Santità u Aħwa Delegati,

Sinjuri Kardinali,

Għeżież Ħuti fl-Episkopat u fil-Presbiterat,

Għeżież ħuti,

 

Inġbarna ħdejn il-qabar ta’ San Pawl, li twieled elfejn sena ilu f’Tarsu taċ-Ċiliċja, fit-Turkija tal-lum.  Min kien dan Pawlu?  Fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, quddiem ġemgħa inkurlata li riedet toqtlu, hu jippreżenta ruħu b’dawn il-kelmiet: “Jiena Lhudi; twelidt f’Tarsu taċ-Ċiliċja, imma trabbejt f’din il-belt [Ġerusalemm] f’riġlejn Gamaljel u tħarriġt bir-reqqa fil-ħarsien tal-Liġi ta’ missirijietna; jien mimli ħeġġa għal Alla…” (Atti 22:3).  Fi tmiem il-mixja tiegħu jgħid hekk fuqu nnifsu: “Jien kont magħmul… biex ngħallem lill-ġnus il-fidi u l-verità” (1 Tim 2:7; ara 2 Tim 1:11).  Mgħallem tal-ġnus, appostlu u xandâr ta’ Ġesù Kristu, hekk hu jsejjaħ lilu nnifsu f’ħarsa lura lejn il-mixja ta’ ħajtu.  Imma b’danakollu, din il-ħarsa ma ddurx biss lejn l-imgħoddi.  “Mgħallem tal-ġnus” – din il-kelma tinfetaħ għall-futur, lejn il-poplu u l-ġenerazzjonijiet kollha.  Pawlu għalina m’hux figura ta’ l-imgħoddi, li niftakruha b’qima.  Huwa wkoll l-imgħallem tagħna, anki għalina hu appostlu u xandâr ta’ Ġesù Kristu.

 

Għalhekk inġbarna hawn mhux biex nirriflettu fuq storja tal-passat, li ġiet superata darba għal dejjem.  Pawlu jixtieq ikellimna – il-lum.  Hu għalhekk li jiena ridt insejjaħ din is-“Sena speċjali Pawlina”: biex nisimgħuh u nifhmu minn għandu, mgħallem tagħna, “il-fidi u l-verità”, li fihom insibu r-raġunijiet ta’ l-għaqda bejn id-dixxipli ta’ Kristu.  F’din l-ottika, għal dan l-elfejn anniversarju tat-twelid ta’ l-Appostlu, ridt nixgħel din il-“Fjamma Pawlina” speċjali, li ħa tibqa’ mqabbda s-sena kollha fil-portiku tal-Bażilika.  Biex nagħti iktar solennità lil din it-tifkira, inawgurajt ukoll l-hekk imsejjaħ “Bieb Pawlin”, li minnu dħalt fil-Bażilika akkumpanjat mill-Patrijarka ta’ Kostantinopli, mill-Kardinal Arċipriet u minn Awtoritajiet reliġjużi oħra.  Għalija hu motiv ta’ ferħ qawwi li l-ftuħ tas-Sena Pawlina qed jassumi karattru partikularment ekumeniku grazzi għall-preżenza tga’ għadd kbir ta’ delegati u rappreżentanti ta’ Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali oħra, li nilqagħhom b’qalb miftuħa.  Insellem qabel xejn lill-Qdusija Tiegħu l-Patrijarka Bartilmew I u l-membri tad-Delegazzjoni li għandu miegħu, kif ukoll il-grupp imdaqqas ta’ lajċi minn bosta partijiet tad-dinja li ġew Ruma biex miegħu u magħna lkoll jgħaddu dawn il-waqtiet ta’ talb u ta’ riflessjoni.  Insellem lid-Delegati Aħwa tal-Knejjes li għandhom rabta partikulari ma’ l-Appostlu Pawlu – Ġerusalemm, Antjokja, Ċipru, il-Greċja – u li jsawru l-ambjent ġeografiku tal-ħajja ta’ l-Appostlu qabel il-wasla tiegħu Ruma.  Insellem minn qalbi lill-Aħwa mid-diversi Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali tal-Lvant u tal-Punent, flimkien magħkom ilkoll li ridtu tieħdu sehem f’dan il-ftuħ solenni tas-“Sena” iddedikata lill-Appostlu tal-Ġnus.

