Padre Raniero Cantalamessa ofmcap

Omelija fit-Tifkira Solenni

tal-Passoni u l-Mewt tal-Mulej

Bażilika ta’ San Pietru

19 ta’ April 2019


IDDISPREZZAT U MWARRAB MILL-BNEDMIN”

 

Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh”.

Dan hu l-kliem profetiku ta’ Iżaija li bih bdiet il-liturġija tal-kelma llum.  Ir-rakkont tal-passjoni li kellna warajh ta isem u wiċċ lil dal-bniedem li bata, imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin: l-isem u l-wiċċ ta’ Ġesù ta’ Nazaret.  Illum ejjew nikkuntlemplaw il-Kurċifiss propju f’dis-sura: bħala l-ewwel u li jirrappreżenta l-imwarrbin kollha, il-miċħudin u l-”iskartati” tad-dinja, dawk li quddiemhom indawwru wiċċna n-naħa l-oħra biex ma narawhomx

Ma kienx issa, fil-passjoni, li Ġesù sar hekk.  Tul ħajtu kollha Hu kien wieħed minnhom.  Twieled fi stalla għax il-ġenituri tiegħu “ma sabux kenn fil-lukanda (Lq 2,7).  Meta ppreżentawh fit-tempju ommu u missieru offrew par gamiem jew żewġ bċieċen tal-ħamiem”, l-offerta li l-Liġi kienet titlob mill-foqra li ma setgħux joffru ħaruf (cf. Lev 12,8).  Ċertifikat ċar tal-faqar f’Iżrael ta’ dak iż-żmien.  Tul il-ħajja pubblika tiegħu, m’għandux fejn imidd rasu (Mt 8,20): bniedem bla saqaf fuq rasu.

U naslu għall-passjoni.  F’dar-rakkont hemm waqt li ma tantx nieqfu spiss dwaru, iżda hu mimli tifsir: Ġesù fil-pretorju ta’ Pilatu (cf Mk 15, 16-20).  Is-suldati ndunaw li fil-wesgħa biswit hemm sġajjar tax-xewk: qabdu qatta’ minnhom u għafsuhielu fuq rasu; fuq spallejh għadhom imdemmija minħabba l-flaġellazzjoni qegħedulu mant biex jiddieħku bih, idejh marbuta b’ħabel rożż; f’id minnhom poġġewlu qasba, sinjal ta’ tmaqdir għar-regalità tiegħu.  Huwa l-mudell tal-persuni bil-manetti, waħedhom, taħt il-ħakma tas-suldati u pulizija bla qalb li jisfugaw fuq dawn l-imsejkna li jinsabu taħthom, ir-rabja u l-moħqrija kollha li huma ġemmgħu fihom tul ħajjithom.  Ittorturat!

Ecce homo!”, hekkhu l-bniedem!” jiddikjara Pilatu x’ħin ftit wara ppreżentaħ lill-poplu (Ġw 19,5).  Kelma li (wara li tingħad għal Kristu) tista tingħad ukoll lil dik il-ġemgħa bla għadd ta’ rġiel u nisa demoraliżżati, meqjusin bħala oġġetti, imċaħħdin mid-dinjità umana.  “Jekk dan hu bniedem”: hekk semmiegħ il-ktieb tiegħu dwar ħajtu fil-kamp tal-isterminju ta’ Auschwitz, il-kittieb Primo Levi.  Fuq is-salib, Ġesù ta’ Nazaret isir is-simbolu ta’ din l-umanità kollha “umiljata u offiża”.  Jiġik li tgħid: “Imwarrbin, irrifjutati, iż-żibel tad-dinja kollha: l-akbar bniedem fl-istorja kien wieħed minnkom!  Ta’ liema poplu, razza jew reliġjon int, għandek dritt tqisu tiegħek.

Kittieb u teologu Afro-Amerikan li Martin Luther King kien iqisu bħala l-imgħallem tiegħu u li nebbħu jitqabad għad-drittijiet ċivili mingħajr vjolenza, kiteb ktieb jismu “Jesus and the Disinherited: (1), Ġesù u l-imwarrbin.  Fih hu juri x’kienet tirrappreżenta l-figura ta’ Ġesù għall-ilsiera tan-Nofsinhar, li hu kien dixxendenti dirett tagħhom.  Fiċ-ċaħda ta’ kull dritt u t-twarrib totali, il-kliem tal-Evanġelju li kien itenni l-ministru tal-kult, fl-unika laqgħa li kellu permess jagħmel, lill-ilsiera, kien itihom sens tad-dinjità tagħhom ta’ wlied Alla.

