ID-DONI TAL-ISPIRTU S-SANTU

L-GĦAQAL

Minn Dun Hector Scerri.

 

Permezz tad-don tal-għaqal, l-Ispirtu l-Qaddis iwieġeb għat-talba tar-ruħ li bħal Sawlu fit-triq ta’ Damasku ssaqsi: “X’għandi nagħmel, Mulej?” (Atti 22,10)

Agħtina dan id-don, Mulej, biex nagħrfu nrażżnu fina kull nuqqas ta’ ħsieb. Permezz tal-għaqal, għinna biex ma nkunux prużuntużi, biex ma ngħaġġlux fil-ġudizzji li nagħmlu.  Dawwaalna biex nagħrfu nagħtu pariri tajba, biex inkunu sodi fil-fehma li nagħmlu l-ġid.

Iftħilna l-għajnejn ta’ qalbna biex nilqgħu t-twissijiet tiegħek u nagħrfu naqraw is-sinjali taż-żminijiet. Bħal Tobija li laqa’ l-pariri għaqlin ta’ missieru Tobit, għinna biex niftħu widnejna beraħ għal kliemek: “Agħmel is-sewwa l-jiem kollha ta’ ħajtek, u taqbadx it-triq tal-ħażen. Għaliex kull min jagħmel is-sewwa, ikollu r-risq f’għemilu” (Tob 4,5-6).

L-għaqal jgħallimna li għandna bżonn min imexxina fil-ħajja spiritwali tagħna. Agħmel li nagħrfu li “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl” (Ġak 1,17). Permezz tad-don tal-għaqal, Missier Qaddis, l-Ispirtu tiegħek iwassalna biex nieħdu deċiżjonijiet tajba u li nkunu prudenti fil-kliem u l-azzjonijiet tagħna.

Aħna u nilqgħu dan id-don, nitolbuk tgħinna nħaddmuh fil-ħajja u l-missjoni tagħna. Inkunu lesti li ntennu: “Imbierek il-Mulej li tani l-fehma; imqar bil-lejl qalbi tgħallimni” (Salm 16,7), u “Skont il-ħsieb tiegħek (Mulej) tmexxini, imbagħad fis-sebħ tilqagħni” (Salm 73,24). Ma’ Ġob nistqarru: “Għandek, Mulej, hemm il-għerf u l-qawwa, tiegħek il-parir u tiegħek id-dehen” (ara Ġob 12,13).

 

Aqra u irrifletti:

L-Ispirtu “hu l-għajn tal-qdusija u d-dawl tal-fehma tagħna, għaliex hu, bil-qawwa tiegħu, qisu jdawwal il-ħlejjaq kollha li jifhmu, ħa jaslu biex jagħrfu l-verita’… Hu jerfa’ ‘l fuq qlub il-bnedmin, jaqbad id-dgħajfin minn idhom, u ‘l dawk li mexjin fi triq il-perfezzjoni jmexxihom dejjem aktar ‘il quddiem” (San Bażilju l-Kbir, L-Ispirtu s-Santu).

 

“Kien għalhekk li l-Mulej wiegħed li jibgħatilna d-Difensur, biex ilaqqagħna tajjeb ma’ Alla. Għax kif id-dqiq ma jistax isir għaġina mingħajr ilma u ma jsirx ħobż, hekk anqas aħna, li aħna ħafna, ma stajna nsiru wieħed fi Kristu Ġesu’ mingħajr l-ilma li ngħatalna mis-sema. U kif l-art niexfa ma tagħmilx frott jekk ma tissaqqiex, hekk aħna, li konna siġra bla ilma, qatt ma konna se nagħmlu frott għall-ħajja kieku Alla ma taniex bil-kotra l-ilma spiritwali” (San Irinew, Kontra l-Ereżiji).

 

Ġwanni Pawlu II, Tertio Millennio Adveniente (1994), par.48: Marija deskritta bħala “l-mara dejjem imħejjija biex tisma’ leħen l-Ispirtu, mara tas-skiet, mara li tisma’, mara ta’ tama”.

 

“Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn” (1 Sl 3,12).