| 
			 
			  | 
			
Sinteżi tal-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali tal-Papa Franġisku, 
Christus vivit
 
Christus vivit – Kristu jgħix
 
“Kristu jgħix. Hu t-tama tagħna u l-isbaħ żgħożija ta’ din id-dinja. Dak kollu 
li jmiss isir żagħżugħ, jiġġedded, ifur bil-ħajja. Għalhekk, l-ewwel kelmiet li 
nixtieq illissen lil kull żagħżugħ Nisrani huma: Hu jgħix u jridek ħaj!”. 
 
Hekk tiftaħ l-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit ta’ 
Franġisku, iffirmata t-Tnejn 25 ta’ Marzu fid-Dar Imqaddsa ta’ Loreto u 
indirizzata “liż-żgħażagħ u lill-poplu kollu ta’ Alla”. Fid-dokument, magħmul 
minn disa’ kapitli mqassma f’299 paragrafu, il-Papa jfisser kif ħalla “jnebbħu 
l-għana tar-riflessjonijiet u tad-djalogi tas-Sinodu” taż-żgħażagħ, iċċelebrat 
il-Vatikan f’Ottubru 2018. 
 
L-ewwel kapitlu: “X’tgħid il-Kelma ta’ Alla dwar iż-żgħażagħ?”
Franġisku jfakkar li “fi żmien fejn iż-żgħażagħ ftit li xejn kienu jiswew, xi 
kitbiet juruna kif Alla jħares lejhom b’għajnejn differenti” (6) u jippreżenta 
fil-qosor figuri ta’ żgħażagħ mit-Testment il-Qadim: Ġużeppi, Gidgħon (7), 
Samwel (8), is-Sultan David (9), Salamun u Ġeremija (10), ix-xebba qaddejja 
Lhudija ta’ Nagħman u ż-żagħżugħa Rut (11). Imbagħad jgħaddi għat-Testment 
il-Ġdid. Il-Papa jfakkarna li “Ġesù, l-eternament żagħżugħ, irid jagħtina qalb 
dejjem żagħżugħa” (13) u jżid: “Ninnutaw li Ġesù ma kienx jogħġbu l-fatt li 
l-adulti kienu jħarsu bi stmerrija lejn dawk l-aktar żgħażagħ jew b’mod 
despotiku jżommuhom għall-qadi tagħhom. Bil-maqlub, kien jitlob: ‘L-akbar 
fostkom għandu jġib ruħu tal-iżgħar wieħed’ (Lq 22:26). Għalih, l-età ma kinitx 
tistabbilixxi l-privileġġi, u li wieħed kellu età iżgħar ma kienx ifisser li 
kien jiswa inqas”. Franġisku jafferma: “M’għandux għax jiddispjaċina li nqattgħu 
ż-żgħożija tagħna fit-tjieba, billi niftħu qalbna għall-Mulej, ngħixu b’mod 
differenti” (17).
 
It-tieni kapitlu: “Ġesù Kristu dejjem żagħżugħ”
Il-Papa jaffronta t-tema tas-snin taż-żgħożija ta’ Ġesù u jfakkarna fir-rakkont 
evanġeliku li jpinġi lin-Nazzarenu “fil-qalba tal-adolexxenza tiegħu, meta reġa’ 
lura mal-ġenituri tiegħu f’Nazaret, wara li kienu tilfuh u reġgħu sabuh 
fit-Tempju” (26). Ma rridux naħsbu, jgħid Franġisku, li “Ġesù kien xi adolexxent 
solitarju jew żagħżugħ li kien jaħseb biss fih innifsu. Ir-relazzjoni tiegħu 
man-nies kienet dik ta’ żagħżugħ li kien jaqsam fil-ħajja kollha ta’ familja 
intergrata tajjeb fir-raħal”, “ħadd ma kien iżommu b’żagħżugħ stramb jew maqtugħ 
mill-oħrajn” (28). Il-Papa jinnota li Ġesù adolexxent, “grazzi għall-fiduċja 
tal-ġenituri tiegħu… iħossu liberu li jitħarrek u jitgħallem jimxi mal-oħrajn 
kollha” (29). Dawn l-aspetti tal-ħajja ta’ Ġesù ma għandhomx jiġu injorati 
fil-pastorali maż-żgħażagħ, “biex ma noħolqux proġetti li jiżolaw liż-żgħażagħ 
mill-familja u mid-dinja, jew li jibdluhom f’minoranza magħżula u attenta li ma 
tmurx tittieħed mix-xejriet ta’ barra”. Imma għandna bżonn ta’ “proġetti li 
jsaħħuhom, iseħbuhom u jwassluhom għal-laqgħa tagħhom mal-oħrajn, għall-qadi 
ġeneruż, il-missjoni” (30).
 
Ġesù “lilkom, żgħażagħ, ma jdawwalkomx mill-bogħod jew minn barra, imma ibda 
mill-istess żgħożija tiegħu, li hu jaqsam magħkom” u fih nistgħu nagħrfu l-bosta 
aspetti tipiċi tal-qlub żgħażagħ (31). Qrib “tiegħu nistgħu nixorbu mill-għajn 
vera, li żżomm ħajja l-ħolmiet tagħna, il-proġetti tagħna, l-ideali kbar tagħna, 
u li tindirizzana lejn it-tħabbira ta’ ħajja li hi ta’ min jgħixha” (32); 
“il-Mulej qed isejħilna biex nixegħlu kwiekeb fil-lejl ta’ żgħażagħ oħra” (33).
 
Għalhekk Franġisku jitkellem fuq iż-żgħożija tal-Knisja u jikteb: “Nitolbu 
lill-Mulej jeħles lill-Knisja minn dawk li jridu jxejħuha, iżommuha mwaħħla 
fil-passat, iwaqqfuha, ma jħalluhiex tiċċaqlaq. Nitolbuh anki jeħlisha minn 
tentazzjoni oħra: li temmen li hi żagħżugħa għax tbaxxi rasha għal dak kollu li 
d-dinja toffrilha, li temmen li tiġġedded jekk taħbi l-messaġġ tagħha u tinħeba 
qalb il-kotra. Le. Hi żagħżugħa meta tkun dak li tassew hi, meta tirċievi 
l-qawwa tagħha dejjem ġdida mill-Kelma ta’ Alla, mill-Ewkaristija, mill-preżenza 
ta’ Kristu u tal-qawwa tal-Ispirtu tiegħu kuljum” (35). 
 
Huwa minnu li “aħna l-membri tal-Knisja ma rridux inkunu strambi”, imma 
fl-istess waqt “irid ikollna l-kuraġġ li nkunu differenti, li nikxfu ħolm ieħor 
li din id-dinja ma toffrix, li nagħtu xhieda tal-ġmiel tal-ġenerożità, 
tas-servizz, tas-safa, tal-qawwa, tal-maħfra, tal-fedeltà għall-vokazzjoni 
tagħna, tat-talb, tat-taqbida għall-ġustizzja u l-ġid komuni, tal-imħabba 
għall-foqra, tal-ħbiberija soċjali” (36). Il-Knisja tista’ tiġi ttentata titlef 
il-ħeġġa tagħha u tfittex “ċertezzi mondani foloz. Huma proprju ż-żgħażagħ li 
jistgħu jgħinuha tibqa’ żagħżugħa” (37).
 
Il-Papa mbagħad jirritorna għal tagħlim li għalih hu fost l-egħżeż u, biex 
ifisser li hemm bżonn nippreżentaw il-figura ta’ Ġesù “b’mod attraenti u 
effikaċi”, jgħid: “Għalhekk hemm bżonn li l-Knisja ma tkunx ħsiebha żżejjed fiha 
nfisha, imma tirrifletti fuq kollox lil Ġesù Kristu. Dan ifisser li tagħraf 
b’umiltà li hemm xi affarijiet konkreti li jeħtieġ jinbidlu” (39).
 