 

Mela nġbarna hawn biex nisimgħu dwar il-kbir Appostlu tal-Ġnus.  Mhux biss nistaqsu: Min kien Pawlu?  Nistaqsu fuq kollox: Min hu Pawlu?  X’qed jgħidli lili?  F’din is-siegħa, fil-ftuħ tas-Sena Pawlina li qed ninawguraw, minn qalb ix-xhieda għanja tat-Testment il-Ġdid, l-għażla tiegħi taqa’ fuq tliet siltiet, li fihom tidher il-fiżjonomija interjuri tiegħu, l-ispeċifiċità tal-karattru tiegħu.  Fl-Ittra lill-Galatin hu jagħtina stqarrija tal-fidi li hi personali ħafna, fejn jiftaħ qalbu mal-qarrejja ta’ kull żmien u jikxef x’inhu dak li l-aktar jistimulah minn ġewwa f’ħajtu.  “Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20).  Dak kollu li Pawlu jagħmel, jitlaq minn dan il-fûs.  Il-fidi tiegħu hi l-esperjenza li hu jagħmel ta’ l-imħabba ta’ Ġesù Kristu għalih b’mod kollu kemm hu personali; hu l-għarfien tal-fatt li Kristu laqa’ l-mewt mhux għal xi ħaġa bla isem, imma għall-imħabba tiegħu – ta’ Pawlu – u li, fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, għadu jħobbu, jiġifieri li Kristu ngħata għalih.  Il-fidi tiegħu tfisser li hu ħassu milqut mill-imħabba ta’ Ġesù Kristu, imħabba li tmisslu l-ġewwa nett ta’ qalbu u tibdlu.  Il-fidi tiegħu m’hix teorija, xi fehma dwar Alla u dwar id-dinja.  Il-fidi tiegħu hi l-impatt li l-imħabba ta’ Alla tħalli fuq qalbu.  U hekk din l-istess fidi hi mħabba għal Ġesù Kristu.

 

Ħafna jippreżentawlna lil Pawlu bħala bniedem imħeġġeġ li jaf kif jissielet bix-xabla tal-kelma.  Fil-fatt, fil-mixja tiegħu ta’ Appostlu ma naqsux l-argumenti sħan u l-kunflitti.  Qatt ma fittex l-armonija superfiċjali.  Fl-ewwel waħda fost l-Ittri tiegħu, dik li bagħat lit-Tessalonkin, hu stess jgħid: “Għamilna l-qalb u fost ħafna taħbit… xandarnielkom l-Evanġelju ta’ Alla…  Kif tafu intom, aħna ma ġejniex inżiegħlu bikom bil-kliem” (1 Tess 2:2,5).  Għalih il-verità kienet wisq kbira biex jasal li jissagrifikaha fid-dawl ta’ xi suċċess li jidher.  Fil-fehma tiegħu, il-verità li hu kien mess magħha fil-laqgħa tiegħu ma’ l-Irxoxt kien jixirqilha li jissielet għaliha, jisfa ppersegwitat u jbati minħabba fiha.  Imma dak li kien iqanqlu fl-iżjed ġewwieni tiegħu kien il-fatt li ħassu maħbub minn Ġesù Kristu u x-xewqa li jgħaddi din l-imħabba lill-oħrajn.  Pawlu kien bniedem milqut minn imħabba kbira, u l-ħidma u t-tbatija kollha tiegħu nistgħu nfissruhom biss jekk nitilqu minn din il-qalba.  Il-kunċetti li fuqhom tieqaf soda l-predikazzjoni tiegħu nifhmuhom biss fid-dawl ta’ dan.  Naqbdu biss waħda mill-kelmiet tiegħu li jservu ta’ muftieħ: il-libertà.  L-esperjenza li hu kellu ta’ l-imħabba bla tarf ta’ Kristu lejh kienet fetħitlu għajnejh dwar il-verità u dwar it-triq ta’ l-eżistenza umana – dik l-esperjenza kienet tħaddan kollox fiha.  Pawlu kien iħossu ħieles bħala bniedem maħbub minn Alla li, minħabba f’Alla, seta’ jħobb miegħU.  Din l-imħabba issa ssir il-“liġi” ta’ ħajtu u propju b’dan il-mod hi wkoll il-libertà ta’ ħajtu.  Hu jitkellem u jġib ruħu mqanqal mir-responsabbiltà ta’ l-imħabba.  Libertà u responsabbiltà hawn huma magħquda b’mod inseparabbli.  Ladarba jinsab fir-responsabbiltà ta’ l-imħabba, hu ħieles; ladarba hu jħobb, hu jgħix għal kollox fir-responsabbiltà ta’ din l-imħabba u ma jqisx il-libertà bħala pretest biex jagħmel dak li jrid jew ikun egoista.  Fl-istess spirtu Wistin ħareġ b’dik il-frażi li mbagħad saret famuża: Dilige et quod vis fac (Tract. in 1Jo 7,7-8) – “Ħobb, u agħmel li trid”.  Min iħobb lil Kristu kif ħabbu Pawlu, jista’ tabilħaqq jagħmel dak li jrid, għax imħabbtu tkun magħquda mar-rieda ta’ Kristu u hekk mar-rieda ta’ Alla; għax ir-rieda tiegħu hi ankrata fil-verità u għax ir-rieda tiegħu ma tibqax sempliċiment rieda tiegħu, libertà tal-jien awtonomu, imma hi integrata fil-libertà ta’ Alla u minnha tikseb it-triq li fiha għandha timxi.

