IS-SAGRAMENTI

Anna Maria Fenech

 

Mod komuni kif tideffinixxi s-sagramenti huwa hekk, li huma sinjali li jidhru, mwaqqfin minn Kristu biex jagħtu l-grazzja. Din il-lingwa hija daqxejn tqila, għalhekk ejja naraw flimkien din id-definizzjoni bil-mod u nagħmluha għalina.

 

Sinjali li jidhru

Sinjali li jidhru huma dawk l-affarijiet li naraw u mmissu jew li nistgħu ukoll nisimgħu. Fis-sagramenti, aħna nużaw affarijiet bħal ilma, żejt, ħobż, inbid, kliem u ġesti. Dawn is-simboli jgħinuna biex ituna immaġini konkreta tal-azzjoni ta’ Alla fis-sagrament.

 

Imwaqqfa minn Kristu

Ġesù tgħana is-seba’ sagramenti. Imma, Ġesù ma qabadx u poġġa darba waħda bil-qegħda mal-appostli u qalilhom, “Dawn huma s-seba’ sagramenti.” Is-sagramenti joħorġu mil-kliem u l-ħajja ta’ Ġesù. Permezz tal-Ispirtu li “jwassalha għall-verità kolha” (Ġwanni 16, 13), il-Knisja bħala dik li tamministra bil-fedeltà kollha l-misteri ta’ Alla, għarfet bil-mod it-teżor li rċeviet minn għand Kristu u wriet sewwa kif kellu ‘jitqassam’...(Ara Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1117).

 

Biex jagħtu grazzja

Il-Katekiżmu jgħidilna: “Il-grazzja hi  favur, għajnuna b’xejn li Alla jagħtina biex inwieġbu għas-sejħa tiegħu ħa nkunu ulied Alla...” (Ara KKK, 1996). Il-Katekiżmu jgħidilna wkoll “Il-grazzja hi tisħib fil-ħajja ta’ Alla....” (Ara KKK, 1997). Hija din il-grazzja li tagħmilna ħlejqat ġodda u magħqudin ħaġa waħda ma’ Kristu.

 

Il-Grazzja tas-Sagramenti

L-imħabba ta’ Alla li tgħaqqadna ma’ Kristu titgawda mis-sagramenti kollha. Il-Knisja ssejħilha grazzja qaddisa. Alla jagħtina wkoll għajnuna partikolari fil-ħajja tagħna, skont il-bżonnijiet spiritwali tagħna, waqt li qed niċċelebraw is-sagramenti. Il-frott tal-Magħmudija hija l-maħfra tad-dnubiet tagħna kollha. Il-magħmudija tgħaqqadna mat-Trinità Qaddisa u mal-oħrajn, bħala l-ġisem ta’ Kristu. Il-magħmudija  isseħibna fis-saċerdozju ta’ Kristu.

 

Il-Konfermazzjoni hija marbuta mal-magħmudija bħala sagrament ta’ inizjazzjoni (waħda mit-tliet sagramenti tad-dħul fil-ħajja nisranija). Il-Katekiżmu jgħid li tipperfezzjona l-grazzja tal-magħmudija. Il-frott ta’ dan is-sagrament iħawwilna iktar fl-imħabba ta’ Alla u b’tant qawwa fil-ġisem ta’ Kristu. Il-konfermazzjoni issaħħaħ l-unità ta’ bejnietna u tagħtina l-kuraġġ biex inkunu xhieda tal-fidi tagħna.

 

Il-Katekiżmu jgħidilna li l-Ewkaristija hija l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija kollha. Nistgħu ngħidu li hija l-inkurunazzjoni tat-tlett sagramenti ta’ inizjazzjoni (tad-dħul fil-ħajja nisranija) għax biha aħna qed niċċelebraw l-imħabba totali ta’ Alla, għalina, u fiha qed noffru tifħir u ringrazzjament għal dak li għamel Ġesù meta miet fuq is-salib biex isalvana.

 

Is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni huwa l-ewwel u qabel kollox ċelebrazzjoni tal grazzja li tagħtina ċans li nerġgħu lura għand Alla biex ningħaqdu miegħu wara li nkunu ksirna r-relazzjoni tagħna miegħu. Dan is-sagrament isaħħaħna u jgħina nirreżistu t-tentazzjonijiet.

 

Il-Griżma tal-Morda issaħħaħna fil-mard tagħna u tipreparana biex nersqu lejn il-mewt b’kunfidenza u mingħajr biża’. Il-grazzja sagramentali ta’ dan is-sagrament tfarraġna fis-sofferenzi li jkollna.

 

L-Ordni Sagri (dan jinkludi wkoll l-ordinazzjoni tad-djakni, saċerdoti, u isqfijiet) joħroġ minn dawk li jisseħu il-“Poplu waħdieni ta’ Alla tal-Patt il-Ġdid” (KKK 1267), il-“ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjon qaddis....(KKK 1268) li kisbu permezz tal-magħmudija.Il-grazzja li tingħata lil dawk li jiġu ordnati tgħinhom biex iservu il-ġisem ta’ Kristu f’isem Kristu. Eżattament dan is-sagrament isaħħaħ lil dawk ordnati biex jgħallmu, jmexxu fit-tifħir lil Alla u jmexxu l-komunità.

 

Is-sagrament taż-żwieġ jipperfezzjona l-imħabba ta’ bejn raġel u mara. Huwa wkoll jgħaqqadhom f’ġisem wieħed u jgħamilhom qaddisin. Il-koppja miżżewġa tixhed l-immaġini tal-unità ta’ Kristu mal-Knisja.

 

(maqluba għall-Malti minn Anna M. Fenech)