Fl-Eżortazzjoni jingħad li hemm żgħażagħ li jħossu li l-preżenza tal-Knisja 
“tagħtihom fastidju u ddejjaqhom”. Atteġġjament li għandu għeruqu “wkoll 
f’raġunijiet serji u li jixirqilhom ir-rispett tagħna: l-iskandli sesswali u 
ekonomiċi; in-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-ministri ordnati li ma jafux jaqraw 
kif jixraq is-sensibbiltà taż-żgħażagħ; ir-rwol passiv li jingħataw iż-żgħażagħ 
fi ħdan il-komunità Nisranija; il-Knisja li ssibha bi tqila tagħti raġuni 
lis-soċjetà għall-pożizzjonijiet duttrinali u etiċi tagħha” (40).
 
Hemm żgħażagħ li “jixtiequ Knisja li tisma’ iżjed, li ma toqgħodx il-ħin kollu 
tikkundanna lid-dinja. Ma jridux jaraw Knisja siekta u najxa, imma lanqas waħda 
dejjem fi gwerra minħabba f’żewġ temi jew tlieta li bihom hi ossessjonata. Biex 
tkun kredibbli f’għajnejn iż-żgħażagħ, xi drabi jkun hemm bżonn terġa’ tumilja 
ruħha u sempliċiment tisma’, tagħraf f’dak li jgħidu oħrajn dawl li jista’ 
jgħinha tiskopri aħjar il-Vanġelu” (41). Ngħidu aħna, Knisja li tibża’ żżejjed 
tista’ tkun il-ħin kollu kritika “fil-konfront tad-diskorsi kollha fuq id-difiża 
tad-drittijiet tan-nisa u trid turi l-ħin kollu r-riskji u l-iżbalji li jista’ 
jġib miegħu t-tiftix ta’ dawn id-drittijiet”, waqt li Knisja “ħajja tista’ 
tirreaġixxi billi tagħti attenzjoni lit-tiftix leġittimu tad-drittijiet 
tan-nisa”, imqar jekk “ma taqbilx ma’ dak kollu li jipproponu ċerti gruppi 
femministi” (42).
 
Franġisku għalhekk jippreżenta lil “Marija, ix-xebba ta’ Nazaret”, u l-iva 
tagħha bħala dik “ta’ min irid iċappas idejh u jirriskja, ta’ min irid jilgħab 
kollox, mingħajr garanzija oħra ħlief iċ-ċertezza li taf li hi qed iġġorr fiha 
wegħda. U jien nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom: tħossu li qed iġġorru 
fikom wegħda?” (44). Għal Marija, “id-diffikultajiet ma kinux raġuni biex tgħid 
‘le’” u bl-involviment tagħha saret “l-‘influencer’ ta’ Alla”. Il-qalb 
tal-Knisja hi wkoll mimlija b’żgħażagħ qaddisin. Il-Papa jfakkar f’San Bastjan, 
San Franġisk ta’ Assisi, Santa Giovanna d’Arc, il-Beatu martri Andrew Phû Yên, 
Santa Kateri Tekakwitha, San Duminku Savio, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, 
il-Beatu Ceferino Namuncurá, il-Beatu Isidoro Bakanja, il-Beatu Pier Giorgio 
Frassati, il-Beatu Marcel Callo, u l-Beata żagħżugħa Chiara Badano.
 
It-tielet kapitlu: “Intom l-illum ta’ Alla”
Franġisku jafferma li ma nistgħux nillimitaw ruħna u ngħidu li “ż-żgħażagħ huma 
l-futur tad-dinja: huma l-preżent, qed jagħnuh bil-kontribut tagħhom” (64). 
Għalhekk jeħtieġ nisimgħuhom imqar jekk “xi drabi tipprevali t-tendenza li 
nipprovdu tweġibiet prekonfezzjonati u riċetti lesti, mingħajr ma nħallu joħorġu 
l-mistoqsijiet taż-żgħażagħ fl-aspett ġdid tagħhom u nilqgħu l-provokazzjoni 
tagħhom” (65).
 
“Illum aħna l-adulti qed nirriskjaw li nagħmlu lista ta’ diżastri, ta’ difetti 
taż-żgħażagħ ta’ żmienna… Xi jkun ir-riżultat ta’ dan l-atteġġjament? Distanza 
dejjem ikbar bejnietna” (66). Min hu msejjaħ ikun missier, ragħaj u gwida 
taż-żgħażagħ għandu jkollu l-ħila “jindividwa mixjiet fejn oħrajn qed jaraw biss 
ħitan, jilmaħ possibbiltajiet fejn oħrajn jaraw biss perikli. Hekk hi l-ħarsa 
ta’ Alla l-Missier, li kapaċi jivvalorizza u jkabbar iż-żerriegħa li hemm 
fil-qalb taż-żagħażagħ. Għalhekk il-qalb ta’ kull żagħżugħ għandha titqies ‘art 
qaddisa’” (67). Franġisku jżid jistedinna biex ma niġġeneralizzawx, għax 
“teżisti pluralità ta’ dinjiet taż-żgħażagħ” (68).
 
Huwa u jitkellem fuq minn xiex jgħaddu ż-żgħażagħ, il-Papa jiftakar fiż-żgħażagħ 
li jgħixu f’kuntesti ta’ gwerra, dawk sfruttati u vittmi ta’ ħtif, kriminalità 
organizzata, traffikar ta’ bnedmin, jasar u sfruttament sesswali, stupri. U anki 
dawk li jġarrbu atti kriminali u vjolenzi (72). “Ħafna żgħażagħ huma 
ideoloġizzati, strumentalizzati u użati bħala laħam tal-priża u bħala għodda 
biex teqred, tbeżża’ jew tirredikola lill-oħrajn. U l-agħar ħaġa hi li ħafna 
jinbidlu f’suġġetti individwalisti, għedewwa u suspettużi f’kulħadd, u hekk 
isiru priża faċli ta’ proposti diżumanizzanti u ta’ pjanijiet qerrieda minsuġa 
minn gruppi politiċi jew poteri ekonomiċi” (73). Iżjed kotrana huma dawk li 
jġarrbu xi xorta ta’ emarġinazzjoni u esklużjoni soċjali għal raġunijiet 
reliġjużi, etniċi jew ekonomiċi. Franġisku jikkwota adolexxenti u żgħażagħ li 
“joħorġu tqal u l-pjaga tal-abort, kif ukoll it-tixrid tal-HIV, il-bosta xorta 
ta’ dipendenza (drogi, logħob tal-azzard, pornografija, u l-bqija) u 
s-sitwazzjoni tat-tfal tat-triq” (74), sitwazzjonijiet li jsiru iktar ta’ swied 
il-qalb u ibsin għan-nisa. “Ma nistgħux inkunu Knisja li ma tibkix quddiem dawn 
it-traġedji ta’ wliedha żgħażagħ. Qatt ma għandna nidraw… L-agħar ħaġa li 
nistgħu nagħmlu hi li napplikaw ir-riċetta tal-ispirtu ta’ din id-dinja li 
jissarraf f’li nilluppjaw liż-żgħażagħ b’aħbarijiet oħra, b’distrazzjonijiet 
oħra, b’banalitajiet” (75). Il-Papa jistieden liż-żgħażagħ jitgħallmu jibku għal 
sħabhom li huma agħar minnhom (76).
 
Huwa minnu, jispjega Franġisku, li “s-setgħana jagħtu xi għajnuniet, imma spiss 
bi prezz għoli. F’ħafna pajjiżi foqra, l-għajnuna ekonomika ta’ xi pajjiżi iżjed 
għonja jew ta’ xi organizzazzjonijiet internazzjonali normalment hi marbuta 
mal-aċċettazzjoni ta’ proposti min-naħa tal-Punent f’materja ta’ sesswalità, 
żwieġ, ħajja jew ġustizzja soċjali. Din il-kolonizzazzjoni ideoloġika tagħmel 
ħsara b’mod partikulari liż-żgħażagħ” (78). Il-Papa jiftħilna għajnejna wkoll 
għall-kultura tal-lum li tippreżenta l-mudell żagħżugħ tas-sbuħija u tinqeda 
bil-ġisem taż-żgħażagħ fil-pubbliċità: “mhuwiex xi eloġju liż-żgħażagħ. Ifisser 
biss li l-adulti jridu jisirqu ż-żgħożija għalihom infushom” (79).
 