F’dil-klima twieldu l-biċċa l-kbira tan-”negro spirituals” li għadhom sal-lum iqanqlu d-dinja (2).  Fil-ħin tal-irkant pubbliku huma għexu t-tortura jaraw spiss nisa mifrudin minn żwieġhom u ġenituri minn uliedhom, mibjugħin lil sidien differenti.  Ħaġa ħafifa timmaġina b’liema spirtu kienu jkantaw taħt ix-xemx jew fl-għeluq tal-għerejjex tagħhom: Nobody knows the trouble I have seen.  Nobody knows but Jesus”: Ħadd ma jaf l-inkwiet li rajt.  Ħadd ma jaf ħlief Ġesù”

Din mhix l-unika tifsira tal-passjoni u l-mewt ta’ Kristu u l-anqas l-aktar waħda importanti.  It-tifsira l-aktar profonda mhix dik soċjali, imma dik spiritwali.  Dik il-mewt fdiet id-dinja mid-dnub, wasslet l-imħabba t’Alla sal-punt l-aktar imbiegħed u mudlam li l-umanità kienet daħlet fih hi u taħrab minnu, jiġifieri l-mewt.  Mhix, kont qed ngħid, is-sens l-aktar importanti tas-salib, imma hi dak li kulħadd, jemmen jew ma jemminx, jista’ jagħraf u jilqa’.

Ilkoll, intenni, mhux biss min jemmen.  Jekk minħabba l-inkarnazzjoni tiegħu Iben Alla sar bniedem u nagħqad mal-umanità kollha, bil-mod kif seħħet l-inkarnazzjoni tiegħu Hu sar wieħed mill-foqra u l-imwarrbin, issieħeb fil-kawża tagħhom.  Ħadha fuqu stess biex jiżgurana minn dan meta afferma solennement: “Dak li għamiltu mal-imġewwaħ, mal-għeri, mal-ħabsi, mal-eżiljat, għamiltuh miegħi; dak li m’għamiltux magħhom m’għamiltuhx miegħi” (Mt 25, 31-46).

Iżda ma nistgħux nieqfu hawn.  Kieku lill-imwarrbin tad-dinja Ġesù ma kellu xejn aktar x’jgħdilihom ħlief dan, kien ikun biss wieħed minnhom, eżempju tad-dinjità fl-isfortuna, u xejn aktar.  Anzi, kienet tkun prova oħra li Alla jippermetti dan kollu.  Magħrufa sew ir-reazzjoni mgħaddba ta’ Ivan, ir-ribell fost l-Aħwa Karamazov ta’ Dosoevskij, meta d-devot ħuħ iż-żgħir Alioscia semmielu lil Ġesù: “Aħ! ‘il-waħdieni mingħajr dnub’, u demmu hux hekk?  Le, ma nsejtux: u waqt id-diskussjoni stagħġibt kif domt daqshekk ma semmejtuli, peress li soltu, waqt id-diskussjonijiet, dawk kollha tan-naħa tiegħek iqegħedu Lilu qabel kollox” (3).

Infatti l-Evanġelju ma jieqafx hawn; jgħid ħaġa oħra, jgħid li dak li kien imsallab, irxoxta! Fih kollox inqaleb ta’ taħt fuq: it-tellief sar rebbieħ, l-iġġudikat sar l-imħallef, “il-ġebla li warrbu l-bennejja, saret il-ġebla tax-xewka” (cf. Atti 4,11).  L-aħħar kelma ma kinitx u qatt mhi se tkun dik tal-inġustizzja u l-oppressjoni.  Ġesù mhux biss radd lura d-dinjità lill-imwarrbin tad-dinja; tahom ukoll it-tama!

Fl-ewwel tliet sekli tal-Knisja ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid ma kinitx imqassma kif inhi llum fuq ġranet differenti: il-Ġimgħa l-Kbira, Sibt il-Għid u Ħadd il-Għid.  Kollox kien isir f’ġurnata waħda.  Fil-velja tal-Għid kienu jitfakkru kemm il-mewt kif ukoll il-qawmien.  Aktar preċiż: ma kienux jitfakkru la l-mewt u lanqas il-qawmien bħala fatti separati, mifrudin minn xulxin; kien jitfakkar pjuttost Kristu li jgħaddi minn stat għal ieħor, mill-mewt għall-ħajja.  Il-kelma “għid” (pesach) tfisser passaġġ, il-mogħdija tal-poplu Lhudi mill-jasar għall-ħelsien, Kristu li jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier (cf. Ġw 13,1) u fiH il-mogħdija ta’ minn jemmen mid-dnub għall-grazzja.

Hi l-festa li biha Alla jaqleb kollox ta’ taħt fuq permezz ta’ Kristu; hu l-bidu u l-wegħda ta’ taqlib ġust għal kollox u li ma jitreġġax lura, tad-destin tal-umanità.  Foqra, imwarrbin, min hu mxekkel mid-diversi għamliet ta’ jasar li għadu jeżisti fis-soċjetà tagħna: L-Għid hu l-festa tagħkom!

Is-salib fih messaġġ anki għal dawk li jinsabu fuq ix-xaqliba l-oħra: is-setgħana, il-qawwija, dawk li jħossuhom kwieti fir-rwol tagħhom ta’ “rebbieħa”.  U bħal dejjem, hu messaġġ ta’ mħabba u salvazjoni, mhux ta’ mibgħeda u vendetta.  Ifakkarhom li fl-aħħar huma wkoll marbutin mad-destin ta’ kulħadd: li dgħajfa u setgħana, bla difiża jew tiranni, ilkoll ninsabu taħt l-istess liġi u l-istess limitazzjonijiet umani.  Il-mewt, bħax-xabla ta’ Damokle, imdendla fuq ras kulħadd, imqabbda ma xagħra tad-denb iż-żiemel.  Lill-bniedem twiddbu serjament biex ma jaqax fl-agħar ħażen li jista’ jiġrilu: l-illużjoni tal-omnipotenza.  Mhemmx għalfejn immorru wisq lura fiż-żmien, biżżejjed nħasbu fl-istorja riċenti biex nindunaw kemm dal-periklu hu minnu u jwassal bnedmin u popli għat-tiġrif.

L-Iskrittura għandha kliem ta’ għerf etern għal min jiddomina x-xena ta’ did-dinja:

Isimgħu mela, slaten u ifhmu;

il-kbir bil-kbir jaqlagħha (Għerf 6, 1.6)

Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ

qiesu bħall-bhejjem li jintemmu (Salm 49, 21).

X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered? (lq 9,25).

Il-Knisja rċeviet il-mandat mill-fundatur tagħha biex tkun man-naħa tal-foqra u d-dgħajfa, li tkun il-leħen ta’ min m’għandux vuċi u, għall-grazzja t’Alla, dak hu li tagħmel, speċjalment fir-Ragħaj suprem tagħha.

It-tieni dmir storiku li flimkien ir-reliġjonijiet għandhom iħarsu llum, minbarra dak li jxerrdu l-paċi, hu li ma jibqgħux siekta quddiem l-ispettaklu li qiegħed quddiem għajnejn kulħadd.  Ftit ipprivileġġjati għandhom ġid li ma jistgħux jużawh kollu anki kieku jgħixu għal sekli sħaħ filwaqt li hemm għadd bla qies ta’ foqra li m’għandhomx loqma ħobż u boqqa ilma x’jagħtu lil uliedhom.   Ebda reliġjon ma tista’ tkun indifferenti għax l-Alla ta’ kull reliġjon mhux indifferenti quddiem dan kollu. 

Induru lura lejn il-profezija li bdejna biha.  Din tibda’ bid-deskrizzjoni tal-umiljazzjoni tal-Qaddej t’Alla, imma tintemm bid-deskrizzjoni tal-eżaltazzjoni aħħarija tiegħu.  Huwa Alla li qed jitkellem:

“Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl

Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehemu

U jkollu sehem fil-priża mal-qlabenin,

għaliex hu offra ruħu għall-mewt,

u kien magħdud mal-midinbin

Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra,

u ndaħal għall-midinbin

Jumejn oħra, bit-tħabbira tal-qawmien ta’ Kristu, il-liturġija tagħti isem u wiċċ lil dan ir-rebbieħ ukoll.  Nishru u nimmeditaw fl-istennija.

 

[1] Howard Thurman, Jesus and the  Disinherited , Beacon Press, 1949, rist. 2012.

[2] Howard Thurman, Deep River and The Negro Spiritual Speaks of Life and Death, Richmond, Indiana 1975.

[3] F. Dostoevskij, L-Aħwa Karamazov, Il-V ktieb kap. 4.

  

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber