|
Indirizz mill-Eċċellenza Tiegħu |
|
Lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI
|
|
taż-Żjara Pastorali tiegħu |
|
Il-GROTTA TA’ SAN PAWL, IR-RABAT – MALTA
|
|
Wara li ntlaqajt uffiċjalment mill-Eċċellenza
Tiegħu l- President tar-Repubblika ta’ Malta,
f’isem il-poplu Malti, jien nagħtik merħba
uffiċjalment f’isem id-djoċesi ta’ Malta u d-djoċesi
ta’ Għawdex. Santità, hu unur kbir u esperjenza
spiritwali unika li jkollna lilek fostna,
il-fidili ta’ dawn iż-żewġ gżejjer. Fuq nota
personali, flimkien mat-tfal li kantawlek
quddiem il-Palazz Presidenzjali, nixtieq
nawguralek fl-okkażjoni ta’ Għeluq Sninek.
|
|
Santità, issa qiegħed f’nofs il-merħla tiegħek u
din il-merħla tagħtik merħba bħala r-ragħaj
tagħha f’isem il-Mulej Ġesù Kristu.
|
|
Il-Grotta ta’ San Pawl tfakkarna fil-qagħda
tal-Appostlu Pawlu fil-gżira tagħna u wkoll,
skont it-tradizzjoni, fil-post fejn kien miżmum
il-ħabs. Il-fidi tagħna ġiet mhux biss minn
Pawlu nawfragu iżda wkoll minn Pawlu priġunier.
Il-Predikazzjoni tal-Kelma waslitilna permezz ta’
San Pawl, imlibbes il-faqar, imma riflessa
fil-qawwa spiritwali ġewwinija ta’ dak li
ppridkaha. Dan hu wkoll parti mill-wirt tal-Fidi
tagħna.
|
|
Il-fatt li l-Provvidenza Divina wasslet lil
Pawlu biex jiġi fil-gżejjer tagħna jibqa’ għajn
ta’ stagħġib għalina. Illum nirringrazzjaw
lill-Provvidenza Divina u lill-Qdusija Tiegħek
li għażilt li żżurna.
|
|
Aħna għadna nistagħġbu għaliex il-miraklu
tal-lifgħa sar fl-ewwel stadju tal-qagħda ta’
Pawlu fil-gżira, bħala sinjal li hu kellu
jakkumpanja dan il-miraklu bil-predikazzjoni
tiegħu. Bl-istess mod, il-Qdusija Tiegħek tiġi
għandna b’missjoni speċifika tixxiebah. Aħna
dalwaqt sa nisimgħu l-ewwel messaġġ tiegħek ftit
sigħat biss wara li llandjajt fuq Gżiritna.
Santità, aħna qed nistennew il-kelma tiegħek
biex twettaqna fil-fidi tagħna.
|
|
Elf disa’ mija u ħamsin sena ilu, il-Maltin
kellhom bil-mod il-mod jiskopru minn kien San
Pawl. Wara l-miraklu, “biddlu l-ħsieb u bdew
jgħidu li kien xi alla” (Atti 28,6). Santità,
fi qlubna aħna diġà nafu minn int. Int ir-Ragħaj
Suprem tagħna li tirrappreżenta lill-Mulej Ġesù
Kristu fostna.
|
|
Dak iż-żmien il-Maltin kellhom jiskopru bil-mod
il-mod in-natura eżatta tal-fidi li Pawlu kien
qed jippriedka. Huma tgħallmu dwar Sidna Ġesù
Kristu u l-Evanġelju tiegħu. Santità, illum aħna
lesti biex nirċievu l-Kelma mingħandek li diġà
għanejt lill-Knisja bir-riflessjonijiet
teoloġiċi tiegħek u issa, bħala Papa,
bil-Maġisteru tiegħek.
|
|
Kif hemm miktub fl-Atti tal-Appostli, meta
l-Maltin irċevew il-Kelma mingħand Pawlu,
il-komunità li kienet pagana saret Komunità
Nisranija mimlija fil-qawwa ta’ Pentekoste.
Pawlu ħalla f’idejhom biex irawmu l-Kelma ħalli
ż-żerriegħa ta’ din il-Kelma li hu żara’ f’dawn
il-gżejjer tikber u tagħmel il-frott. Bis-smigħ
tal-Kelma, kull wieħed min-nies tal-gżira li
aċċetta l-Kelma sar jew saret iż-żerriegħa li
kellha tinżara’ u tikber. Meta San Pawl ħalla l-gżira
hu fada f’idejn il-Komunità Maltija t-tkabbir
taż-żerriegħa li hu kien żara’. Dan hu dak li
huma għamlu b’fedeltà. Din il-fedeltà, u dik ta’
ġenerazzjonijiet oħra ta’ Maltin li ġew wara,
ippermettew li tkun trażmessa lilna mingħajr
qtugħ ta’ xejn.
|
|
Tul is-snin, ħafna Maltin ħassew is-sejħa li
jimitaw lil San Pawl anke fis-sejħa Missjunarja
tiegħu. Illum, f’din il-ġrajja tassew
partikolari, l-istedina speċjali tagħna kienet
lil dawk ħutna, rġiel u nisa, li ħallew
il-gżejjer tagħna biex ixerrdu l-Aħbar it-Tajba
mal-ħames kontinenti kollha. Illum, ħafna mijiet
ta’ isqfijiet, saċerdoti, membri ta’ Istituti ta’
Ħajja Kkonsagrata u persuni lajċi, miżżewġin u
singoli, minn dawn il-gżejjer huma preżenża
ħajja tal-Universalità tal-Knisja f’dawn
il-pajjiżi.
|
|
Santità, aħna qed nistennew b’ħerqa kbira l-messaġġ
tiegħek, biex twettaqna fil-fidi tagħna u wkoll
biex tiggwidana f’din il-missjoni ġdida li
naqsmu l-fidi tagħna ma’ oħrajn li tbiegħdu
mill-Knisja anke f’dawn il-Gżejjer.
|
|
|