F’aċċenn għal “xewqat, ġrieħi u tiftix”, Franġisku jitkellem fuq is-sesswalità: 
“F’dinja li tonfoħ iżżejjed is-sesswalità, diffiċli nżommu relazzjoni tajba ma’ 
ġisimna u ngħixu serenament ir-relazzjonijiet affettivi”. Minħabba f’hekk ukoll 
il-morali sesswali spiss hi kawża ta’ “nuqqas ta’ ftehim u ta’ tbegħid 
mill-Knisja” għax tinftiehem “bħala spazju ta’ ġudizzju u ta’ kundanna”, 
minkejja li hawn żgħażagħ li jixtiequ jikkonfrontaw ruħhom fuq dawn it-temi 
(81). Il-Papa, quddiem l-iżviluppi tax-xjenza, tat-tekonoloġiji bijomediċi u 
tan-newroxjenzi jfakkar li “jistgħu jnessuna li l-ħajja hi don, li aħna essri 
maħluqa u limitati, li nistgħu faċilment niġu strumentalizzati minn min għandu 
f’idejh il-poter teknoloġiku” (82).
 
L-Eżortazzjoni mbagħad tieqaf fuq it-tema tal-“ambjent diġitali”, li ħoloq “mod 
ġdid ta’ komunikazzjoni” u li “jista’ jiffaċilita ċ-ċirkulazzjoni ta’ 
informazzjoni indipendenti”. F’ħafna pajjiżi, l-internet u x-xbieki soċjali 
“llum saru post essenzjali biex nilħqu u ninvolvu liż-żgħażagħ” (87). Imma “huma 
wkoll territorju ta’ solitudni, manipulazzjoni, sfruttament u vjolenza, sal-każ 
estrem tad-‘dark web’. Il-midja diġitali tista’ tesponi għar-riskju ta’ 
dipendenza, ta’ iżolament u biex bil-mod il-mod jintilef il-kuntatt mar-realtà 
konkreta… Xejriet ġodda ta’ vjolenza jixterdu permezz tal-midja soċjali, ngħidu 
aħna l-ibbuljar fuq is-siti tal-internet; l-internet huwa wkoll kanal 
għat-tixrid tal-pornografija u ta’ sfruttament tal-persuni għal skop sesswali 
jew bil-logħob tal-azzard” (88). Ma rridux ninsew li fid-dinja diġitali “hemm 
għaddejjin interessi ekonomiċi ġganteski”, li kapaċi joħolqu “mekkaniżmi ta’ 
manipulazzjoni tal-kuxjenzi u tal-proċess demokratiku”. Hemm ċrieki magħluqa li 
“jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni u aħbarijiet foloz, jagħwu bi 
preġudizzji u mibegħda… Il-fama tal-persuna tispiċċa pperikolata minn proċessi 
mgħaġġla onlajn. Il-fenomenu jolqot ukoll il-Knisja u r-ragħajja tagħha” (89). 
F’dokument imħejji minn tliet mitt żagħżugħ u żagħżugħa mid-dinja kollha qabel 
is-Sinodu jingħad li “r-relazzjonijiet onlajn jistgħu jsiru diżumani” u l-mod 
kif spiċċajna mgħarrqin fid-dinja virtwali ffavorixxa “xorta ta’ ‘migrazzjoni 
diġitali’, jiġifieri qtugħ mill-familja, mill-valuri kulturali u reliġjużi, li 
jwassal lil ħafna persuni għal dinja ta’ solitudni” (90).
 
Il-Papa jkompli billi jippreżenta “l-migranti bħala paradigma ta’ żmienna”, u 
jfakkar tant żgħażagħ involuti fil-migrazzjoni. “It-tħassib tal-Knisja jolqot 
b’mod partikulari lil dawk li jaħarbu mill-gwerra, mill-vjolenza, 
mill-persekuzzjoni politika jew reliġjuża, mid-diżastri naturali minħabba wkoll 
bidliet fil-klima, u mill-faqar estrem” (91): mhux biss ifittxu opportunitajiet 
ġodda, imma joħolmu futur aħjar. Migranti oħra jħossuhom “miġbudin mill-kultura 
tal-Punent, u xi drabi jinbtu fihom aspettattivi irrealistiċi li jesponuhom għal 
delużjonijiet peżanti. Traffikanti bla skrupli, spiss imdaħħla fis-suq tad-droga 
u tal-armamenti, jisfruttaw id-dgħufija tal-migranti… Irridu nsemmu b’mod 
partikulari l-vulnerabbiltà tal-migranti minuri mhux akkumpanjati… F’xi pajjiżi 
fejn jaslu, il-fenomeni migratorji jqajmu sens ta’ allarm u biża’, spiss imrewħa 
u sfruttati għal fini politiċi. Hekk tixtered mentalità ksenofobika u ta’ għeluq 
fina nfusna, li jeħtieġ nirreaġixxu għaliha b’determinazzjoni” (92). Iż-żgħażagħ 
migranti spiss iħossuhom maqlugħa mill-għeruq kulturali u reliġjużi tagħhom 
(93). Franġisku jitlob “b’mod partikulari liż-żgħażagħ biex ma jaqgħux 
fix-xbieki ta’ dawk li jridu jpoġġuhom kontra żgħażagħ oħra li jaslu 
f’pajjiżhom, u jiddeskrivuhomlhom bħala suġġetti perikulużi” (94).
 
Il-Papa jitkellem ukoll fuq l-abbużi fuq il-minuri, u jagħmel tiegħu stess 
l-impenn tas-Sinodu b’risq l-adozzjoni rigoruża ta’ prevenzjoni u jesprimi 
gratitudni “lejn dawk li għandhom il-kuraġġ li jikkundannaw id-deni li sarilhom” 
(99), u jfakkar li “għall-grazzja ta’ Alla” s-saċerdoti li ħammġu jdejhom b’dawn 
il-“krimini orribbli mhumiex il-maġġoranza, li fil-verità hi magħmula minn dawk 
li qed iwettqu ministeru fidil u ġeneruż”. Jitlob liż-żgħażagħ biex, jekk jaraw 
saċerdot li jinsab f’riskju għax qabad it-triq żbaljata, isibu l-kuraġġ li 
jfakkruh fl-impenn tiegħu lejn Alla u lejn il-poplu tiegħu (100).
 
L-abbużi mhumiex l-uniku dnub fil-Knisja. “Dnubietna huma taħt għajnejn kulħadd; 
huma riflessi bla ħniena fit-tikmix tal-wiċċ millennarju ta’ Ommna”, imma 
l-Knisja ma tfittex ebda kirurġija estetika, “ma tibżax turi d-dnubiet 
tal-membri tagħha”. “Għalhekk niftakru li lill-Omm m’għandniex nitilquha waħidha 
meta hi midruba” (101). Dan il-mument mudlam, bl-għajnuna taż-żgħażagħ, “jista’ 
jkun tabilħaqq opportunità għal riforma ta’ qawwa epokali, biex ninfetħu għal 
Pentekoste ġdid” (102). 
 
Franġisku jfakkar liż-żgħażagħ li “hemm triq biex noħorġu” mis-sitwazzjonijiet 
kollha koroh u ta’ tbatija. Ifakkar fl-aħbar it-tajba li xxandret fl-għodwa 
tal-Qawmien. U jfisser li mqar jekk id-dinja diġitali tista’ tesponina għal tant 
riskji, hemm żgħażagħ li jafu jkunu kreattivi u ġenjali f’dawn l-oqsma. 
Bħall-Venerabbli Carlo Acutis, li “għaraf jinqeda bit-teknoloġiji l-ġodda 
tal-komunikazzjoni biex iwassal il-Vanġelu” (105), ma nqabadx fin-nassa u kien 
jgħid: “Kulħadd jitwieled oriġinali, imma ħafna jmutu fotokopji”. “Tħallix li 
jiġrilek hekk” (106), iwissi l-Papa. “Tħallix lil min jisraqlek it-tama u 
l-ferħ, lil min isakkrek biex jużak bħala lsir tal-interess tiegħu” (107), 
fittex id-destinazzjoni l-kbira tal-qdusija. “Li nkunu żgħażagħ ma jfissirx biss 
infittxu l-pjaċiri li jgħaddu u suċċessi tal-qoxra. Sakemm iż-żgħożija ma 
tilħaqx il-fini tagħha fil-mixja tal-ħajja tiegħek, trid tkun żmien ta’ għotja 
ġeneruża, ta’ offerta sinċiera” (108). “Jekk int żagħżugħ fl-età, imma tħossok 
wisq dgħajjef, għajjien u deluż, itlob lil Ġesù jġeddek” (109). Imma ftakar 
dejjem li “diffiċli ħafna neħduha kontra… l-perikli u t-tiġrib tax-xitan u 
tad-dinja egoista jekk aħna waħidna” (110), fil-fatt neħtieġu ħajja komunitarja.
 
Ir-raba’ kapitlu: “It-tħabbira l-kbira liż-żgħażagħ kollha” 
Liż-żgħażagħ kollha l-Papa jħabbrilhom tliet veritajiet kbar. “Alla li hu 
mħabba” u għalhekk “Alla jħobbok, qatt tiddubitah dan” (112) u tista’ “tinxteħet 
bla nkwiet ta’ xejn fid-dirgħajn ta’ Missierek tas-Sema” (113). Franġisku 
jafferma li l-memorja tal-Missier “mhix xi ‘hard disk’ li jżomm u jarkivja 
l-informazzjoni kollha tagħna, il-memorja tiegħu hi qalb ħelwa mimlija ħniena, u 
jieħu gost iħassar darba għal dejjem kull ħjiel ta’ ħażen tagħna… Għax iħobbok. 
Fittex li toqgħod għal mument fis-skiet u tħallih iħobbok” (115). U tiegħu hi 
mħabba “li iktar tafek terġa’ tqum milli taqa’, iktar taf ir-rikonċiljazzjoni 
milli l-projbizzjoni, iktar taf tagħti opportunitajiet ġodda milli tikkundanna, 
futur milli passat” (116).
 
It-tieni verità hi li “Kristu jsalvak”. “La tinsa qatt li hu jaħfer sebgħa għal 
sebgħa u sebgħin darba. Jerġa’ jerfagħna fuq spallejh għal darba wara l-oħra” 
(119). Ġesù jħobbna u jsalvana, għax “tista’ ssalva biss lil min l-ewwel tkun 
ħabbejtu. Tista’ tibdel biss lil min tkun għannaqt. L-imħabba tal-Mulej hi ikbar 
mill-ħażen kollu tagħna, mid-dgħufijiet u l-għemejjel imsejkna kollha tagħna” 
(120). U “l-maħfra tiegħu u s-salvazzjoni tiegħu mhumiex xi ħaġa li xtrajnieha 
jew li jeħtieġ niksbuha bl-opri u l-isforzi tagħna. Hu jaħfrilna u jeħlisna 
b’xejn” (121). It-tielet verità hi li “Hu jgħix!”. “Jeħtieġ niftakruh dan… għax 
nirriskjaw li nieħdu lil Ġesù Kristu biss bħala eżempju tajjeb mill-imgħoddi, 
bħala tifkira, bħala xi ħadd li salvana elfejn sena ilu. Dan ma jkun jiswielna 
għal xejn, iħallina kif sabna, ma jeħlisniex” (124). Jekk “hu jgħix, dan hu 
garanzija li t-tajjeb jista’ jsaltan f’ħajjitna… Allura nistgħu nieqfu ngemgmu u 
nibdew inħarsu ’l quddiem, għax flimkien miegħu dejjem tista’ tħares ’il 
quddiem” (127).
 
F’dawn il-veritajiet jidher il-Missier u jidher Ġesù. U fejn hemm huma, hemm 
ukoll l-Ispirtu s-Santu. “Sejjaħ ta’ kuljum lill-Ispirtu s-Santu… Titlef xejn u 
hu jista’ jibdillek ħajtek, jista’ jdawwalha u jagħtiha rotta aħjar. Ma jeħodlok 
xejn, ma jnaqqaslek xejn, anzi, jgħinek issib dak li għandek bżonn bl-aħjar mod” 
(131). 
 
Il-ħames kapitlu: “Mixjiet taż-żgħażagħ”
“L-imħabba ta’ Alla u r-relazzjoni tagħna ma’ Kristu ħaj ma jżommuniex milli 
noħolmu, ma jitolbuniex indejqu l-ixfqa ta’ ħajjitna. Bil-maqlub, din l-imħabba 
tixprunana, tistimulana, tiftaħna għal ħajja aħjar u isbaħ. Il-kelma ‘tħassib’ 
tiġbor fiha ħafna mix-xewqat fil-qlub taż-żgħażagħ” (138). Meta jaħseb f’xi ħadd 
żagħżugħ, il-Papa jara lil dak li jżomm dejjem riġlu wieħed quddiem l-ieħor, 
lest biex jitlaq, biex jagħmel xi ħaġa, dejjem orjentat ’il quddiem (139). 
Iż-żgħożija ma tistax tibqa’ “żmien sospiż”, għax “hi ż-żmien tal-għażliet” 
f’ambitu professjonali, soċjali, politiku u anki fl-għażla tas-sieħeb jew sieħba 
jew li wieħed iġib l-ewwel ulied. L-ansjetà “tista’ ssir waħda mill-agħar 
għedewwa meta twassalna biex inċedu l-armi xħin niskopru li r-riżultati mhumiex 
immedjati. L-isbaħ ħolm jitwettaq bit-tama, is-sabar u t-tħabrik, u meta nwarrbu 
l-għaġla żejda. Fl-istess waqt, ma nistgħux neħlu għax ma nħossuniex fiż-żgur, 
ma rridux nibżgħu nirriskjaw jew inkella li ħa nagħmlu xi żball” (142). 
Franġisku jistieden liż-żgħażagħ biex ma jgħixux ħajjithom gallarija, ma 
jgħaddux ħajjithom quddiem skrin, ma jirriduċux ruħhom għal karozzi mitluqa u ma 
jħarsux lejn id-dinja qishom kienu turisti: “Agħmlu ħoss! Keċċu l-biżgħat li qed 
iwaħħlukom… għixu!” (143). Jistedinhom “jgħixu l-preżent” billi jgawdu bi 
gratitudni kull don ċkejken tal-ħajja mingħajr ma jispiċċaw “qatt mhuma 
sodisfatti b’xejn” jew “ossessjonati bil-pjaċiri bla tarf” (146). Fil-fatt, li 
ngħixu l-preżent “ma jfissirx li nintelqu għal ħajja vvizzjata b’mod 
irresponsabbli li tħallina battala u bla sodisfazzjon veru” (147).
 
“Qatt m’int ħa tagħraf il-milja taż-żgħożija, jekk… ma tgħixx il-ħbiberija ma’ 
Ġesù” (150). Il-ħbiberija miegħu ma tistax tinħall għax hu ma jitlaqniex waħidna 
(154) u hekk, bħalma nagħmlu ma’ ħabib, “nitkellmu, naqsmu anki l-iżjed ħwejjeġ 
mistura, ma’ Ġesù nidħlu anki f’konverżazzjoni”: meta nitolbu, “nilagħbu 
l-logħba tiegħu, nagħmlulu spazju biex hu jista’ jaġixxi u jista’ jidħol u 
jista’ jirbaħ” (155). “La ċaħħadx iż-żgħożija tiegħek minn din il-ħbiberija”, 
“tgħix l-esperjenza sabiħa ta’ min jaf li hu dejjem imsieħeb” bħalma ġralhom 
id-dixxipli ta’ Għemmaws (156); San Oscar Romero kien jgħid: “Il-Kristjaneżmu 
mhuwiex ġabra ta’ veritajiet li jeħtieġ nemmnu, ta’ liġijiet li jeħtieġ 
nosservaw, ta’ projbizzjonijiet. Għax hekk jimbuttana flok jiġbidna. 
Il-Kristjaneżmu hu Persuna li ħabbitni tant li issa qiegħda titlob imħabbti. 
Il-Kristjaneżmu hu Kristu”. 
 
Għalhekk il-Papa, meta jitkellem fuq kif nikbru u nimmaturaw, jurina 
bl-importanza li nfittxu “żvilupp spiritwali”, li “nfittxu lill-Mulej u nħarsu 
l-Kelma tiegħu”, li nżommu “l-‘konnessjoni’ ma’ Ġesù… għax m’intix se tikber 
fil-ferħ u fil-qdusija biss bil-qawwa u l-ħsieb tiegħek” (158). Anki l-adult 
irid jimmatura mingħajr ma jitlef il-valuri taż-żgħożija: “F’kull mument 
tal-ħajja nistgħu nġeddu u nkabbru ż-żgħożija tagħna. Meta bdejt il-ministeru 
tiegħi bħala Papa, il-Mulej wessa’ l-ixfqa tiegħi u tani żgħożija mġedda. 
L-istess ħaġa tista’ tiġri lil koppja li ilha miżżewġa ħafna snin, jew lil 
monaku fil-monasteru tiegħu” (160). Li tikber “ifisser tgħożż u ssaħħaħ fik 
il-ħwejjeġ l-aktar prezzjużi li tagħtik iż-żgħożija, imma fl-istess waqt ifisser 
inkunu miftuħa biex insaffu fina dak li mhux tajjeb” (161). “Imma nfakkrek li 
m’intix ħa ssir qaddis u tħoss ħajtek mimlija jekk toqgħod tikkupja 
lill-oħrajn”, “jeħtieġ tiskopri min int u tiżviluppa l-mod personali tiegħek kif 
tkun qaddis” (162). Franġisku jipproponi “mixjiet ta’ fraternità” biex nistgħu 
ngħixu l-fidi, u jfakkarna li “l-Ispirtu s-Santu jrid joħroġna ’l barra minna 
nfusna, biex inħaddnu magħna lill-oħrajn… Għalhekk dejjem aħjar ngħixu l-fidi 
flimkien u nesprimu mħabbitna f’ħajja komunitarja” (164), waqt li negħlbu 
“t-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna, fil-problemi tagħna, fis-sentimenti 
miġruħa tagħna, fit-tgergir u fil-kumditajiet” (166). Alla “jħobb il-ferħ 
taż-żgħażagħ u jistedinhom fuq kollox għal dik l-allegrija li tingħax 
fil-komunjoni tal-aħwa” (167).
 
Il-Papa mbagħad jitkellem fuq iż-“żgħażagħ impenjati”, u jafferma li xi drabi 
jistgħu “jirriskjaw li jingħalqu fi gruppi żgħar… Iħossuhom qed jgħixu l-imħabba 
fraterna, imma forsi l-grupp tagħhom sar sempliċi estensjoni tal-jien tagħhom. 
Dan jiggrava jekk il-vokazzjoni tal-lajk tinftiehem biss bħala servizz fi ħdan 
il-Knisja…, u ninsew li l-vokazzjoni lajkali hi qabelxejn l-imħabba fil-familja 
u l-imħabba soċjali u politika” (168). Franġisku jipproponi “liż-żgħażagħ li 
jmorru lil hemm mill-gruppi ta’ ħbieb tagħhom u jibnu l-ħbiberija soċjali, 
ifittxu l-ġid komuni. L-ostilità soċjali teqred. U familja teqred lilha nfisha 
bil-mibegħda. Pajjiż jeqred lilu nnifsu bil-mibegħda. Id-dinja tinqered 
bil-mibegħda. U l-ikbar mibegħda hi l-gwerra. Illum il-ġurnata qed naraw 
lid-dinja teqred lilha nfisha bil-gwerra. Għax ma jafux ipoġġu bilqiegħda u 
jitkellmu” (169).
 
“L-impenn soċjali u l-kuntatt dirett mal-foqra jibqgħu okkażjoni fundamentali 
ta’ skoperta u approfondiment tal-fidi u ta’ dixxerniment tal-vokazzjoni” (170). 
Il-Papa jsemmi l-eżempju pożittiv taż-żgħażagħ tal-parroċċi, gruppi u movimenti 
li “għandhom id-drawwa li jmorru jagħmlu kumpanija lill-anzjani u l-morda, jew 
li jżuru l-postijiet fejn hemm il-foqra” (171). Waqt li “żgħażagħ oħra 
jipparteċipaw fi programmi soċjali bl-għan li jibnu djar lil min m’għandux saqaf 
fuq rasu, jew biex jgħinu reġjuni mniġġsa, jew biex jiġbru l-għajnuna għal dawk 
l-iktar fil-bżonn. Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku din l-enerġija komunitarja tiġi 
applikata mhux biss f’azzjonijiet sporadiċi imma b’mod stabbli!”. L-istudenti 
universitarji “jistgħu jingħaqdu b’mod interdixxiplinari biex japplikaw dak li 
jafu ħalli jgħinu jissolvew problemi soċjali, u f’din il-ħidma jistgħu jaħdmu id 
f’id ma’ żgħażagħ ta’ Knejjes oħra jew ta’ reliġjonijiet oħra” (172). Franġisku 
jħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jagħmlu tagħhom dan l-impenn: “Nara li ħafna żgħażagħ 
f’tant partijiet tad-dinja ħarġu fit-toroq biex jesprimu x-xewqa tagħhom għal 
ċiviltà iżjed ġusta u fraterna… Huma żgħażagħ li jixtiequ jkunu protagonisti 
tal-bidla… Tħallux li jkunu oħrajn il-protagonisti tal-bidla!” (174).
 
Iż-żagħażagħ huma msejħa biex ikunu “missjunarji kuraġġjużi”, u jagħtu xhieda 
kullimkien tal-Vanġelu b’ħajjithom, li ma jfissirx “jitkellmu fuq il-verità, 
imma jgħixuha” (175). Imma l-kelma ma għandhiex tiskot: “Kunu kapaċi tmorru 
kontra l-kurrent u agħrfu aqsmu ma’ oħrajn lil Ġesù, għaddulhom il-fidi li hu 
takom” (176). Fejn jibgħatna Ġesù? “Ma hemmx konfini, ma hemmx limiti: jibgħatna 
għand kulħadd. Il-Vanġelu huwa għal kulħadd u mhux għal xi wħud. Mhuwiex biss 
għal dawk li jidhrulna l-aktar qrib tagħna, l-aktar li lesti jilqgħu l-aħbar, 
l-aktar li se jaċċettawna. Hu għal kulħadd” (177). U ma nistgħux nistennew li 
“l-missjoni ħa tkun ħafifa jew komda” (178).
 
Is-sitt kapitlu: “Żgħażagħ li għandhom għeruq”
Franġisku jgħid li jiddispjaċih “jara li xi wħud qed jipproponu liż-żgħażagħ li 
jibnu futur bla għeruq, bħallikieku d-dinja bdiet issa” (179). Jekk xi ħadd 
“jagħmlilkom proposta u jgħidilkom tinjoraw l-istorja, ma tgħożżux l-esperjenza 
tal-anzjani, tistkerrhu dak kollu li għadda u tħarsu biss lejn il-futur li qed 
joffrilkom hu, jewwilla dan mhux mod irħis kif jiġbidkom bil-proposta tiegħu 
biex tagħmlu biss dak li qed jgħidilkom hu? Dik il-persuna tixtieqkom battala, 
maqlugħa minn għeruqkom, suspettużi dwar kollox, biex tistgħu tafdaw biss 
fil-wegħdiet tagħha u toqogħdu għall-pjanijiet tagħha. Hekk jaħdmu l-ideoloġiji 
ta’ diversi lwien, li jeqirdu (jew iżarmaw) dak kollu li hu differenti u hekk 
jistgħu jaħkmu bla ma jsibu x’jiqfilhom” (181). Il-manipulatur jinqeda wkoll 
bl-adorazzjoni taż-żgħożija: “Il-ġisem żagħżugħ isir is-simbolu ta’ dan il-kult 
ġdid, u għalhekk kulma għandu x’jaqsam ma’ dak il-ġisem hu meqjum bħala idolu u 
mixtieq bla waqfien, u dak li mhux żagħżugħ hu mistkerrah. Imma din hi arma li 
tispiċċa biex tbaxxi qabelxejn liż-żgħażagħ stess” (182). “Għeżież żgħażagħ, 
tħallux lil min jiddobba biż-żgħożija tagħkom b’risq ħajja superfiċjali, li 
tifxel il-ġmiel mad-dehra” (183), għax hemm ċertu ġmiel f’dak il-ħaddiem li 
jerġa’ lura d-dar bil-ħmieġ tax-xogħol ma’ jdejh, fil-mara anzjana li tieħu 
ħsieb ta’ żewġha marid, fil-fedeltà ta’ koppji li jibqgħu jinħabbu mqar 
fil-ħarifa tal-ħajja.
 
Imma llum hawn min jippromovi “spiritwalità mingħajr Alla, affettività mingħajr 
komunità u mingħajr impenn b’risq min qed ibati, biża’ mill-foqra li jidhru 
qishom suġġetti perikulużi, u serje ta’ offerti li jippretendu li jistgħu 
jbellgħulkom futur ġenna tal-art li dejjem hu pospost għal darb’oħra” (184): 
il-Papa jistieden liż-żgħażagħ biex ma jħallux taħkimhom din l-ideoloġija li 
ġġib magħha “xejriet veri ta’ kolonizzazzjonijiet kulturali” (185) li jaqilgħu 
liż-żgħażagħ mill-appartenenzi kulturali u reliġjużi li minnhom ġejjin u 
tipprova tomoġenizzahom billi tibdilhom f’suġġetti “fabbrikati li jistgħu jiġu 
mmanipulati” (186).
 
Hi fundamentali r-“relazzjoni tiegħek mal-anzjani”, li jgħinu liż-żgħażagħ 
jiskopru l-għana ħaj tal-imgħoddi, u jagħmlu memorja tiegħu. “Il-Kelma ta’ Alla 
tissuġġerilna ma nitilfux il-kuntatt mal-anzjani, biex hekk nistgħu nitgħallmu 
mill-esperjenza tagħhom” (188). Dan “ma jfissirx li int għandek taqbel magħhom 
f’dak kollu li jgħidu, lanqas li għandek tapprova l-għemejjel kollha tagħhom”, 
imma “sempliċiment li tkun miftuħ biex tilqa’ dak l-għerf li jgħaddi minn 
ġenerazzjoni għall-oħra” (190). “Lid-dinja qatt m’għamlilha ġid u anqas se 
jagħmlilha l-qtugħ bejn ġenerazzjoni u oħra… Din hi l-gidba li trid 
tbellagħhielna li dak li hu ġdid biss hu tajjeb u sabiħ” (191).
 
Meta jitkelllem fuq “ħolm u viżjonijiet”, Franġisku josserva: “Jekk iż-żgħażagħ 
u l-anzjani jinfetħu għall-Ispirtu s-Santu, flimkien jistgħu jipproduċu 
kollaborazzjoni tal-għaġeb. L-anzjani joħolmu u ż-żgħażagħ ikollhom 
il-viżjonijiet” (192); jekk “iż-żgħażagħ iniżżlu għeruqhom fil-ħolm tal-anzjani, 
jirnexxilhom jaraw il-ġejjieni” (193). Mela jeħtieġ “nirriskjaw flimkien”, nimxu 
flimkien, żgħażagħ u anzjani: l-għeruq “mhumiex ankri li jgħallquna” imma “punt 
fejn inniżżlu għeruqna biex nistgħu nikbru u nilqgħu għall-isfidi l-ġodda” 
(200). 
 
Is-seba’ kapitlu: “Il-pastorali maż-żgħażagħ”
Il-Papa jfisser kif il-pastorali maż-żgħażagħ ġarrbet l-attakk tal-bidliet 
soċjali u kulturali u “ż-żgħażagħ, fl-istrutturi tas-soltu, spiss mhumiex isibu 
tweġibiet għat-tħassib tagħhom, għall-ħtiġijiet tagħhom, għall-problemi u 
l-ġrieħi tagħhom” (202). Iż-żgħażagħ infushom “huma atturi tal-pastorali 
maż-żgħażagħ, imsieħba u ggwidati, imma ħielsa li jsibu toroq dejjem ġodda bi 
kreattività u kuraġġ”. Jeħtieġ “nużaw l-għaqal, l-intelliġenza u l-għarfien li 
ż-żgħażagħ stess għandhom tas-sensibbiltà, tal-lingwaġġ u tal-problemi 
taż-żgħażagħ l-oħra” (203). Il-pastorali maż-żgħażagħ għandha bżonn 
flessibbiltà, u hemm bżonn “nistiednu liż-żgħażagħ għal avvenimenti li kull tant 
u tant joffrulhom postijiet fejn mhux biss jirċievu formazzjoni, imma li 
jippermettulhom ukoll jaqsmu ħajjithom, jiffesteġġjaw, ikantaw, jisimgħu xhieda 
konkreti u jduqu l-laqgħa komunitarja ma’ Alla l-ħaj” (204).
 
Il-pastorali maż-żgħażagħ ma tistax ma tkunx sinodali, jiġifieri li kapaċi 
ssawwar “mixja flimkien”, u timplika żewġ linji kbar ta’ azzjoni: l-ewwel hi 
t-tiftixa, it-tieni l-maturazzjoni. Għall-ewwel waħda, Franġisku jafda fil-ħila 
taż-żgħażagħ infushom li “jsibu toroq attraenti biex jistiednu”: “Irridu biss 
inħeġġu liż-żgħażagħ u nagħtuhom il-libertà li jaġixxu”. Iżjed importanti minn 
hekk, “kull żagħżugħ u żagħżugħa jrid isib il-kuraġġ li jiżra’ l-ewwel tħabbira 
f’dik l-art għammiela li hi l-qalb ta’ żagħżugħ u żagħżugħa oħra” (210). Hu 
pprivileġġjat “il-lingwaġġ tal-qrubija, il-lingwaġġ tal-imħabba diżinteressata, 
relazzjonali, eżistenzjali, li jmiss il-qalb”, billi nersqu qrib taż-żgħażagħ 
“bil-grammatika tal-imħabba, mhux bil-proselitiżmu” (211). F’dak li jmiss 
il-maturità, Franġisku jiftħilna għajnejna li ma mmorrux nipproponu liż-żgħażagħ 
imqanqla minn esperjenza intensa ta’ Alla “laqgħat ta’ ‘formazzjoni’ fejn 
jaffrontaw biss kwistjonijiet duttrinali u morali… Ir-riżultat ikun li ħafna 
żgħażagħ jiddejqu, jitilfu n-nar imkebbes fihom mil-laqgħa ma’ Kristu u l-ferħ 
tal-mixja warajh” (212). Jekk kull proġett formattiv “bla dubju jrid jinkludi 
formazzjoni duttrinali u morali”, daqshekk ieħor importanti “li jkun idur” 
mal-kerygma, jiġifieri “l-esperjenza li fuqha tinbena l-laqgħa ma’ Alla permezz 
ta’ Kristu li miet u rxoxta” u mal-maturazzjoni “fl-imħabba fraterna, fil-ħajja 
komunitarja, fil-qadi” (213). Għalhekk “il-pastorali maż-żgħażagħ dejjem għandha 
tinkludi mumenti li jgħinu għat-tiġdid u l-approfondiment tal-esperjenza 
personali tal-imħabba ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu ħaj” (214). U trid tgħin 
liż-żgħażagħ “jgħixu bħal aħwa, jgħinu lil xulxin, biex isawru komunità, biex 
jaqdu lill-oħrajn, biex ikunu qrib tal-foqra” (215).
 
L-istituzzjonijiet tal-Knisja hekk isiru “ambjenti tajbin”, u jiżviluppaw 
“ħiliet ta’ kif wieħed jilqa’”: “Fl-istituzzjonijiet tagħna rridu noffru 
liż-żgħażagħ postijiet tajbin, li huma jistgħu jmexxu kif jixtiequ huma u fejn 
jistgħu jidħlu u joħorġu bla xkiel, postijiet li jilqgħuhom u fejn jistgħu 
jinġabru minn jeddhom u b’fiduċja biex jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra kemm 
fil-mumenti ta’ tbatija u meta jkunu mxebbgħin, u kemm meta jixtiequ ma’ min 
jiċċelebraw il-ferħ tagħhom” (218).
 
Għalhekk Franġisku jiddeskrivi “l-pastorali tal-istituzzjonijiet edukattivi”, u 
jafferma li l-iskola għandha “bżonn urġenti li tikkritika lilha nfisha”. U 
jfakkar li “hemm xi skejjel Kattoliċi li donnhom organizzati biss biex iżommu 
għaddej dak li hemm… L-iskola mibdula f’‘bunker’ li tipproteġi mill-iżbalji ‘ta’ 
barra’ hi l-karikatura li tesprimi l-aħjar din it-tendenza”. Meta mbagħad 
iż-żgħażagħ joħorġu, jintebħu li hemm “diskrepanza kbira bejn dak li għallmuhom 
u d-dinja li fiha sabu ruħhom issa”. Min-naħa l-oħra, “fost l-ikbar ferħ ta’ 
edukatur hemm dak li jara student tiegħu jikber f’persuna b’saħħitha, integra, 
protagonista u kapaċi tagħti” (221). Ma nistgħux nifirdu l-formazzjoni 
spiritwali mill-formazzjoni kulturali: “Din hi l-ħidma kbira tagħkom: li twieġbu 
għar-ritornelli paralizzanti tal-konsumiżmu kulturali b’għażliet dinamiċi u 
qawwija, bit-tiftix, l-għarfien u l-qsim” (223). Fost l-“ambjenti ta’ żvilupp 
pastorali”, il-Papa jindika l-“espressjonijiet artistiċi” (226), il-“prattika 
tal-isport” (227), u l-impenn għall-ħarsien tal-ħolqien (228).
 
Hemm bżonn ta’ “pastorali popolari maż-żgħażagħ”, “usa’ u iktar flessibbli, li 
tistimola, fid-diversi postijiet fejn konkretament issib liż-żgħażagħ, dawk 
il-gwidi naturali u dawk il-kariżmi li l-Ispirtu s-Santu diġà żera’ f’nofshom. 
Qabelxejn dan ifisser li ma nagħmlulhomx iżżejjed xkiel, normi, kontrolli u 
strutturi obbligatorji lil dawk iż-żgħażagħ ta’ fidi li huma ‘leaders’ naturali 
fil-postjiet fejn jgħixu u fid-diversi ambjenti. Irridu nillimitaw ruħna li 
nseħbuhom u nħeġġuhom” (230). Meta nippretendu “pastorali maż-żgħażagħ 
impersonali, pura, ikkaratterizzata minn ideat astratti, maqtugħa mid-dinja u 
mħarsa minn kull tebgħa, inkunu nirriduċu l-Vanġelu għal proposta bla togħma, li 
ma tinftehimx, imbiegħda, maqtugħa mill-kulturi taż-żgħażagħ u adattata biss 
għal élite ta’ żgħażagħ Insara li jħossuhom differenti, imma li fir-realtà qed 
jgħumu f’iżolament bla ħajja u li lanqas jagħti frott” (232). Franġisku 
jistedinna nkunu “Knisja bil-bibien tagħha miftuħa”, u “lanqas mhu meħtieġ li 
wieħed jaċċetta għalkollox it-tagħlim kollu tal-Knisja biex jista’ jieħu sehem 
f’xi wħud mill-ispazji tagħna ddedikati għaż-żgħażagħ” (234); “irid ikun hemm 
wisa’ wkoll għal dawk kollha li għandhom viżjonijiet oħra tal-ħajja, jistqarru 
twemmin ieħor jew jiddikjaraw ruħhom barranin għax-xefaq reliġjuż” (235). 
L-ikona għal din il-viżjoni joffrihielna l-episodju evanġeliku tad-dixxipli ta’ 
Għemmaws: Ġesù jistaqsihom, jismagħhom bis-sabar, jgħinhom jagħrfu dak li 
għaddejjin minnu, jinterpretaw dak li għexu fid-dawl tal-Iskrittura, jaċċetta li 
jieqaf magħhom, jidħol fil-lejl tagħhom. Huma stess li jagħżlu li bla dewmien 
jerġgħu jaqbdu l-mixja tagħhom fid-direzzjoni opposta (237).
 
“Dejjem missjunarji”. Biex iż-żgħażagħ isiru missjunarji ma hemmx bżonn jagħmlu 
xi “mixja twila”: “Żagħżugħ li jmur pellegrinaġġ biex jitlob l-għajnuna 
lill-Madonna u jistieden ħabib jew sieħeb tiegħu biex imur miegħu, b’dan il-ġest 
sempliċi qed iwettaq azzjoni missjunarja prezzjuża” (239). Il-pastorali 
maż-żgħażagħ “trid tkun dejjem pastorali missjunarja” (240). U ż-żgħażagħ 
jixirqilhom dejjem ir-rispett fil-libertà tagħhom, “imma għandhom bżonn ukoll li 
jħossuhom imsieħba” min-naħa tal-adulti, ibda mill-familja (242) u allura 
mill-komunità: “Dan jimplika li liż-żgħażagħ nifhmuhom, nistmawhom u nħobbuhom, 
u ma niġġudikawhomx il-ħin kollu jew nesiġu minnhom perfezzjoni li ma 
tikkorrispondix mal-età tagħhom” (243). Jinħass in-nuqqas ta’ persuni esperti u 
dedikati għall-akkumpanjament (244) u “xi tfajliet iħossu n-nuqqas ta’ figuri 
ta’ riferiment femminili fi ħdan il-Knisja” (245). Iż-żgħażagħ infushom 
“fissrulna” l-karatteristiċi li jittamaw li jsibu f’min iseħibhom: “ikun Nisrani 
fidil impenjat fil-Knisja u fid-dinja; tiftixa kontinwa tal-qdusija; ma 
jiġġudikax, imma jieħu ħsieb; jagħti widen b’attenzjoni għall-ħtiġijiet 
taż-żgħażagħ; iwieġeb bi ħlewwa; ikun jaf lilu nnifsu; jagħraf il-limiti tiegħu; 
jaf bil-ferħ u n-niket tal-ħajja spiritwali. Kwalità ta’ importanza ewlenija hi 
li wieħed jagħraf li hu bniedem u li jista’ jiżbalja: m’aħniex perfetti, imma 
midinbin maħfura” (246). Iridu jkunu jafu “jimxu flimkien” maż-żgħażagħ u 
jirrispettaw il-libertà tagħhom.
 
