Kif il-Quddiesa tista’ tagħmillek il-Ġimgħa aħJar

Anna Marija Fenech

 

Il-familja hija dejjem impennjata bix-xogħol, skola, ‘sports’, lezzjonijiet tal-privat ta’ ħaġa jew oħra, ħinijiet tal-katekeżi għat-tfal u ħafna attivitajiet oħra. Magħhom nistgħu ninkludu wkoll il-quddies jew ta’ kuljum jew inkella dik tal-Ħadd. Qatt ħsibna kemm il-Quddiesa tal-Ħadd tista’ tagħmel tajjeb lil familja tagħna? Hija l-iktar ħin jew anki l-unika mod kif il-familja tista’ tikkonnettja jew aħjar tibni relazzjoni ma’ Alla b’mod speċjali!

 

Studji riċerkati sabu li dawk it-tfal li jattendu il-Quddiesa tal-Ħadd:

·            Jgħixu iktar u jgħixu iktar ferħanin;

·            Jiżviluppaw u jkabbru sens qawwi ta’ x’inhu t-tajjeb u l-ħażin;

·            Itejjbu l-attitudnijiet tagħhom u jmorru tajjeb fl-iskola;

·            Tonqos it-tendenza fihom li jkunu ribellużi;

·            Ma jabbużawx mill-alkoħol, tipjip jew drogi.

 

Il-Quddiesa tagħti ċans lill-familja biex:

·            Tfittex il-maħfra;

·            Titgħallem x’qawwa għandha l-kelma ta’ Alla f’ħajjitha;

·            Toffri lilha infisha lil Mulej;

·            Tesperjenza il-miraklu tal-ħobż u l-inbid li jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu;

·            Tilħaq u tgħin lil ħaddieħor fil-Paċi ta’ Kristu;

·            Taħfer lil ħaddieħor waqt li tingħad il-Missierna;

·            Tersaq biex tirċievi l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu divin mqajjem mill-mewt;

·            Tbaxxi rasha għal barka li tingħata fl-aħħar u tmur lura f’darha biex tagħmel id-dinja iktar aħjar.

 

L-aħjar ħaġa hi li dan tista’ tagħmlu għal siegħa waħda fil-ġimgħa! Mela meta inti taħseb u tgħid ‘X’qiegħed immur nagħmel il-knisja?’jew ‘ħin moħħli sakemm nipprepara lit-tfal x’jilbsu’, ftakar li familji b’saħħithom huma mibnija fuq sisien sodi.

 

Int u tieħu t-tfal żgħar il-Quddiesa:

·            Iddeċiedi minn qabel liema hu il-ħin tal-Quddiesa li trid tattendi;

·            Ipprepara il-ħwejjeġ ta’ kulħadd minn qabel;

·            Ipprepara xi ikla ħafifa jew ‘snack’ siegħa qabel biex ħadd ma jaqbdu l-ġuħ jew l-għatx;

·            Ħu miegħek xi ktieb bl-istampi tal-quddiesa għat-tfal;

·            Poġġi fuq quddiem biex it-tfal ikunu jistgħu jaraw x’inhu jiġri;

·            Tellagħhom miegħek waqt li tkun se titqarrben avolja huma ma jistgħux jitqarrbnu għax għadhom żgħar;

·            Meta huma jaġixxu tajjeb waqt il-Quddiesa, ippremjahom b’xi ħaġa żgħira wara li toħorġu mill-knisja.

 

Punti għal dawk il-ġenituri li għandhom tfal pre-adollexxenti (10-13-il sena)

·            Kellem lill-uliedek dwar il-quddiesa. Jekk hu jew hi tħobb tmur il-quddiesa, uża din l-opportunità biex taqsmu flimkien il-fidi tagħkom. Dan ikun mezz biex tkabbar ir-relazzjoni tiegħek magħhom u tagħkom flimkien ma’ Alla.

·            Jekk xi ħadd minn uliedek huwa indifferenti jew ma jħobbx imur il-quddies, fihem li hemm xi affarijiet fil-ħajja li nagħmluhom għax huma tajbin għalina, anki meta ma jkollniex aptit nagħmluhom. Il-Quddiesa mhux bl-aptit, iżda hija l-mezz fejn aħna qed nagħtu lilna nfusna lil Alla. Fiha aħna niskopru x’għandu lest Alla għalina.

 

L-aqwa mod kif int tista’ tgħin lit-tfal ta kull età biex jattendu u jieħdu sehem fil-quddies huwa bl-eżempju u l-aġir tiegħek stess. Kif qiegħed tixhed f’ħajtek? Kif inhi l-fidi tiegħek? Jekk jaraw li l-quddiesa għandha sens f’ħajtek huma jibdew ifittxu u jippruvaw jagħmlu minn kollox biex isibu dan is-sens f’ħajjithom ukoll.

 

 

Il-Fidi fl-Azzjoni

Imsejjħin biex inħobbu u nservu

Fl-aħħar tal-Quddiesa, is-saċerdot jibgħatna biex ‘inħobbu u nservu lil Alla’. Hekk kif aħna msaħħa bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu ġo fina, aħna mbagħad noħorġu biex INKUNU il-ġisem ta’ Kristu fid-dinja.

 

Il-Knisja tgħallimna li biex verament inħobbu u nservu lil xulxin irridu:

·         Ngħinu lill-uliedna jkollhom il-paċenzja billi nsawwru l-paċenzja;

·         Nisimgħu lil xi ħabib avolja nkunu ħafna impennjati;

·         Ngħinu u naqbżu għal batut.

·         Niktbu, u nitkellmu mal-politikant fuq xi ‘issue’ importanti (mhux ingergru biss);

·         Ninvolvu ruħna fil-parroċċi.

 

B’hekk nistgħu ngħixu dak li niċċelebraw. Din hija l-fidi tagħna fl-azzjoni!

Il-Knisja ssejjħilna biex naduraw, nitolbu u ngħixu. Hi ssejjħilna biex ngħixu moralment b’mod speċjali bit-tagħlim soċjali tagħha. Dan it-tagħlim mimli bit-twemmin rikk u kollu mħabba lejn id-dinjità ta’ kull bniedem fid-dinja, hu min hu u hu x’inhu. Tista’ tkun sorpriż b’liema mod Alla qiegħed isejjaħlek biex tħobb u sservi.