 

F’din it-tiftixa tagħna tal-fiżjonomija interjuri ta’ San Pawl, nixtieq, fit-tieni post, infakkarkom fil-kelma li Kristu Rxoxt lissinlu meta kien fi triqtu lejn Damasku.  L-ewwel il-Mulej jistaqsih: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?”.  Għall-mistoqsija: “Min int, Mulej?”, tasal it-tweġiba: “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah” (Atti 9:4s).  Meta jippersegwita lill-Knisja, Pawlu jkun jippersegwita lil Ġesù nnifsu.  “Int qiegħed tippersegwitani”.  Ġesù jidentifika ruħu bħala suġġett wieħed mal-Knisja.  F’din l-esklamazzjoni ta’ l-Irxoxt, li bidlet il-ħajja ta’ Sawl, fl-aħħar mill-aħħar insibu miġbur it-tagħlim kollu dwar il-Knisja bħala Ġisem ta’ Kristu.  Kristu ma qabadx u telaq lejn is-Sema u ħalla fid-dinja ġmiegħi ta’ dixxipli li jkomplu jmexxu “il-kawża tiegħu”.  Il-Knisja m’hix xi għaqda li xogħolha tippromovi kawża partikulari.  Ġo fiha mhux xi kawża għandna.  Ġo fiha għandna l-persuna ta’ Ġesù Kristu, li anki wara li qam mill-mewt baqa’ “laħam”.  Hu “laħam u għadam” (Lq 24:39), kif fil-Vanġelu ta’ Luqa jafferma l-Irxoxt innifsu quddiem id-dixxipli li kienu ħasbuh xi fantażma.  Hu għandu ġisem.  Hu personalment preżenti fil-Knisja tiegħu; “Ras u Ġisem” isawru suġġett wieħed, jgħid imbagħad Wistin.  “Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu?”, jikteb Pawlu lill-Korintin (1 Kor 6:15).  U jżid: kif, skond il-ktieb tal-Ġenesi, ir-raġel u l-mara jsiru ġisem wieħed, hekk Kristu jsir ruħ waħda ma’ dawk li huma tiegħu, jiġifieri suġġett wieħed fid-dinja ġdida ta’ wara l-Qawmien (1 Kor 6:16ss).  F’dan kollu tidher xhieda tal-misteru Ewkaristiku, li fih Kristu kontinwament jagħtina Ġismu u jagħmel minna l-Ġisem tiegħu: “Il-ħobż li naqsmu m’huwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu?  Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10:16s).  Mhux biss Pawlu, imma l-Mulej innifsu issa jdur lejna b’dawn il-kelmiet: Kif stajtu ċċarrtu l-Ġisem tiegħi?  Quddiem il-wiċċ ta’ Kristu, din il-kelma ssir fl-istess ħin talba urġenti: Erġa’ iġborna flimkien minn fost dawn il-firdiet kollha.  Agħmel li l-lum jerġa’ jseħħ dak li għidt: La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed.  Għal Pawlu, dak li hu jgħid dwar il-Knisja bħala Ġisem ta’ Kristu m’hux xi paragun kwalunkwe.  Imur ħafna iżjed lil hemm minn paragun.  “Għaliex qed tippersegwitani?”.  Kristu l-ħin kollu jiġbidna ġewwa l-Ġisem tiegħu, jibni l-Ġisem tiegħu billi jitlaq mill-qalba Ewkaristika, li għal Pawlu hi ċ-ċentru tal-ħajja Nisranija, li grazzi għaliha kulħadd, kif ukoll kull wieħed u waħda minna, jista’ jagħmel din l-esperjenza b’mod għal kollox personali: Hu ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.