It-tmien kapitlu: “Il-vokazzjoni”
“Dak li hu fundmentali hu li niddixxernu u niskopru li dak li jrid Ġesù minn 
kull żagħżugħ u żagħżugħa hu qabelxejn il-ħbiberija tiegħu” (250). Il-vokazzjoni 
hi sejħa għas-servizz missjunarju lejn l-oħrajn, “għax ħajjitna fuq din l-art 
tilħaq il-milja tagħha meta tinbidel f’offerta” (254). “Biex inwettqu 
l-vokazzjoni tagħna hemm bżonn niżviluppaw, inwarrdu u nikkultivaw dak kollu li 
aħna. Mhux nivvintaw, jew noħolqu lilna nfusna mix-xejn, imma niskopru mill-ġdid 
lilna nfusna għad-dawl ta’ Alla u nħallu lil ħajjitna twarrad” (257). U “dan 
l-‘inkunu għall-oħrajn’ fil-ħajja ta’ kull żagħżugħ normalment hu marbut ma’ 
żewġ kwistjonijiet fundamentali: il-formazzjoni ta’ familja ġdida u x-xogħol” 
(258).
 
F’dak li għandu x’jaqsam mal-“imħabba u l-familja”, il-Papa jikteb li 
“ż-żgħażagħ iħossu b’ċerta qawwa s-sejħa għall-imħabba u joħolmu li jiltaqgħu 
mal-persuna t-tajba li magħha jistgħu jibnu familja” (259), u s-sagrament 
taż-żwieġ “igeżwer din l-imħabba bil-grazzja ta’ Alla, iniżżlilha għeruqha 
f’Alla nnifsu” (260). Alla ħalaqna sesswati, hu stess ħalaq is-sesswalità, li hi 
don tiegħu, u għalhekk “xejn tabù”. Hi don li l-Mulej jagħtina u “għandu żewġ 
għanijiet: li nħobbu lil xulxin u li nnisslu l-ħajja. Hi passjoni… L-imħabba 
vera hi mimlija passjoni” (261). Franġisku josserva li “ż-żieda 
fis-separazzjonijiet, divorzji… tista’ tikkawża fiż-żgħażagħ tbatijiet kbar u 
kriżijiet ta’ identità. Xi drabi jkollhom jitgħabbew b’responsabbiltajiet li 
mhumiex proporzjonati għall-età tagħhom” (262). Minkejja d-diffikultajiet 
kollha, “nixtieq ngħidilkom… li l-familja hi ta’ min jirriskja għaliha u fiha 
ssibu l-aqwa tħeġġiġ biex timmaturaw u l-isbaħ ferħ x’taqsmu ma’ xulxin. Tħallux 
lil min jisirqilkom il-possibbiltà li tħobbu bis-serjetà” (263). “Li temmen li 
xejn ma jista’ jkun għal dejjem hu ingann u gidba… nitlobkom tkunu 
rivoluzzjonarji, nitlobkom tmorru kontra l-kurrent” (264).
 
Fejn jidħol ix-xogħol, il-Papa jikteb: “Nistieden liż-żgħażagħ biex ma 
jippretendux li jistgħu jgħixu bla ma jaħdmu, dejjem jiddependu mill-għajnuna 
tal-oħrajn. Dan mhuwiex sew, għax ix-xogħol hu ħtieġa, hu parti mis-sens 
tal-ħajja fuq din l-art, triq ta’ maturazzjoni, ta’ żvilupp uman u ta’ mixja 
biex nilħqu l-milja personali ta’ ħajjitna. F’dan is-sens, li ngħinu bil-flus 
lill-foqra għandu jkun dejjem rimedju proviżjorju kif nilqgħu għal ċerti 
emerġenzi” (269). U wara li jinnota kif fid-dinja tax-xogħol iż-żgħażagħ qed 
iħabbtu wiċċhom ma’ xejriet ta’ esklużjoni u ta’ emarġinazzjoni (270), jafferma 
hekk dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ: “Hi kwistjoni… li l-politika għandha tqisha 
bħala problema prijoritarja, b’mod partikulari llum li l-ħeffa tal-iżviluppi 
teknoloġiċi, flimkien mal-ossessjoni biex tonqos in-nefqa tax-xogħol, jistgħu 
jwasslu malajr biex ċerti postijiet tax-xogħol jeħdulhom posthom il-magni” 
(271). U liż-żgħażagħ jgħidilhom: “Huwa minnu li ma tistax tgħix bla ma taħdem u 
li xi drabi jkollok taċċetta dak li ssib, imma qatt terġa’ lura mill-ħolm 
tiegħek, tidfen qatt għalkollox vokazzjoni, qatt tgħodd ruħek b’mirbuħ” (272).
 
Franġisku jagħlaq dan il-kapitlu billi jitkellem fuq il-“vokazzjonijiet għal 
konsagrazzjoni speċjali”. “Fid-dixxerniment ta’ vokazzjoni ma rridux naqtgħu 
barra l-possibbiltà ta’ konsagrazzjoni lill-Mulej… Għaliex taqtagħha barra? 
Ibqa’ żgur li, jekk tagħraf sejħa ta’ Alla u timxi warajha, din tkun il-ħaġa li 
timla lil ħajtek tassew” (276).
 
Id-disa’ kapitlu: “Id-dixxerniment”
Il-Papa jfakkarna li “mingħajr l-għerf tad-dixxerniment nistgħu faċilment 
ninbidlu f’pupazzi qisna merċa mitluqa għat-tendenzi tal-mument” (279). 
“Espressjoni tad-dixxerniment hu l-impenn biex nagħrfu l-vokazzjoni tagħna. Hi 
ħidma li titlob spazji ta’ solitudni u ta’ skiet, għax din hi deċiżjoni 
personali ħafna li ħadd ma jista’ jeħodha hu flokna” (283). “Id-don 
tal-vokazzjoni hu bla dubju don esiġenti. Id-doni ta’ Alla huma interattivi u 
biex ingawduhom hemm bżonn nirriskjaw ħafna” (289).
 
Minn min jgħin liż-żgħażagħ fid-dixxerniment huma mitluba tliet sensibbiltajiet. 
L-ewwel waħda hi l-attenzjoni għall-persuna: “Irridu nisimgħu lill-ieħor li qed 
jagħtina lilu nnifsu fi kliemu” (292). It-tieni hi li wieħed jgħarbel lilu 
nnifsu, jiġifieri “taqra l-mument it-tajjeb fejn tista’ tagħraf il-grazzja 
mit-tentazzjoni” (293). It-tielet hi li “nagħtu widen għat-tqanqil li l-ieħor 
iħoss ‘quddiemu’. Hu s-smigħ profond ta’ ‘fejn irid imur tassew l-ieħor’” (294). 
Meta wieħed jisma’ lill-ieħor b’dan il-mod, “f’ċertu punt irid iwarrab min-nofs 
biex iħallih jimxi fit-triq li jkun skopra. Jgħib kif għeb il-Mulej minn quddiem 
id-dixxipli tiegħu” (296). Jeħtieġ “inqanqlu u nsieħbu l-proċessi, mhux nimponu 
l-mixjiet. U dawn huma proċessi ta’ persuni li huma dejjem uniċi u ħielsa. 
Għalhekk hu diffiċli li nsibu riċetti lesti” (297).
 
L-Eżortazzjoni tagħlaq b’“xewqa” tal-Papa Franġisku: “Għeżież żgħażagħ, kemm 
nieħu gost narakom tiġru b’ħeffa ikbar minn min jeħodha bil-mod u hu beżżiegħi. 
Iġru, miġbuda minn dak il-Wiċċ hekk maħbub, li aħna nqimu fl-Ewkaristija mqaddsa 
u nagħrfu fil-ġisem ta’ ħuna li jbati… Il-Knisja għandha bżonn tal-qabża 
tagħkom, tal-intuwizzjonijiet tagħkom, tal-fidi tagħkom… U meta taslu hemm fejn 
aħna għadna ma lħaqniex, ħa jkollkom is-sabar li tistennewna” (299).
 
 
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard