Ad Apostolicae dignitatis, ed Istituto per le Scienze Religiose

 Bologna 1973, p. 278; etc.

[101]. Ad Gentes, 38: AAS (1966), p. 985.

[102]. Lumen Gentium, 22: AAS 57, (1965), p. 26.

[103]. Lumen Gentium, 10, 37; AAS: 57 (1965), pp 14, 43; Ad Gentes, 39; AAS 53 (1966), p. 986; Presbyt. Ordinis

 2, 12, 13; AAS 58 (1966), pp. 92, 1010, 1011.

[104]. Cfr. I Tess. 2, 9.

[105]. Cfr. I, Piet. 5, 4.

[106]. Lumen Gentium,11: AAS 57, (1965), pp.848; Apost Aciuos, 11: AAS 58 (1966), p. 848; S. {wann Kris. In

 Genesim Serm. VI, 2; VII, I; PG 54, 07-68.

[107]. Mt. 3, 17.

[108]. Mt. 4, 1.

[109]. Lq. 4, 14.

[110]. Lq. 4, 18; 21; Cfr. Is. 61, 1.

[111]. Ġw. 20,22.

[112]. Atti 2, 17.

[113]. Cfr. Atti 4, 8.

[114]. Cfr. Atti 9, 17.

[115]. Cfr. Atti 6, 5, 10; 7,55.

[116]. Atti 10, 44.

[117]. Atti 9, 31.

[118]. Ad Gentes 4, AAS 58 (1966), pp. 950-951.

[119]. Ġw. 17, 21.

[120]. Cfr. Atti 20, 28.

[121]. Cfr. Presbyt. Ord., 13: AAS 58 (1966), p.1011.

[122]. Cfr. Lhud 11, 27.

[123]. Ad Gentes, 6; AAS 58 (1966), pp. 954-955. Digriet fuq l-Ekumeniżmu, 1: AAS 57, (1965) pp. 90-91.

[124]. Bull. Apostolorum Limina, VII: AAS 66 (1974), p. 305.

[125]. Rum. 5, 5.

[126]. Cfr. Ġw. 8, 32.

[127]. 1 Tess. 2, 8; cfr. Filipp. 1, 8.

[128]. Cfr. 1 Tess. 2, 7-11; I Kor. 4, 15; Gal. 4, 19.

[129]. Cfr. I Kor. 8, 9-13; Rum. 14,15.

[130]. Cfr. Rum. 12, 11.

[131]. Cfr. Dikjarazzjoni fuq il-Libertà Reliġjuża tal-Konċ. Vatikan II, 4; AAS 58, (1966) p. 933.

[132]. Cfr. Ibid, 1-14; loc cit. Pp. 935-940.

[133]. Ad Gentes 7,: AAS 58, (1966) p. 955.

[134]. Cfr. Rum. 1, 16.

[135]. Filipp. 1, 3-4; 7-8.

 

Ħajr lil Ms Mary Borg għat-typing