 

Nixtieq nagħlaq b’kelma iktar tardiva ta’ San Pawl, eżortazzjoni miktuba mill-ħabs lil Timotju, meta Pawlu kellu l-mewt quddiemu.  “Aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju”, jgħid l-Appostlu lid-dixxiplu tiegħu (2 Tim 1:8).  Din il-kelma, li tinsab lejn tmiem it-toroq li terraq l-Appostlu, donnha bħal testment, treġġagħna lura għall-bidu tal-missjoni tiegħu.  Meta, wara l-laqgħa tiegħu ma’ l-Irxoxt, Pawlu sab ruħu agħma fid-dar ta’ Damasku, Ħananija rċieva l-inkarigu li jmur għand il-persekutur li kien inissel biża’ f’kulħadd u jqiegħed idejh fuqu, biex jikseb mill-ġdid id-dawl.  Għall-oġġezzjoni ta’ Ħananija li dan Sawl kien persekutur perikuluż ta’ l-Insara, pront tasal it-tweġiba: Dan ir-raġel jeħtieġ iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten.  “Jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi” (Atti 9:15s).  Il-ħatra ta’ predikatur u s-sejħa għat-tbatija f’isem Kristu jmorru flimkien f’rabta li ma tinħallx.  Is-sejħa biex isir l-imgħallem tal-ġnus hi fl-istess ħin u intrinsikament sejħa għat-tbatija f’għaqda ma’ Kristu, li fdiena permezz tal-Passjoni tiegħu.  F’dinja fejn il-gidba għandha saħħa kbira, il-verità nħallsu għaliha bit-tbatija.  Min irid jaħrab it-tbatija, iżommha mbiegħda minnu, ikun qed iżomm imbiegħda minnu l-istess ħajja u l-kobor tagħha; ma jistax ikun qaddej tal-verità u għalhekk qaddej tal-fidi.  M’hemmx imħabba mingħajr tbatija – mingħajr it-tbatija taċ-ċaħda tagħna nfusna, tal-bidla u tat-tisfija tal-jien għal-libertà vera.  Hemm fejn m’hemm xejn li jiswa biex nistgħu nbatu minħabba fih, anki l-istess ħajja titlef il-valur tagħha.  L-Ewkaristija – il-qalba tal-ħajja Nisranija tagħna – hi msejsa fuq is-sagrifiċċju ta’ Ġesù għalina, twieldet mit-tbatija ta’ l-imħabba, li fuq is-Salib laħqet il-quċċata tagħha.  Minn din l-imħabba li tingħata, ngħixu aħna.  Hi tagħtina l-kuraġġ u l-qawwa li f’din id-dinja nbatu ma’ Kristu u għaliH, għax nafu li propju b’dan il-mod il-ħajja tagħna ssir kbira u matura u vera.  Fid-dawl ta’ l-ittri kollha ta’ San Pawl naraw kif fil-mixja tiegħu ta’ mgħallem tal-ġnus seħħet il-profezija li saret lil Ħananija f’dik is-siegħa tas-sejħa: Jien għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi”.  It-tbatija tiegħu tagħmlu kredibbli bħala mgħallem tal-verità, li ma jfittixx l-interess personali tiegħu, il-glorja tiegħu nnifsu, is-sodisfazzjon personali, imma jħabrek għal Dak li ħabbna u ta lilu nnifsu għalina lkoll.

 

Ejjew f’din is-siegħa rroddu ħajr lill-Mulej, li sejjaħ lil Pawlu, għamlu dawl għall-ġnus u mgħallem tagħna lkoll, u nitolbuh: Agħtina anki l-lum xhieda tal-Qawmien, milquta minn imħabbtek u kapaċi jwasslu d-dawl tal-Vanġelu fi żminijietna.  San Pawl, itlob għalina!  Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard