Il-Ħadd, 24 ta'
Lulju 2016Is-Sbagħtax-il
Ħadd Matul is-Sena (Sena Ċ).
Riflessjoni fuq l-Evanġelju ta' San Luqa
(11:1-13) minn Dun Pawl Camilleri. Video
iffilmjat u editjat minn George Palmier.
Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju
issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca
Iklin Malta.
Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif
spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu
qallu: "Mulej, għallimna nitolbu, bħalma
Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu." U
qalilhom: "Meta titolbu, għidu,
'Missier, jitqaddes ismek,
tiġi Saltnatek.
Ħobżna ta' kuljum agħtina kuljum.
U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min
hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib.' "
Qalilhom ukoll: "Wieħed minnkom ikollu ħabib
li jiġih f'nofs ta' lejl u jgħidlu, 'Ħabib,
islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi
wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix
x'nagħtih.' U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u
jgħidlu, 'Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq,
u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax
inqum nagħtik.' Ngħidilkom jien, li jekk ma
jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u
jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ
sfiq tiegħu.
U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom,
fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax
min jitlob, jaqla'; min ifittex, isib; u min
iħabbat, jiftħulu.
Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu
jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp?
Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun?
Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu
tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm
aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu
qaddis lil dawk li jitolbuhulu!"
|